Navigation path

Left navigation

Additional tools

It-tikketta CE, is-suq tal-Ewropa tagħmlu tiegħek!

European Commission - IP/10/733   15/06/2010

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/10/733

Brussell, il-15 ta’ Ġunju 2010

It-tikketta CE, is-suq tal-Ewropa tagħmlu tiegħek!

Kemm-il darba aħna naraw it-"tikketta CE" fuq uħud mill-prodotti li nixtru, iżda xi tfisser tassew? Bis-slogan "Il-Marka CE, is-suq tal-Ewropea tagħmlu tiegħek!", il-Kummissjoni Ewropea għaddejja b'kampanja ta' informazzjoni dwar il-marka CE. Il-marka hija sinjal li l-prodott huwa f’konformità mal-leġiżlazzjoni relevanti kollha tal-UE, li tagħmlu eliġibbli biex ikun reklamat u mibjugħ mal-UE kollha. Bit-twaħħil tat-tikketta CE fuq prodott, manifattur ikun qed jiddikjara, fuq ir-responsabbiltà tiegħu waħdu, il-konformità mar-rekwiżiti relevanti legali kollha, b’mod partikulari dawk li jassiguraw is-saħħa, is-sikurezza u l-protezzjoni ambjentali. Ir-riperkussjonijiet legali u ekonomiċi ta' abbużi min-nuqqas ta' konformità huma tant kbar li l-maġġoranza vasta tal-istabbilimenti kummerċjali leġittimi ma jissugrawx ma jirrispettawx dawn il-liġijiet. Huwa wara dan li l-prodott jista’ jinbiegħ fl-UE. Din il-kampanja hija diretta primarjament għall-operaturi ekonomiċi, biex tkabbar l-għarfien u l-fehim tagħhom tat-tikketta CE.

Il-Kummissarju tal-Industrija u l-Intraprenditorjat, il-Viċi-President Antonio Tajani qal: “Neħtieġu nsaħħu l-viżibbiltà tal-fiduċja fil-marka CE. Il-kampanja tagħna għandha l-għan li tippromwovi fehim aħjar tat-tifsira wara t-tikketta u l-għan tal-użu tagħha. Iżda din il-fiduċja hija wkoll dipendenti fuq kemm hija kredibbli s-sistema li fuqha hija bbażata l-marka CE. B'hekk hija ssaħħaħ il-fiduċja tal-konsumatur u minnha jibbenefikaw il-produtturi u d-distributuri.”

Mhux il-prodotti kollha mibjugħa fl-UE jeħtieġ ikollhom it-tikketta CE. Hija tapplika għal madwar 23 kategorija differenti ta’ prodotti bħall-ġugarelli, prodotti tal-elettriku, makkinarju, tagħmir protettiv personali u l-lifts.

Il-marka CE ma tindikax li prodott ikun sar fiż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE), iżda sempliċiment tiddikjara li l-prodott kien analizzat qabel jitqiegħed fis-suq u għalhekk jissodisfa r-rekwiżiti leġiżlattivi (eż. l-livell tas-sikurezza armonizzat). Hija tfisser li l-manifattur kien ivverifika li l-prodott huwa konformi mar-rekwiżiti essenzjali relevanti kollha (eż. ir-rekwiżiti tas-saħħa u s-sikurezza) tad-direttiva(i) applikabbli, jew, ra li jkun eżaminat minn entità notifikata li tanalizza l-konformità).

Għall-prodotti manifatturati fl-UE, hija r-responsabbiltà tal-manifattur biex jagħmel l-analiżi tal-konformità, biex jiftaħ fajl tekniku, biex joħroġ id-dikjarazzjoni tal-KE dwar il-konformità u biex iwaħħal it-tikketta CE fuq il-prodott. Id-distributuri jridu jivverifikaw il-preżenza kemm tat-tikketta CE u kemm id-dokumentazzjoni meħtieġa li tappoġġjaha. Għall-prodotti importati minn pajjiż terz, l-importatur għandu jivverifika li l-manifattur barra l-UE ħa ħsieb li jieħu l-passi meħtieġa u li d-dokumentazzjoni tkun disponibbli jekk tkun mitluba. It-tikketta CE tagħmel il-ħajja iktar faċli għall-intrapriżi u l-awtoritajiet nazzjonali:

  • Għall-industrija Ewropea, it-tikketta tipprovdi lill-intrapriżi tal-UE b’aċċess għas-suq uniku kollu kemm hu mingħajr ma jkollhom għalfejn jiksbu 27 approvazzjoni individwali mill-awtoritajiet nazzjonali, u b’hekk tnaqqas l-ispejjeż u l-piż tal-konformità filwaqt li żżomm standards għoljin.

  • Għall-awtoritajiet nazzjonali, hija tiffaċilita l-kontrolli li kull aġenzija tittratta fi żmien meta l-firxa tal-prodotti disponibbli fis-suq tal-UE qed tikber b’mod esponenzjali, mingħajr ma jkunu kompromessi l-istandards.

Iżda, it-tisħiħ tal-kontroll tal-entitajiet notifikati u t-titjib tas-sorveljanza tas-suq qed itejbu r-reputazzjoni tat-Tikketta CE u jżidu l-fiduċja tal-konsumaturi.

Bid-dħul fis-seħħ tal-pakkett ta' leġiżlazzjoni rivedut għas-suq intern għall-prodotti, ir-rwol u l-kredibbiltà tat-tikketta CE ġew rinforzati (ara l-MEMO/10/257).

Il-proċeduri, il-miżuri u s-sanzjonijiet li japplikaw għall-falsifikazzjoni/abbuż tal-marka CE huma stipulati fil-liġi amministrattiva u penali nazzjonali tal-Istat Membru rispettiv. L-operaturi ekonomiċi jistgħu jeħlu multa u f'xi ċirkostanzi, ħabs, skont is-serjetà tal-offiża. Iżda jekk il-prodott ma jitqisx ta' riskju imminenti għas-sikurezza, il-manifattur jista' jingħata t-tieni opportunità biex ikun assigurat li l-prodott ikun konformi mal-leġiżlazzjoni applikabbli, qabel ma jkun obbligat li jneħħi l-prodott mis-suq.

Il-kampanja ta’ komunikazzjoni tikkonsisti, fost inizjattivi oħra, fi 30 avveniment/seminar edukattivi tal-ittikkettjar bis-CE għall-operaturi ekonomiċi, assoċjazzjonijiet professjonali, assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi u ġurnalisti.

Aktar informazzjoni:

http://www.ec.europa./eu/cemarking


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website