Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni teżamina l-użu tal-iskanners ta' sigurtà fl-ajruporti tal-UE

European Commission - IP/10/740   15/06/2010

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/10/740

Brussell, il-15 ta’ Ġunju 2010

Il-Kummissjoni teżamina l-użu tal-iskanners ta' sigurtà fl-ajruporti tal-UE

Illum, il-Kummissjoni Ewropea ħarġet komunikazzjoni li tivvaluta l-użu tal-iskanners ta' sigurtà fl-ajruporti tal-UE, fuq talba tal-Parlament Ewropew u tal-Istati Membri. Wara l-attentat terroristiku biex jintużaw l-isplussivi fit-titjira minn Amsterdam għal Detroit fil-25 ta' Diċembru 2009, l-iskanners ta' sigurtà qegħdin dejjem jintużaw iktar u qed ikomplu jiġu ppruvati f'bosta Stati Membri tal-UE, inklużi r-Renju Unit, il-Pajjiżi l-Baxxi, Franza u l-Italja. Fil-verità, l-iskanners ta' sigurtà bħalissa mhumiex koperti mill-ambitu tar-regolamenti tal-UE dwar is-sigurtà tal-avjazzjoni – hemm frammentazzjoni tar-regolament fi Istati Membri differenti. Ir-rapport ippubblikat illum jenfasizza li dan il-metodu ta' skrinjar joffri possibbiltà reali biex tiġi inforzata s-sigurtà tal-passiġġieri. Il-Kummissjoni hija favur approċċ tal-UE li jiżgura li meta l-Istati Membri jiddeċiedu li jużaw l-iskanners ta' sigurtà, l-użu u t-tħaddim tagħhom huma bbażati fuq standards komuni, li jitolbu prestazzjoni tal-individwazzjoni bażika kif ukoll jiżguraw livell armonizzat ta' konformità mad-drittijiet fundamentali Ewropej u d-dispożizzjonijiet tas-saħħa. Il-Kummissjoni se titlob l-opinjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fid-dawl tal-informazzjoni fattwali miġbura fir-rapport.

Il-Viċi President Siim Kallas, responsabbli mit-trasport, qal: "L-iskanners ta' sigurtà qed jintużaw minn għadd li qiegħed dejjem jikber ta' Stati Membri fl-UE, imma bħalissa l-użu tagħhom mhuwiex kopert mill-ambitu tal-liġi tal-UE, u għalhekk qed jintużaw b'modi differenti fl-Istati Membri. L-iskanners ta' sigurtà mhumiex rimedju, imma żgur li joffru possibbiltà reali biex jinforzaw iktar is-sigurtà tal-passiġġieri. Id-deċiżjoni hija f'idejn kull Stat Membru dwar jekk l-użu tal-iskanners għandux jiġi awtorizzat fl-ajruport nazzjonali. Dan mhux se jinbidel. Imma fejn tintuża din it-teknoloġija ta' skennjar, għandha tkun koperta bi standards komuni madwar l-UE dwar il-kapaċità tal-individwazzjoni kif ukoll is-salvagwardji komuni biex ikun żgurat li hija konformi mad-dispożizzjonijiet tas-saħħa u d-drittijiet fundamentali tal-UE."

Il-kwistjonijiet dwar l-użu tal-iskanners ta' sigurtà qamu minħabba inċident serju li seħħ fuq it-titjira NW 253 minn Amsterdam għal Detroit fil-25 ta' Diċembru 2009, meta terrorist prova juża l-isplussivi moħbija f'ġismu li l-individwaturi tal-metall ma identifikawhomx. Fuq talba tal-Parlament Ewropew u tal-Istati Membri, il-Kummissjoni llum adottat ir-rapport tagħha dwar l-użu tal-iskanners ta' sigurtà fl-ajruporti tal-UE. Ir-rapport jivvaluta l-impatt tal-użu ta' dan il-metodu ta' skrinjar f'termini ta' prestazzjoni tal-individwazzjoni u konformità mad-drittijiet fundamentali u l-protezzjoni tas-saħħa.

Ir-rapport jikkonkludi li l-iskanners ta' sigurtà jistgħu jiġu kkunsidrati li joffru metodu ta' skrinjar affidabbli u effettiv li jidentifika oġġetti metalliċi u mhux metalliċi li tkun qed iġġorr persuna. Barra minn hekk, se jkun possibbli li wieħed jindirizza kwistjonijiet li għandhom x'jaqsmu mas-saħħa u d-drittijiet fundamentali, sakemm dawn jintużaw taħt kundizzjonijiet xierqa.

Bosta Stati Membri tal-UE diġà jużaw skanners ta' sigurtà fl-ajruporti tagħhom billi jużaw diversi teknoloġiji u jistabbilixxu diversi kundizzjonijiet operattivi għall-użu tagħhom. Dan wassal għal użu ta' regoli differenti madwar l-UE.

Il-Kummissjoni hija favur approċċ komuni Ewropew għall-iskanners ta' sigurtà li jiżgura li meta l-Istati Membri jiddeċiedu li jużaw l-iskanners ta' sigurtà, l-użu u t-tħaddim tagħhom ikunu bbażati fuq standards komuni, li jitolbu prestazzjoni tal-individwazzjoni bażika u fl-istess ħin jinkludu s-salvagwardji biex jiżguraw il-konformità mad-drittijiet fundamentali Ewropej u d-dispożizzjonijiet tas-saħħa.

L-iskanners ta' sigurtà jirrappreżentaw waħda mit-toroq possibbli li wieħed jista' jieħu bl-għan li jissaħħaħ il-qafas tas-sigurtà tal-avjazzjoni tal-Ewropa filwaqt li jiġi ffaċilitat l-ivvjaġġar. Il-kooperazzjoni internazzjonali, it-teknoloġija u t-tfassil imtejjeb tal-profil huma għodod utli ndaqs li jistgħu jintużaw biex jiggarantixxu s-sigurtà taċ-ċittadini.

Il-Kummissjoni qed tibgħat dan ir-rapport lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew. Fid-dawl tar-riżultat li joħroġ mid-diskussjonijiet, il-Kummissjoni tista' tippreżenta l-proposti għal qafas legali tal-UE għall-użu ta' skanners ta' sigurtà fl-ajruporti tal-UE.

http://ec.europa.eu/transport/air/security/security_en.htm


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website