Navigation path

Left navigation

Additional tools

Protezzjoni tad-dejta: Il-Kummissjoni titlob lir-Renju Unit biex issaħħaħ il-poteri tal-awtorità nazzjonali għall-protezzjoni tad-dejta, kif meħtieġ mid-dritt tal-UE

European Commission - IP/10/811   24/06/2010

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/10/811

Brussell, l-24 ta’ Ġunju 2010

Protezzjoni tad-dejta: Il-Kummissjoni titlob lir-Renju Unit biex issaħħaħ il-poteri tal-awtorità nazzjonali għall-protezzjoni tad-dejta, kif meħtieġ mid-dritt tal-UE

Il-Kummissjoni Ewropea talbet lir-Renju Unit biex issaħħaħ il-poteri tal-awtorità għall-protezzjoni tad-dejta tiegħu sabiex jikkonforma mad-Direttiva tal-UE dwar il-Protezzjoni tad-Dejta. It-talba tal-Kummissjoni tieħu l-forma ta' opinjoni motivata – it-tieni fażi taħt il-proċeduri ta' ksur tal-UE. Fir-Renju Unit, ir-regoli nazzjonali dwar id-dejta huma limitati f'bosta manjieri u dan iwassal għal standard ta' protezzjoni aktar baxx minn dak meħtieġ taħt ir-regoli tal-UE. Ir-Renju Unit issa għandu xahrejn biex jinforma lill-Kummissjoni dwar il-miżuri meħuda biex ikun hemm konformità kompleta mad-Direttiva tal-UE dwar il-Protezzjoni tad-Dejta.

"L-awtoritajiet għall-Protezzjoni tad-Dejta għandhom il-kompitu kruċjali u delikat li jipproteġu d-dritt fundamentali għall-privatezza. Ir-regoli tal-UE jeħtieġu li x-xogħol tal-awtoritajiet għall-protezzjoni tad-dejta ma jiġix imfixkel, lanqas mill-iċken farka ta' ambigwutà legali. Jien se ninforza dawn ir-regoli b'saħħa," stqarret il-Viċi-President Viviane Reding, Kummissarju għall-Ġustizzja, id-Drittijiet Fundamentali u ċ-Ċittadinanza. "Ninkoraġġixxi lir-Renju Unit sabiex ibiddel malajr kemm jista' jkun ir-regoli tiegħu sabiex l-awtorità għall-protezzjoni tad-dejta tkun tista' taqdi dmirijietha b'ċarezza assoluta dwar ir-regoli. Jekk wieħed għandu awtorità mingħajr poteri suffiċjenti jfisser li din l-awtorità qed tiġi mfixxkla milli tkun tista' taġixxi bl-aħjar mod possibbli."

Il-każ jikkonċerna l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Dejta tal-UE tal-1995 (95/46/KE) fil-liġi tar-Renju Unit (l-Att dwar il-Protezzjoni tad-Dejta tal-1998) u l-applikazzjoni tagħha mill-qrati tar-Renju Unit. Il-Kummissjoni kkooperat mal-awtoritajiet tar-Renju Unit sabiex issolvi bosta kwistjonijiet, iżda għad fadal diversi x'jiġu solvuti, notevolment restrizzjonijiet tal-poteri tal-Information Commissioner's Office (Uffiċċju tal-Kummissarju dwar l-Informazzjoni), li:

  • ma jistax jivverifika jekk il-protezzjoni tad-dejta ta' pajjiżi terzi hix adegwata. Dawn il-valutazzjonijiet għandhom jaslu qabel trasferimenti internazzjonali ta' informazzjoni personali;

  • ma jista’ la jagħmel kontrolli każwali fuq persuni li jużaw jew li jipproċessaw dejta personali, u lanqas jinforza sanzjonijiet wara li jkunu saru l-kontrolli.

Barra minn hekk, il-qrati fir-Renju Unit jistgħu jirrifjutaw id-dritt li dejta personali tiġi rranġata jew imħassra. Id-dritt għall-kumpens għal dannu morali meta informazzjoni personali tiġi użata b'mod inapproprjat hu wkoll ristrett.

Dawn il-poteri u drittijiet huma protetti taħt id-Direttiva għall-Protezzjoni tad-Dejta tal-UE u jridu japplikaw ukoll fir-Renju Unit. Kif ġie espress fl-opinjoni motivata tal-lum, il-Kummissjoni trid li r-Renju Unit jirrimedja dawn in-nuqqasijiet kif ukoll nuqqasijiet oħrajn.

Il-passi li jmiss

Għal aktar informazzjoni dwar il-proċess ta' ksur fi tliet fażijiet, ara l-IP/10/798

Sfond

Għall-istatistiċi attwali ġenerali dwar il-ksur, ara:

http://ec.europa.eu/community_law/infringements/infringements_mt.htm

Għal aktar tagħrif

Il-Kamra tal-Aħbarijiet tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni:

http://ec.europa.eu/justice_home/news/intro/news_intro_mt.htm

Il-paġna fuq l-internet ta' Viviane Reding, Viċi President u Kummissarju għall-Ġustizzja, id-Drittijiet Fundamentali u ċ-Ċittadinanza:

http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/reding/index_en.htm


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website