Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/10/818

Il-Lussemburgu, l-24 ta' Ġunju 2010

Siim Kallas jilqa'l-iffirmar tat-Tieni Stadju tal-ftehim "Open Skies" bejn l-UE u l-Istati Uniti.

Illum, il-Viċi President Kallas laqa' l-adozzjoni tat-'tieni stadju' tal-Ftehim dwar l-avjazzjoni "Open Skies" mal-Istati Uniti. Il-ftehim ġie ffirmat illum fil-Lussemburgu mill-Viċi President Kallas, il-Ministru tat-Trasport Spanjol José Blanco u l-Ambaxxatur għal-Lussemburgu tal-Istati Uniti Cynthia Stroum, flimkien mal-Ministri tat-trasport tal-Istati Membri. L-implimentazzjoni sħiħa tal-ftehimiet tal-ewwel u t-tieni stadju hija mistennija li tagħti spinta ta' EUR 12 –il biljun lill-ekonomija u li toħloq ukoll sa massimu ta' 80,000 impjieg ġdid.

Il-Viċi President Kallas qal: "Dan huwa pass importanti 'l quddiem fir-relazzjoni tal-avjazzjoni li għandna mal-Istati Uniti li hija ta' benefiċċju reċiproku. Din hija aħbar tajba ħafna għall-passiġġieri, għat-trasportaturi tal-merkanzija, għall-ajruporti u l-linji tal-ajru li kollha se jibbenefikaw minn opportunitajiet kummerċjali addizzjonali u minn qafas regolatorju msaħħaħ provdut b'dan il-ftehim. Dan il-ftehim se jgħin lill-industrija Ewropea tal-avjazzjoni sabiex toħroġ mill-perjodu ta' sfidi li għaddiet minnu dan l-aħħar."

Il-ftehim tat-tieni stadju jibni fuq il-benefiċċji tal-ftehim rivoluzzjonarju "Open Skies" iffirmat fl-2007 bejn l-UE u l-Istati Uniti. Huwa joħloq opportunitajiet kummerċjali ġodda u jsaħħaħ il-qafas ta' kooperazzjoni dwar kwistjonijiet bħalma huma l-ambjent, il-protezzjoni soċjali, il-kompetizzjoni u s-siġurtà. Barra minn hekk, joħloq prospett ta' żieda fl-investiment u fl-opportunitajiet ta' aċċess għas-suq għall-ġejjieni.

In-negozjati tat-tieni stadju bdew f'Mejju tal-2008 bil-ħsieb li jkun hemm iktar kooperazzjoni regolatorja u żieda fl-opportunitajiet tas-suq. In-negozjaturi issa wettqu l-mandat mogħti fis-samit ta' Novembru tal-2009 bejn l-UE u l-Istati Uniti.

Il-Ftehim jipprovdi vantaġġi kummerċjali ċari, li jinkludu aċċess ikbar għal-linji tal-ajru tal-UE għall-programm "FlyAmerica". L-Istati Uniti u l-Ewropa impenjaw irwieħhom sabiex jilħqu l-għan li jneħħu l-barrieri għall-aċċess li baqa', u kull sena se jirrevedu l-progress li jwassal għal dan l-għan. Fil-ġejjieni se jiġu skambjati iktar drittijiet kummerċjali bil-kundizzjoni li tiġi emendata l-leġiżlazzjoni li ġejja: Ara hawn taħt:

  • Liberalizzazzjoni reċiproka tas-sjieda u l-kontroll tal-linji tal-ajru. Bħalissa, is-sjieda tal-linji tal-ajru tal-Istati Uniti mill-barranin hija limitata għal 25 % tad-drittijiet tal-vot. Meta tiġi emendata l-leġiżlazzjoni fl-Istati Uniti, l-UE se tippermetti b'mod reċiproku li jkun hemm sjieda maġġoritarja tal-linji tal-ajru tal-UE minn ċittadini tal-Istati Uniti.

  • Restrizzjonijiet marbuta mal-istorbju fl-ajruporti. Il-linji tal-ajru tal-UE se jakkwistaw iktar drittijiet għal titjiriet bejn l-Istati Uniti u għadd ta' pajjiżi li mhumiex Ewropej, bil-kundizzjoni li jsiru l-emendi leġiżlattivi fl-UE dwar il-proċess għall-introduzzjoni ta' restrizzjonijet marbuta mal-istorbju fl-ajruporti. Barra minn hekk, se jitneħħew numru ta' ostakoli għall-investimenti tal-UE f'linji tal-ajru ta' pajjiżi terzi. Meta l-liġijiet tal-Istati Uniti jippermettu sjieda maġġoritarja mill-UE tal-linji tal-ajru tal-Istati Uniti, se jkunu disponibbli drittijiet simili għal-linji tal-ajru tal-Istati Uniti.

In-negozjaturi kisbu wkoll titjib sinifikanti fir-rigward tal-kooperazzjoni regolatorja:

  • Il-ftehim se jsaħħaħ il-kooperazzjoni f'oqsma ambjentali billi jirrikjedi l-kompattibbiltà u l-interazzjoni ta' miżuri bbażati fuq is-suq (bħall-iskemi ta' skambju ta' emissjonijiet) sabiex tkun evitata d-dupplikazzjoni; billi tkun promossa aktar trasparenza għall-miżuri dwar l-istorbju fl-ajruporti. u billi jittejbu t-teknoloġiji, il-fjuwils u l-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru ekoloġiċi. Din il-kooperazzjoni hija ċ-ċavetta li twassal għal iktar sostenibbiltà fl-avjazzjoni internazzjonali.

  • Għall-ewwel darba fl-istorja tal-avjazzjoni, il-ftehim jinkludi artikolu ddedikat għad-dimensjoni soċjali tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Istati Uniti dwar l-avjazzjoni. Dan mhux biss jiżgura li d-drittijiet legali eżistenti tal-impjegati tal-linji tal-ajru jinżammu, iżda wkoll li l-implimentazzjoni tal-ftehim tikkontribwixxi għal standards tax-xogħol għoljin.

  • Il-ftehim se jgħolli l-livell diġà għoli tal-kooperazzjoni fil-qasam tas-sigurtà biex ikunu allokati aħjar ir-riżorsi kontra theddidiet għas-sistema tal-avjazzjoni billi tkun promossa l-fiduċja reċiproka massima fil-miżuri ta' sigurtà ta' xulxin, kif ukoll reazzjonijiet pronti u kkoordinati għal theddidiet ġodda.

  • Il-ftehim jestendi aktar ir-rwol tal-Kumitat Konġunt UE-Stati Uniti, li huwa l-korp li jimmonitorja l-implimentazzjoni tal-Ftehim u li jikkoordina l-flussi ta' xogħol differenti tal-kooperazzjoni regolatorja. Ir-regoli l-ġodda se jnaqqsu l-burokrazija (pereżempju permezz tar-rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet regolatorji ta' xulxin) u se jevitaw il-ħela ta' riżorsi doppji (pereżempju permezz ta' inizjattivi konġunti dwar is-sikurezza, is-sigurtà ċentralizzata (one-stop security), l-iffaċilitar tal-ivjaġġar tal-passiġġieri).

Is-swieq tal-Unjoni Ewropea u tal-Istati Uniti huma l-ikbar swieq tal-avjazzjoni fid-dinja. Flimkien, huma jirrappreżentaw bejn wieħed u ieħor 60 % tal-avjazzjoni globali. Il-benefiċċji ekonomiċi marbutin mal-implimentazzjoni tal-ftehim tat-tieni stadju kien stmat b'mod indipendenti li għandu valur ekwivalenti għall-benefiċċji transatlantiċi mistennija minn konklużjoni b'suċċess tal-laqgħa tad-Doha dwar il-kummerċ. Wara l-iffirmar tal-ftehim, se jkun meħtieġ il-kunsens tal-Paralment Ewropew u r-rattifika mill-Istati Membri kollha sabiex jidħol fis-seħħ b'mod formali.

Il-benefiċċji ekonomiċi potenzjali tat-tneħħija tal-barrieri bejn is-suq transatlantiku UE - Stati Uniti huma sinifikanti ħafna. (Booz Allen Hamilton, Jannar 2007):

  • F'termini ekonomiċi, dan jista' jilħaq valur massimu ta' EUR 12 –il biljun f'benefiċċji soċjali u massimu ta' 80,000 impjieg ġdid (mifruxa bejn wieħed u ieħor b'mod indaqs bejn l-Istati Uniti u l-UE).

  • Dan jista' joħloq possibbiltà ta' żieda ta' 26 miljun passiġġier fuq it-titjiriet transatlantiċi fuq perjodu ta' ħames snin. Dan għandu jitqabbel mat-traffiku annwali ta' bħalissa li huwa kemm kemm inqas minn 50 miljun (2007). Dan ifisser li permezz tal-ftehim, fl-aħħar tal-ħames snin, dak is-suq se jkun 34 % ikbar milli kien qabel il-fehim.

  • Bl-eliminazzjoni tal-ftehimiet bilaterali u r-restrizzjonijiet tagħhom dwar id-drittijiet tat-traffiku, nistgħu nbassru tnaqqis fil-prezz tal-biljetti għall-kumpaniji u għall-klijenti privati, b'benfiċċji ekonomiċi konsolidati ta' bejn EUR 6.4 u 12 –il biljun fuq perjodu ta' ħames snin.

  • Is-suq tal-merkanzija se jikber ukoll b'perċentwal ta' madwar wieħed u tnejn.fil-mija.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website