Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Erasmus: Għadd rekord ta' studenti jirċievu finanzjament tal-UE biex jistudjaw jew jitħarrġu barra pajjiżhom

Commission Européenne - IP/10/768   21/06/2010

Autres langues disponibles: FR EN DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/10/768

Brussell, il-21 ta' Ġunju 2010

Erasmus: Għadd rekord ta' studenti jirċievu finanzjament tal-UE biex jistudjaw jew jitħarrġu barra pajjiżhom

Fl-2008/09 aktar studenti minn qatt qabel marru barra pajjiżhom għal studji u perjodi ta' esperjenza f'kumpaniji bl-appoġġ tal-UE permezz tal-programm Erasmus. Skont ċifri ġodda li ġew ppubblikati llum, kważi 200 000 student mill-edukazzjoni għolja rċevew għotjiet biex jistudjaw jew jitħarrġu barra pajjiżhom. Dan jirrappreżenta żieda globali ta' 8.7 % fuq is-sena akkademika ta' qabel u jfisser li aktar minn żewġ miljun żagħżugħ u żagħżugħa Ewropej bbenefikaw mill-finanzjament tal-Erasmus mindu tnieda l-programm fl-1987. L-ikbar żieda hija fl-għadd ta' studenti li jqattgħu żmien f'kumpanija - b'żieda ta' aktar minn 50 % fuq is-sena ta' qabel. Barra minn hekk, is-sena l-oħra aktar minn 36 000 membru tal-istaff minn istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja marru barra pajjiżhom biex jgħallmu jew jirċievu taħriġ f'wieħed mill-31 pajjiż Ewropew li qed jipparteċipaw fl-iskema tal-Erasmus.

Androulla Vassiliou, il-Kummissarju Ewropew għall-Edukazzjoni, il-Kultura, il-Multilingwiżmu u ż-Żgħażagħ, qalet: "Aktar u aktar żgħażagħ Ewropej qed jibbenefikaw minn esperjenza ta' tagħlim barra l-pajjiż matul l-istudji tagħhom. Saqsu lil dawk li ssieħbu mal-"ġenerazzjoni tal-Erasmus" u jgħidulkom kif għenhom fl-iżvilupp akkademiku u personali tagħhom kif ukoll biex sabu impjieg wara l-istudji tagħhom. Bl-inizjattiva li ġejja "Żgħażagħ Mobbli" aħna rridu nespandu din l-istorja ta' suċċess Ewropea u nagħmluha opportunità għaż-żgħażagħ kollha."

Fis-sena akkademika 2008/09, total ta' 198,600 student marru f'wieħed mill-31 pajjiż li qed jipparteċipaw fil-programm Erasmus (l-Istati Membri tal-UE, l-Islanda, Liechtenstein, in-Norveġja u t-Turkija).

L-għadd rekord ta' studenti li bbenefikaw mill-iskema tal-Erasmus jirrifletti żieda ta' 12 % fil-baġit disponibbli fl-2008/09 għall-istudji tal-Erasmus, esperjenzi f'kumpaniji u azzjonijiet oħra ta' mobbiltà. Dan wassal ukoll għal żieda fl-għotja medja ta' kull xahar – li telgħet minn EUR 255 għal EUR 272 – li l-istudenti tal-Erasmus irċevew mill-UE fl-2008/2009. Żewġ pajjiżi biss, l-Islanda u Liechtenstein bagħtu inqas studenti tal-Erasmus barra l-pajjiż mid-drabi ta' qabel.

Żidiet inqas fil-baġit fil-ftit snin li ġejjin se jfissru li se tkun diffiċli għall-programm biex jespandi b'rati simili fil-futur qrib mingħajr riżorsi addizzjonali.

L-istudji tal-Erasmus

Mal-168,200 student irċevew appoġġ mill-Erasmus biex imorru barra pajjiżhom għal studji u jqattgħu medja ta' sitt xhur fil-pajjiż li jospitahom, li hija żieda ta' 3.4 % meta mqabbla mal-għadd li marru fis-sena ta' qabel. F'żewġ pajjiżi (il-Ġermanja u l-Polonja), l-għadd ta' studenti li għamlu din l-għażla ma żdiedx u tmien pajjiżi rreġistraw tnaqqis (l-Awstrija, Ċipru, id-Danimarka, l-Estonja, l-Islanda, l-Irlanda, Liechtenstein u r-Renju Unit). Il-fatturi wara dan it-tnaqqis huma maħsuba li jinkludu bidla lejn l-għażla ta' esperjenzi f'kumpaniji, kompetizzjoni minn pajjiżi ta' destinazzjoni mhux Ewropej, il-bidu tal-kriżi ekonomika u għotjiet baxxi.

Esperjenzi tal-Erasmus fil-kumpaniji

Mill-2007, l-Erasmus offra lill-istudenti l-opportunità biex imorru barra pajjiżhom għal esperjenzi fi stabbilimenti jew organizzazzjonijiet oħra.Din kienet żieda ta’ aktar minn 50 % fuq is-sena ta’ qabel, u laħqet iċ-ċifra ta' 30,400 student fl-2008/09.Ix-xewqa mill-istudenti biex iżidu l-prospetti tagħhom għal impjieg permezz ta’ xogħol prattiku – kif intwera minn stħarriġ tal-Ewrobarometru fl-2009 – hija meqjusa bħala r-raġuni prinċipali għaż-żieda fil-popolarità tal-esperjenzi fil-kumpaniji bis-saħħa tal-Erasmus.

L-ogħla għadd ta’ studenti tal-Erasmus

Il-pajjiżi li bagħtu l-ogħla għadd ta’ studenti tal-Erasmus kienu Franza (28 300 student), il-Ġermanja (27 900) u Spanja (27 400). Bħala proporzjon tal-popolazzjoni tagħhom tal-istudenti, l-aħjar kienu l-Lussemburgu (15.5 %), Liechtenstein (3 %), l-Awstrija (1.9 %) u r-Repubblika Ċeka (1.7 %).

Id-destinazzjonijiet l-aktar popolari għall-istudenti tal-Erasmus kienu Spanja (33,200 student), u warajha Franza (24,600) u l-Ġermanja (22,000).

Mobilità tal-membri tal-Istaff

Matul is-sena akkademika 2008/2009, l-Erasmus appoġġja aktar minn 36,000 skambju ta’ membri tal-istaff minn istituzzjonijiet tal-edukazzjoni ogħla (sa 13.6 %). Fi 28,600 każ l-għalliema rċevew għotjiet biex jgħallmu barra minn pajjiżhom u f’7,700 każ membri tal-istaff qattgħu żmien f’pajjiż ieħor għal taħriġ fi stabbilimenti kummerċjali jew instituzzjonijiet imsieħba.

Sfond

Bħalissa huwa stmat li 4 % tal-istudenti Ewropej jirċievu għotja tal-Erasmus f'xi stadju tal-istudji tagħhom. L-Erasmus mhux biss huwa għall-istudenti u l-membri tal-istaff tal-Università, iżda jappoġġja wkoll istituzzjonijiet tal-edukazzjoni ogħla biex jaħdmu flimkien permezz ta’ netwerks, proġetti multilaterali u miżuri oħra. Hemm ukoll żieda fl-iffukar fuq li tintlaħaq id-dinja tan-negozju u s-soċjetà.

Biż-żieda tal-Kroazja u dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja fl-2009 mal-programm tal-Erasmus, l-għadd ta' pajjiżi parteċipanti kiber għal 33.

Skont studji indipendenti, il-programm Erasmus kellu impatt sostanzjali fuq bosta livelli: il-parteċipanti jiksbu ħiliet li jżidulhom l-impjegabbiltà futura tagħhom jew, fil-każ tal-membri tal-istaff, il-prospetti tal-karriera tagħhom. L-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni ogħla internazzjonalizzaw il-campuses tagħhom, daħħlu metodi ġodda ta’ tagħlim u servizzi, bnew il-kapaċità fil-maniġment, saħħew l-attivitajiet tar-riċerka u ħolqu rabtiet man-negozju.

Il-Kummissjoni temmen li l-programm Erasmus jista’ jikkontribwixxi għall-istrateġija tal-Unjoni “Europe 2020” għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv billi ż-żgħażagħ jingħataw il-ħiliet adatti meħtieġa għal soċjetà kompetittiva u bbażata fuq l-għerf.

Aktar tagħrif:

Memorandum b'informazzjoni bi statistika aktar dettaljata li tinkudi elenki tal-aktar ċifri riċenti skont il-pajjiż: "Erasmus programme in 2008/-09: the figures explained" MEMO/10/267, 21 ta’ Ġunju 2010.

Il-Kummissjoni Ewropea: The Erasmus programme


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site