Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/10/773

Brussell, it-22 ta' Ġunju 2010

Stħarriġ ġdid jiżvela li iktar persuni qed ibatu biex ilaħħqu mal-ħajja

Ewropew minn sitta qal li jsibha diffiċli biex iħallas il-kontijiet tad-dar u tliet kwarti mill-Ewropej jemmnu li fis-sena li għaddiet il-faqar żdied f'pajjiżhom. Dawn huma r-riżultati ewlenin minn stħarriġ ġdid tal-Ewrobarometru dwar l-impatti soċjali tal-kriżi, ippreżentat illum mill-Kummissjoni Ewropea. L-istħarriġ, li sar f'Mejju 2010, jimmarka nofs triq tas-Sena Ewropea 2010 Kontra l-Faqar u sar wara li l-mexxejja tal-UE fis-17 ta' Ġunju ftiehmu li joħorġu 20 miljun Ewropew mill-faqar u l-esklużjoni soċjali fl-għaxar snin li ġejjin.

Huwa u jitkellem max-xandir fi Brussell, László Andor, il-Kummissarju tal-UE għall-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni qal, "Ir-riżultati tal-istħarriġ jikkonfermaw li l-faqar huwa kwistjoni kbira fl-UE u li l-qagħda ekonomika u finanzjarja attwali qed tkompli tgħarraq is-sitwazzjoni. L-effetti tal-kriżi qed jinħassu u proporzjon imdaqqas ta' Ewropej illum qed isibuha diffiċli biex ilaħħqu mal-ħajja". Huwa żied jgħid: "L-istrateġija l-ġdida tal-UE għall-għaxar snin li ġejjin, Ewropa 2020, u l-mira tagħha li toħroġ mill-inqas 20 miljun Ewropew mill-faqar sal-2020, tibgħat messaġġ qawwi dwar l-impenn ġenwin tal-pajjiżi kollha li jiksbu riżultati viżibbli għal Ewropa iktar ġusta u inklussiva."

Kollox ma' kollox, iċ-ċittadini tal-UE jemmnu li, fis-sena qabel l-istħarriġ, il-faqar żdied fil-livelli kollha: sitta minn 10 jemmnu li l-faqar żdied fiż-żona lokali tagħhom, tliet kwarti jħossu li l-faqar żdied f'pajjiżhom u 60 % jaħsbu li l-faqar żdied fl-UE kollha kemm hi.

Il-kriżi u s-sejħiet għall-miżuri ta' awsterità huma riflessi fil-perċezzjoni tan-nies dwar il-faqar. Il-Greċja tispikka b'85 % minn dawk li wieġbu għall-istħarriġ jaħsbu li l-faqar żdied f'pajjiżhom. 83 % tal-Franċiżi, 82 % tal-Bulgari, 77 % tar-Rumeni u 75 % tat-Taljani wkoll huma tal-istess fehma dwar pajjiżhom. Filwaqt li f'xi pajjiżi n-nies qed jistennew iktar diffikultajiet, pereżempju sebgħa minn 10 Rumeni u Griegi qed jistennew li l-qagħda finanzjarja domestika tagħhom tmur lura, oħrajn kellhom perċezzjonijiet imtejba. Pereżempju, 23 % tal-Latvjani qed jistennew li l-qagħda finanzjarja domestika tagħhom tmur lura (tnaqqis mill-65 % f'Lulju 2009), 32 % tal-Litwani (tnaqqis mit-58 % f'Lulju 2009) u 20 % tal-Ungeriżi (tnaqqis mit-48 % f'Lulju 2009). F'dan il-waqt, minn dawk li wieġbu għall-istħarriġ, inqas nies fil-Latvja, il-Polonja, ir-Renju Unit, il-Belġju u l-Finlandja qed jistennew li jibqgħu qiegħda jekk jitilfu l-impjieg tagħhom.

Sehem imdaqqas taċ-ċittadini tal-UE jirrappurtaw li jinsabu f'qagħda finanzjarja ħażina

Wieħed minn kull sitt Ewropej irrapporta li l-familja tiegħu ma kellhiex flus biex tħallas il-kontijiet ordinarji, tixtri l-ikel jew oġġetti oħra għall-konsum ta' kuljum, f'mill-inqas darba waħda fis-sena li għaddiet u 20 % kellhom problemi biex ilaħħqu mal-kontijiet domestiċi jew impenji ta' kreditu fil-waqt li sar l-istħarriġ (imwettaq f'Mejju 2010).

Għal 15 % hija ġlieda kontinwa, filwaqt li 3 % waqgħu lura fil-ħlas ta' xi kontijiet u impenji ta' kreditu u 2 % kien qed ikollhom problemi finanzjarji veri u waqgħu lura f'ħafna minn dawn il-ħlasijiet.

Madwar 30 % taċ-ċittadini jsibuha iktar diffiċli biex ilaħħqu mal-ispejjeż tas-saħħa

Madwar tlieta minn kull 10 Ewropej irrappurtaw li, f'dawn l-aħħar sitt xhur, sar iktar diffiċli biex ilaħħqu mal-ispejjeż tas-saħħa, il-kura tat-tfal jew il-kura fit-tul għalihom jew għall-qraba tagħhom : 11 % ħassew li kien sar "ħafna iktar diffiċli" u 18 % ħasbu li kien sar "pjuttost iktar diffiċli".

Wieħed minn kull sitt Ewropej ma għandux ħafna tama jew ma għandu l-ebda tama li se jżomm l-impjieg tiegħu

F'Marzu 2010, 18 % ta' min wieġeb u kellu impjieg ma għandhomx wisq tama jew ma għandhom ebda tama li kienu se jżommu l-impjieg attwali tagħhom fit-12-il xahar li jmiss u 49 % jaħsbu li huwa pjuttost improbabbli jew kważi impossibbli li huma jsibu impieg ieħor f'sitt xhur, jekk jingħataw is-sensja.

Il-perċezzjoni tal-impatt tal-kriżi fuq l-intitolamenti futuri tal-pensjonijiet

Fl-aħħar nett, fir-rigward tad-dħul finanzjarju fil-ġejjieni, 73 % taċ-ċittadini tal-UE jantiċipaw espliċitament inqas benefiċċji tal-pensjoni jew jaħsbu li se jkollhom jipposponu l-ħruġ bil-pensjoni jew ifaddlu l-flus għal xjuħithom. Sadanittant, 20 % huma mħassba ħafna li d-dħul tagħhom fi xjuħithom mhux se jkun biżżejjed biex jgħixu ħajja diċenti, u 34 % huma pjuttost imħassba dwar dan. Fi 17-il Stat Membru, maġġoranza ta' min wieġeb hija mħassba ħafna jew pjuttost imħassba li d-dħul tagħha fix-xjuħija mhux se tkun biżżejjed biex tgħix fid-dinjità.

Sfond

Il-perċezzjonijiet tal-pubbliku dwar l-impatt soċjali tal-kriżi li faqqgħet fil-ħarifa tal-2008 kienu qed jiġu mmonitorjati regolarment minn Ġunju 2009 bi stħarriġiet tal-Ewrobarometru mfassla speċifikament għal dan l-iskop. Dawn għandhom l-għan li janalizzaw il-perċezzjonijiet dwar l-eżistenza tal-faqar, il-livell tad-diffikultà finanzjarja tal-familji, il-bdil f'kemm in-nies ilaħħqu mal-ispejjeż tas-saħħa u l-kura soċjali u kif in-nies jaħsbuha dwar il-qagħda finanzjarja tagħhom fi xjuħithom.

Għal dan l-aħħar ċiklu, ġew intervistati 25,600 ċittadin mill-Istati Membri kollha tal-UE, primarjament permezz tat-telefown, mit-18 sat-22 ta' Mejju 2010, wara li l-parteċipanti ntgħażlu b'mod arbitrarju, u dan kien segwit minn kalkolu ta' differenzazzjoni biex jiġu kkoreġuti d-diskrepanzi demografiċi magħrufa.

Filwaqt li d-dejta (EU-SILC: Dħul, Inklużjoni Soċjali u Kundizzjonijiet ta' Għixien) li fuqha hija bbażata l-mira tal-UE għat-tnaqqis tal-faqar, hija disponibbli biss b'diskrepanza ta' madwar sentejn, l-istħarriġiet tal-perċezzjonijiet tal-pubbliku dwar il-faqar jagħtu indikazzjoni ta' malajr b'diskrepanza ta' xahar biss dwar kif aktarx jevolvu l-faqar u l-esklużjoni.

Aktar tagħrif

Memo/10/268

Rapport dwar l-istħarriġ tal-Ewrobarometru :

http://ec.europa.eu/public_opinion/flash/fl_289_en.pdf

Is-Sena Ewropea Kontra l-Faqar : www.2010againstpoverty.eu


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website