Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Grupp ta' Livell Għoli jagħmel 7 rakkomandazzjonijiet għas-settur tal-prodotti tal-ħalib tal-UE

European Commission - IP/10/742   15/06/2010

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/10/742

Brussell, is-15 ta' Ġunju 2010

Il-Grupp ta' Livell Għoli jagħmel 7 rakkomandazzjonijiet għas-settur tal-prodotti tal-ħalib tal-UE

Il-Grupp ta' Livell Għoli dwar il-Ħalib, li ġie stabbilit f'Ottubru li għadda minħabba l-kriżi tas-sena l-oħra fis-settur tal-prodotti tal-ħalib, iffinalizza r-rapport dwar il-konklużjonijiet tiegħu, inklużi rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar seba' kwistjonijiet. Dawn jinkludu stedina biex jiġu ppreżentati passi konkreti għat-titjib fl-użu ta' kuntratti bil-miktub fil-katina tal-forniment tal-prodotti tal-ħalib u biex jiġu kkunsidrati proposti biex tiżdied is-saħħa ta' negozjar kollettiv tal-prodotturi f'dan is-settur.

Dacian Cioloş, il-Kummissjarju għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali tal-UE llum iddikjara: "Nilqa' bil-ferħ il-ħidma tal-HLG u dan ir-rapport. Issa beħsiebni nistudjah fid-dettall sabiex qabel tmiem is-sena nippreżenta proposti leġiżlattivi. L-għan prinċipali tiegħi huwa li nikkunsidraw miżuri fuq perjodu ta' żmien medju u fit-tul li jindirizzaw l-esperjenzi ta' tagħlim miksuba mill-kriżi tal-aħħar sena sabiex is-settur jiġi strutturat aħjar fil-livell globali."

Ir-rakkomandazzjonijiet li l-Grupp ta' Livell Għoli għamel lill-Kummissjoni huma relatati ma':

  • Relazzjonijiet kuntrattwali bejn il-produtturi tal-ħalib u l-proċessuri tal-ħalib: Titjib fil-kuntratti bil-miktub formali, li jsiru bil-quddiem, li jkopru kunsinni ta' ħalib mhux ipproċessat (inkluż il-prezz, il-volum, l-iskedar tal-kunsinni u kemm idumu) – permezz ta' linji gwida jew ta' proposta leġiżlattiva, li jistgħu jsiru obbligatorji mill-Istat Membru.

  • Is-saħħa ta' negozjar kollettiv tal-produtturi: Proposta possibbli għal dispożizzjoni li tawtorizza l-organizzazzjonijiet tal-produtturi kkostitwiti mill-bdiewa fis-settur tal-prodotti tal-ħalib jinnegozjaw b'mod konġunt ma' azjenda tal-prodotti tal-ħalib it-termini kuntrattwali tagħhom, li jinkludu l-prezz. Id-dispożizzjoni għandha tkun soġġetta għal reviżjoni, kemm jekk tkun għal perjodu permanenti kif ukoll għal perjodu temporanju (iżda twil biżżejjed).

  • Ir-rwol possibbli ta' organizzazzjonijiet ta' bejn il-fergħat fis-settur tal-prodotti tal-ħalib: Studju dwar jekk kwalunkwe mid-dispożizzjonijiet attwali għal organizzazzjonijiet interprofessjonali fis-settur tal-frott u l-ħaxix tistax tkun applikabbli wkoll fis-settur tal-prodotti tal-ħalib.

  • It-trasparenza fil-katina tal-forniment tal-prodotti tal-ħalib: Aktar żvilupp tal-Għodda Ewropea li Tissorvelja l-Prezzijiet tal-Ikel, u ħarsa lejn l-għoti ta' aktar informazzjoni (pereżempju dwar il-volumi ta' prodotti tal-ħalib) min-naħa tal-EUROSTAT u l-uffiċċji nazzjonali tal-istatistika.

  • Il-miżuri għas-suq u l-futures: Kunsiderazzjoni ta' strumenti "kompattibbli mal-kaxxa l-ħadra" biex tonqos il-volatilità tal-introjtu, inkluż possibbilment l-iffaċilitar tal-użu tas-swieq tal-futures, b'mod partikolari permezz ta' programmi speċifiċi ta' taħriġ.

  • Standards ta' kummerċjalizzazzjoni u t-tikkettar tal-oriġini: Il-ħidma tal-Kummissjoni għaddejja bħalissa dwar it-tikkettar għandha tqis il-fattibbiltà ta' alternattivi differenti għat-tikkettar tas-"sit tal-produzzjoni" għall-prodotti tal-ħalib u għandha tagħmel distinzjoni ċara fir-rigward tat-tikkettar ta' imitazzjonijiet tal-prodotti tal-ħalib.

  • L-Innovazzjoni u r-Riċerka: Titjib fil-komunikazzjoni ta' possibbiltajiet eżistenti għall-innovazzjoni u r-riċerka fil-qafas attwali ta' programmi qafas għar-Riċerka u l-Iżvilupp Rurali. Il-partijiet interessati għandhom jiddefinixxu prijoritajiet ċari fis-settur tal-prodotti tal-ħalib sabiex jippermettu koordinament aħjar tal-programmi ta' riċerka nazzjonali u tal-Komunità.

Ir-rapport sħiħ ta' 50 paġni (bl-annessi) ma jdumx ma jkun disponibbli fuq: http://ec.europa.eu/agriculture/markets/milk/index_en.htm

Sfond

Wara s-sitwazzjoni diffiċli tas-suq tas-sena l-oħra, fis-settur tal-prodotti tal-ħalib, il-Kummissjarju f'Ottubru li għadda stabbilixxa Grupp ta' Esperti ta' Livell Għoli dwar il-Ħalib (High Level Expert Group on Milk - HLG) bil-għan li jiddiskutu arranġamenti fuq perjodu ta' żmien medju u fit-tul għas-settur tal-prodotti tal-ħalib minħabba l-iskadenza fl-1 ta' April 2015 tal-kwoti għall-prodotti tal-ħalib (ara IP/09/1420). L-HLG intalab jikkunsidra kwistjonijiet regolatorji li jistgħu jikkontribwixxu għall-istabbilizzazzjoni tas-suq u tal-introjutu tal-produtturi u għat-titjib tat-trasparenza fis-suq, filwaqt li jirrrispetta r-riżultat tal-Kontroll tas-Saħħa. Saru 10 laqgħat bejn Ottubru 2009 u Ġunju 2010. F'Mejju tressaq abbozz ta' rapport li jagħti fil-qosor ir-riżultat tad-diskussjonijiet u li jinkludi ċerti rakkomandazzjonijiet, u dan ġie adottat b'mod unanimu illum.

L-HLG kien ikkostitwit minn rappreżentanti mill-Istati Membri u ppresedut mid-Direttur Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali Jean-Luc Demarty, u sema' l-kontributi dwar il-kwistjonijiet kemm orali u bil-miktub, minn gruppi ewlenin ta' partijiet interessati tal-Ewropa attivi fil-katina tal-forniment tal-prodotti tal-ħalib. Barra minn hekk, l-HLG irċieva kontributi siewja minn esperti akkademiċi, minn rappreżentati ta' pajjiżi terzi, mid-DĠ għall-Kompetizzjoni, mill-Awtoritajiet Nazzjonali għall-Kompetizzjoni u mid-DĠ AGRI dwar xi kwistjonijiet speċifiċi. Fl-aħħar nett, fis-26 ta' Marzu 2010 saret konferenza tal-partijiet interessati ewlenin fis-settur tal-prodotti tal-ħalib li permezz tagħha għadd akbar ta' atturi involuti fil-katina tal-produzzjoni setgħu jesprimu l-pożizzjonijiet tagħhom.

Kopja tar-rapport għandha tintbagħat lill-Kunsill (għad-diskussjoni f'Lulju) u lill-Kumitat għall-Agrikoltura tal-Parlament Ewropew.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website