Navigation path

Left navigation

Additional tools

Id-drittijiet proċedurali: Il-Parlament Ewropew jagħti l-appoġġ sħiħ tiegħu lill-proposta tal-UE għal drittijiet aktar b'saħħithom fi proċedimenti kriminali

European Commission - IP/10/746   16/06/2010

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/10/746

Brussell, 16 Ġunju 2010

Id-drittijiet proċedurali: Il-Parlament Ewropew jagħti l-appoġġ sħiħ tiegħu lill-proposta tal-UE għal drittijiet aktar b'saħħithom fi proċedimenti kriminali

L-Unjoni Ewropea qiegħda tippjana li r-regoli li jiżguraw li jkun hemm drittijiet għal traduzzjoni u interpretazzjoni fi proċedimenti kriminali jimxu pass 'il quddiem lejn id-dħul fis-seħħ tagħhom wara l-approvazzjoni tal-lum mill-Parlament Ewropew. Il-Parlament ivvota b’maġġoranza qawwija favur abbozz ta’ liġi b’saħħtu li ntlaħaq ftehim dwaru matul in-negozjati bejn it-tliet istituzzjonijiet – il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni (MEMO/10/236). L-abbozz ta’ liġi jħares id-dritt tas-suspettati li jiġu informati dwar il-provi użati u li jirċievu pariri legali fl-ilsien tagħhom fi proċedimenti kriminali fil-qrati kollha fl-UE. Dan se jiżgura li fl-UE kollha kulħadd ikollu proċess ġust. Il-liġi hija l-ewwel f’sensiela ta’ miżuri dwar proċessi imparzjali li għandhom jitnedew taħt it-Trattat ta' Lisbona li jippermetti lill-Kummissjoni Ewropea tipproponi miżuri fil-qasam tad-dritt kriminali. Din hija l-ewwel miżura tal-UE li tistabbilixxi standards minimi komuni għal drittijiet proċedurali. Il-Kunsill issa jrid japprova l-miżura.

Il-vot tal-lum huwa frott il-ħidma iebsa tar-rapporteur il-Baronessa Sarah Ludford u l-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili u d-dedikazzjoni tagħhom għad-dritt għal proċess ġust. Kemm il-Parlament u l-Kunsill għamlu sforzi kbar biex jiżguraw li r-regoli l-ġodda jikkonformaw mal-istandards tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Dan se jiżgura li jkollhom impatt veru fuq il-ħajja taċ-ċittadini tal-UE," qalet Viviane Reding, il-Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja, id-Drittijiet Fundamentali u ċ-Ċittadinanza. “Jiena kont riżoluta ħafna dwar id-dettalji ta’ dawn ir-regoli, għaliex id-dritt għal proċess ġust huwa meħtieġ mill-Karta tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-UE u drittijiet tat-tieni klassi mhumiex drittijiet. Inħossni grata li l-Parlament Ewropew li qabel ma’ dan tul in-negozjati kollha. Nittama li l-Istati Membri jieħdu passi biex idaħħlu dawn il-miżurifis-seħħ u japplikawhom malajr u b’mod effettiv għaliex l-inġustizzja ma torqodx. Il-ġustizzja mdewma hija ġustizzja miċħuda.

Fid-9 ta’ Marzu l-Kummissjoni ħadet l-ewwel pass f’sensiela ta’ miżuri biex tistabbilixxi standards komuni tal-UE f’kawżi kriminali. Ipproponiet regoli li jobbligaw lill-pajjiżi tal-UE jipprovdu servizzi ta' interpretazzjoni u traduzzjoni kompluti lis-suspettati (IP/10/249, MEMO/10/70).

It-test li vvota għalih illum il-Parlament Ewropew ġie approvat mill-Kumitat Parlamentari responsabbli għal kwistjonijiet tal-ġustizzja (LIBE) nhar il-Ħamis li għadda.

Dan kien possibbli minħabba ftehim ta’ kompromess li ntlaħaq bejn il-Kunsill, il-Kummissjoni u r-rapporteur għall-Parlament Ewropew fis-27 ta' Mejju. Il-Kunsill Ġustizzja u Affarijiet Interni approva dan il-kompromess fl-4 ta’ Ġunju (MEMO/10/236).

Dan il-kompromess jiġbor flimkien il-punti ewlenin tal-proposta tal-Kummissjoni. Pereżempju, il-proposti se jiggarantixxu d-dritt li wieħed jirċievi informazzjoni u pariri legali fil-lingwa tiegħu stess f'kull parti ta' proċediment kriminali, fil-qrati kollha tal-UE. Il-Kummissjoni insistiet li dan id-dettall hu wieħed kruċjali biex ikun hemm konformità sħiħa mal-istandards stabbiliti mill-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-każistika tal-Qorti ta’ Strasburgu kif ukoll mal-Karta tad-Drittijiet tal-Bniedem.

Dawn ir-regoli għandhom ukoll jiżguraw li ċ-ċittadini jiġu pprovduti bi traduzzjoni bil-miktub tad-dokumenti essenzjali kollha, bħall-att tal-akkuża, u li jkunu intitolati għall–interpretazzjoni tas-seduti kollha u tal-mistoqsijiet li jsiru kif ukoll tal-laqgħat tagħhom mal-avukati tagħhom. Ma jistgħux jirrinunzjaw għad-drittijiet tagħhom mingħajr mal-ewwel jirċievi parir legali jew tagħrif komplut dwar il-konsegwenzi tar-rinunzja tad-drittijiet tagħhom.

Issa jrid jittieħed vot dwar l-abbozz tad-Direttiva mill-Kunsill tal-Ministri bħala parti mill-proċedura leġiżlattiva ordinarja (kodeċiżjoni) li ddaħħlet mit-Trattat ta' Lisbona għal kwistjonijiet ta’ ġustizzja kriminali.

Sfond

Peress li proposti “inklussivi” dwar id-dritt għal proċess ġust ma kellhomx l-appoġġ unanimu tal-gvernijiet kollha tal-UE meta l-Kummissjoni l-ewwel ressqet proposti f’dan il-qasam fl-2004, il-Kummissjoni issa miexja “pass pass”, kif ġie previst f’sensiela ta’ miżuri dwar id-dritt għal proċess ġust mniżżla fil-Programm ta' Stokkolma ta' Diċembru 2009 (IP/10/447). Il-Kummissjoni se tipproponi sensiela ta' miżuri matul l-erba' snin li ġejjin.

Fil-ġimgħat li ġejjin, il-Kummissjoni se tressaq proposta għal Direttiva oħra mfassla biex tħares id-dritt tas-suspettati għal informazzjoni permezz ta' dikjarazzjoni ta' drittijiet.

Għal aktar tagħrif:

Il-Kamra tal-Aħbarijiet tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni:

http://ec.europa.eu/justice_home/news/intro/news_intro_en.htm

Il-paġna fuq l-internet ta' Viviane Reding, Viċi President u Kummissarju għall-Ġustizzja, id-Drittijiet Fundamentali u ċ-Ċittadinanza:

http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/reding/index_en.htm


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website