Navigation path

Left navigation

Additional tools

Drittijiet ta' proprjetà intellettwali: Il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni jagħtu l-premijiet lir-rebbieħa tal-kompetizzjoni Real FAKE

European Commission - IP/10/785   23/06/2010

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/10/785

Brussell, it-23 ta’ Ġunju 2010

Drittijiet ta' proprjetà intellettwali: Il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni jagħtu l-premijiet lir-rebbieħa tal-kompetizzjoni Real FAKE

Illum, il-Kummissarju għas-Suq Intern u s-Servizzi Michel Barnier u l-membri tal-Parlament Ewropew taw il-premijiet lir-rebbieħa tal-kompetizzjoni għall-iskejjel "REAL Fake". Il-kompetizzjoni li tikkonsisti fid-disinn ta' logo għall-Osservatorju Ewropew għall-Falsifikazzjoni u l-Piraterija jew powsters, films qosra, logħbiet u materjali oħra dwar il-falsifikazzjoni u l-piraterija, kienet imnedija mill-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea. Din il-kompetizzjoni kienet l-ewwel pass f'kampanja ta' sensibilizzazzjoni li kienet varata mill-Unjoni Ewropea biex l-Ewropej isiru aktar konxji mill-perikli tal-oġġetti ffalsifikati u tal-piraterija u l-impatti ta' dannu tagħhom fuq il-konsumaturi u l-ekonomija. Ir-rebbieħa ġew mistiedna għal ċerimonja kbira tal-għoti tal-premijiet fil-Parlament Ewropew fi Brussell.

Il-Kummissarju għas-Suq Intern u s-Servizzi, Michel Barnier, qal: "Huwa ta' pjaċir għalija li l-ġenerazzjoni żagħżugħa qed turi interess kbir fil-parteċipazzjoni ta' din il-kompetizzjoni. Kulħadd, irrispettivament mill-età, jista' jikkontribwixxi fil-ġlieda kontra l-kummerċ tal-oġġetti foloż u l-piraterija li huwa theddida għas-sikureza tagħna u għas-saħħa personali u ekonomika tagħna. Huwa ta' importanza kardinali li ningħaqdu flimkien biex niżviluppaw inizjattivi bħal din biex niġġieldu dan il-fenomenu li qed jagħmel ħsara. Is-sensibilizzazzjoni u l-edukazzjoni taż-żgħażagħ dwar il-perikli tax-xiri u l-użu ta' oġġetti falsifikati huma kruċjali. Din il-kompetizzjoni turi li l-messaġġi dwar il-protezzjoni u l-infurzar tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali mhemmx għalfejn ikunu ripressivi u fir-realtà jistgħu jkunu ta' divertiment u impenjattivi. B'dan il-mod, nistgħu nfiehmu aktar mill-qrib lil ġenerazzjoni ġdida ta' konsumaturi tal-UE."

Il-kompetizzjoni "REAL fake" saret fl-UE kollha bejn Marzu u Ġunju 2010 u kienet immirata għal studenti ta' bejn 10 u 15-il sena. Iż-żgħażagħ Ewropej ingħataw iċ-ċans li jipproduċu powsters, vidjos qosra, logħbiet, kartuns u materjal edukattiv ieħor li jenfasizza l-implikazzjonijiet tal-falsifikazzjoni u l-piraterija. Alternattivament, il-parteċipanti setgħu jiddisinjaw logo rebbieħ għall-Osservatorju Ewropew għall-Falsifikazzjoni u l-Piraterija.

Waslu mijiet ta' sottomissjonijiet mill-Ewropa kollha, u minnhom, ġurija indipendenti għamlet l-għażla tagħha tal-entrati li għamlu suċċess.

  • Ir-rebbieħa tal-ewwel kategorija għall-aħjar "Logo/Powster" għall-Osservatorju Ewropew għall-Falsifikazzjoni u l-Piraterija, li se jintuża fuq il-materjal futur kollu tal-Osservatorju kienu:

L-ewwel post- 1st High School of Triandria (il-Greċja);

It-tieni post - IES Sabinar-Roquetas de Mar (Almería, Spanja);

It-tielet post - Gimnazjum z Oddziałami Integracyjnymi nr 4 im. Orła Białego w Słupsku (il-Polonja).

  • Ir-rebbieħa tat-tieni kategorija għall-aħjar "Vidjo" kienu:

L-ewwel post- Vörösmarty Mihály Általános Iskola és Alapfokú Művészetoktatási Intézmény (l-Ungerija);

It-tieni post - Gymnázium Nymburk (ir-Repubblika Ċeka);

It-Tielet post - Gimnazjum w Jasienicy (il-Polonja).

Il-premijiet varjaw minn tagħmir tal-kompjuters għall-iskejjel sa consoles, logħbiet, ħwejjeġ tal-sports u materjal edukattiv għat-tfal.

Ir-rebbieħa kollha ġew mistiedna Brussell fejn irċevew il-premijiet tagħhom minn MEPs distinti (Edit Herczog, Bill Newton Dunn u Andreas Schwab) u mill-Kummissarju għas-Suq Intern u s-Servizzi, Michel Barnier. Id-diżinjatriċi tal-moda u l-eks mudella Yasmin Le Bon, il-Viċi President tal-Unifab Philipe Lacoste u l-kantant/kittieb tal-kanzunetti Alain Chamfort kienu wkoll preżenti biex jifirħu lill-iskejjel għas-suċċess tagħhom. Il-President tal-Parlament Ewropew Jerzy Buzek għamel żjara formali l-wirja dwar oġġetti ffalsifikati u l-piraterija organizzata matul l-avveniment.

Il-falsifikazzjoni u l-Piraterija

Fl-aħħar għaxar snin, l-isplużjoni globali tal-falsifikazzjoni u l-piraterija saret waħda mill-iktar problemi devastanti li qed taffaċċja d-dinja tan-negozju. Għoxrin sena ilu, il-falsifikazzjoni setgħet kienet meqjusa bħala problema b'mod partikolari għall-manifatturi tal-ħwejjeġ tal-moda, l-arloġġi u l-basktijiet li jiswew ħafna flus. Iżda llum dawk li jiffalsifikaw wessgħu il-produzzjoni tagħhom biex mhux biss jinkludu appliances tal-elettriku, partijiet tal-karozzi u ġugarelli ffalsifikati, iżda wkoll mediċini. Skont l-iktar ċifri riċenti tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiku (OECD), fl-2007, il-kummerċ internazzjonali tal-oġġetti ffalsifikati u l-piraterija huwa stmat li laħaq USD 250 biljun. Fl-2008, l-uffiċjali tad-dwana tal-UE interċettaw iktar minn 178 miljun oġġett iffalsifikat. Dan jista' jitqabbel mal-interċettazzjoni ta' 79 miljun oġġett fl-2007. Għas-sitt sena konsekuttiva, l-għadd ta' każijiet li fihom id-dwana ħadet azzjoni żdiedu.

L-Osservatorju

Stabbilit mill-Kummissjoni Ewropea fl-2009, l-Osservatorju għall-Falsifikazzjoni u l-Piraterija twaqqaf biex jiżgura iktar kollaborazzjoni bejn l-industrija, l-amministrazzjonijiet pubbliċi u l-konsumaturi fil-ġlieda kontra l-falsifikazzjoni u l-piraterija. L-Osservatorju jservi bħala pjattaforma li tippermetti skambji ta' esperjenzi prattiċi, li joħolqu sensibilizzazzjoni pubblika u li jaqsmu l-aħjar prattiki dwar l-infurzar tat-tekniki. L-Osservatorju huwa ċentru ta' riżorsi kruċjali għall-ġbir, il-monitoraġġ u r-rappurtar ta' dejta u informazzjoni essenzjali li se jtejbu l-għarfien tal-UE dwar il-perikli tal-falsifikazzjoni u l-piraterija.

Aktar tagħrif:

http://ec.europa.eu/internal_market/iprenforcement/observatory/real_fake_competition_mt.htm

MEMO/10/272


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website