Navigation path

Left navigation

Additional tools

Other available languages: EN FR DE NL PT EL SL RO

IP/10/821

Brussell, l-24 ta’ Ġunju 2010

Id-Direttiva dwar is-Servizzi: progress tajjeb fl-implimentazzjoni, iżda għad baqa' aktar xi jsir

Il-Kummissjoni Ewropea llum ħadet pass ieħor sabiex tiżgura li l-ħidma titħaffef fit-tnax-il Stat Membru li għadhom ma ffinalizzawx l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar is-Servizzi. Id-Direttiva (id-Direttiva 2006/123/KE) ġiet adottata fi tmiem l-2006 u kellha tiġi implimentata fil-pajjiżi kollha tal-UE sat-28 ta' Diċembru 2009. Tkopri varjetà kbira ta' attivitajiet ekonomiċi – bħal ngħidu aħna servizzi tal-bejgħ bl-imnut, servizzi tal-kostruzzjoni, servizzi tat-turiżmu u s-servizzi ta' ħafna professjonijiet irregolati – li jirrappreżentaw madwar 40 % tal-PDG u tal-impjiegi tal-UE. Id-Direttiva tesiġi li l-Istati Membri jimpenjaw ruħhom biex iwettqu programm ta' riforma ambizzjuż, li jgħaqqad it-tneħħija ta' ostakli regolatorji mhux iġġustifikati u s-semplifikazzjoni amministrattiva. Id-Direttiva mistennija tikkontribwixxi b'mod sinifikanti għall-ħolqien tal-impjiegi u tagħti spinta lit-tkabbir. Kumplessivament, ir-riżultati preliminari tal-proċess ikkumplikat ta' implimentazzjoni tad-direttiva huma inkoraġġanti. Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri diġà adottaw leġiżlazzjoni implimentattiva "orizzontali" u fil-maġġoranza tal-pajjiżi diġà saru wkoll għadd ta' bidliet f'regolamenti speċifiċi. Il-Kummissjoni llum bagħtet opinjoni motivata lil dawk l-Istati Membri li għadhom ma nnotifikawx lill-Kummissjoni dwar l-adozzjoni tal-bidliet regolatorji kollha meħtieġa bid-Direttiva – dawn huma l-Awstrija, il-Belġju, Ċipru, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Irlanda, il-Lussemburgu, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovenja u r-Renju Unit.

X'inhu l-għan tar-regola tal-UE inkwistjoni?

Id-direttiva dwar is-Servizzi għandha l-għan li ttejjeb il-funzjonament tas-Suq Uniku għas-servizzi, li huwa s-sors ewlieni ta' tkabbir u ħolqien ta' impjiegi. Id-Direttiva tesiġi li l-pajjiżi tal-UE jneħħu ostakli legali u amministrattivi li mhumiex ġustifikati jew li huma sproporzjonati fit-twaqqif ta' negozju jew fil-provvediment ta' servizzi transkonfinali fl-UE. Għandha l-għan ukoll tneħħi l-ostakli li jaffettwaw lil dawk li jirċievu s-servizzi (kemm jekk huma konsumaturi kemm jekk huma negozji) u li jixtiequ li jkollhom aċċess għal servizzi minn Stati Membri oħra. L-implimentazzjoni kif suppost tad-Direttiva se tgħin sabiex il-libertà tal-istabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi jinġabru rispettivament fl-Artikoli 49 u 56 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, realtà għan-negozji u l-konsumaturi Ewropej.

L-isfida tal-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar is-Servizzi

L-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar is-Servizzi rriżultat bħala biċċa xogħol partikolarment ta' sfida għall-Istati Membri, minħabba li tikkonċerna firxa wiesgħa ta' liġijiet u regolamenti li jinsabu fil-livelli amministrattivi kollha. Lil hinn mill-ħidma leġiżlattiva, id-Direttiva tesiġi wkoll li l-Istati Membri jimplimentaw proġetti prattiċi kbar, bħal ngħidu aħna l-istabbiliment ta' "Punti ta' Kuntatt Uniku" għan-negozji. Sabiex id-Direttiva tiġi implimentata b'mod sħiħ, l-Istati Membri kellhom jiddedikaw sforzi u riżorsi liema bħalhom fil-livelli amministrattivi kollha. Dan instab li kien partikolarment ta' sfida għal Stati Membri bi struttura reġjonali/deċentralizzata. Minħabba din il-kumplessità, il-Kummissjoni ddedikat riżorsi sinifikanti sabiex tgħin lill-Istati Membri mill-qrib tul l-implimentazzjoni tal-proċess. Uħud mit-tnax-il Stat Membru kkonċernati diġà kkomunikaw għadd ta' miżuri biex jimplimentaw id-Direttiva dwar is-Servizzi iżda għad iridu jadattaw tal-anqas uħud mill-aspetti tal-leġiżlazzjoni tagħhom.

B'riżultat ta' dan, b'liema mod qegħdin ibatu ċ-ċittadini u/jew in-negozji tal-UE?

Bħalissa, rekwiżiti sproporzjonati u mhux iġġustifikati waqqfu b'mod sostanzjali l-iżvilupp tal-attivitajiet tas-servizzi. Negozji, b'mod partikolari dawk żgħar, mhumiex jitħallew jisfruttaw l-opportunitajiet tagħhom, kemm jekk jixtiequ jinnegozjaw f'pajjiżhom kemm jekk barra minn pajjiżhom. Iċ-ċittadini, b'mod partikolari l-konsumaturi, b'riżultat ta' dan qed jiġu mċaħħda minn aċċess għal firxa ta' servizzi usa' u aħjar. Skont stimi konservattivi, il-benefiċċji ekonomiċi potenzjali tad-Direttiva dwar is-Servizzi jistgħu jvarjaw bejn 60 u 140 biljun EUR, u dan jirrappreżenta potenzjal għal tkabbir ta' 0.6-1.5% tal-PDG tal-UE1.

X'inhuma l-passi li jmiss?

L-azzjoni tal-Kummissjoni tinbidel f'opinjoni motivata, it-tieni stadju tal-proċedura ta' ksur tal-UE. Jekk l-Istati Membru ma jibagħtu l-ebda tweġiba sodisfaċenti fi żmien xahrejn, il-Kummissjoni tista' tirreferihom lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE.

Sfond

Il-perjodu ta' implimentazzjoni fuq tliet snin intemm fit-28 ta' Diċembru 2009. L-Istati Membri kkonċernati rċevew l-ewwel ittra mill-Kummissjoni fl-aħħar ta' Jannar 2010 fejn intalbu jikkomunikaw il-miżuri li diġà adottaw sabiex jimplimentaw id-Direttiva dwar is-Servizzi.

Aktar tagħrif

http://ec.europa.eu/internal_market/

L-aktar tagħrif reċenti dwar il-proċeduri ta' ksur li jikkonċernaw l-Istati Membri kollha:

http://ec.europa.eu/community_law/index_mt.htm

1 :

Sors: "Expected economic benefits of the European Services Directive", Netherlands Bureau for Economic Policy Analysis (CPB), Novembru 2007.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website