Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/10/722

Brussell, il-11 ta' Ġunju 2010

Il-Kummissjoni Ewropea tibda konsultazzjoni pubblika dwar id-drittijiet tat-tfal

Minkejja li huwa inqas probabbli li t-tfal jaffaċċjaw il-qrati jew l-amministrazzjonijiet pubbliċi mill-adulti, id-drittijiet tagħhom xorta għandhom l-istess importanza. It-tfal għandhom id-dritt li jkunu protetti kontra l-faqar u l-vjolenza, kif ukoll id-dritt li jinstemgħu. Il-Kummissjoni Ewropea llum nediet konsultazzjoni pubblika dwar strateġija ġdida tal-UE għad-drittijiet tat-tfal. It-tweġibiet se jintużaw sabiex jiġi ddeterminat x'jistgħu jagħmlu aktar il-politiki tal-UE għall-promozzjoni tad-drittijiet tat-tfal. Il-konsultazzjoni se tkopri kwistjonijiet bħall-ġustizzja addattata għat-tfal, il-vjolenza fuq it-tfal, il-faqar fost it-tfal u l-parteċipazzjoni tat-tfal. Se tibqa' miftuħa sal-20 ta' Awwissu 2010.

"Fid-dinja tal-lum, it-tfal spiss isibu ruħhom f'sitwazzjonijiet diffiċli – kemm bħala utenti tal-internet, migranti jew bħala xhieda fi proċess. Id-drittijiet tagħhom għandhom jiġu protetti u promossi. Nistenna bil-ħerqa li nisma' mingħand il-partijiet interessati kollha dwar kif l-aħjar għandna nieħdu ħsieb l-interessi u d-drittijiet tagħhom," qalet Viviane Reding, il-Viċi President u l-Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja, id-Drittijiet Fundamentali u ċ-Ċittadinanza.

Sabiex jiġu protetti d-drittijiet tat-tfal fil-ħajja ta' kuljum huwa meħtieġ approċċ differenti minn dak użat għall-adulti: kemm jekk qed jipparteċipaw fi proċess, huma involuti f'tilwim tal-familja, qed jaffaċċjaw amministrazzjonijiet pubbliċi, u anke jekk qed jaffaċċjaw sitwazzjonijiet diffikultużi bħal migrazzjoni, vjolenza jew faqar. Sabiex ikunu jafu x'inhuma d-drittijiet tagħhom u biex jaraw li qed jiġu rispettati, strateġija għall-UE kollha tista' tipprovdi direzzjoni tajba u kontribut utli. L-UE u l-Istati Membri tagħha jridu jassiguraw li t-tfal jingħataw attenzjoni u protezzjoni u li leħinhom jinstema'.

Fl-2006 il-Kummissjoni nediet strateġija dwar id-drittijiet tat-tfal sabiex tiżgura li l-politiki tal-UE jippromwovu d-drittijiet tat-tfal. Il-konsultazzjoni pubblika tal-lum għandha l-għan li ttejjeb u li ssib azzjonijiet potenzjali ġodda għat-tnedija mill-ġdid tal-istrateġija għall-perjodu 2011-2014. Bħas-soltu, se tibbaża fuq l-esperjenzi ta' ċittadini u organizzazzjonijiet, ta' assoċċjazzjonijiet, korpi, istituzzjonijiet, u esperti li jittrattaw il-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet tat-tfal fuq livell lokali kif ukoll fuq dak internazzjonali.

Il-konsultazzjoni qed tħares lejn oqsma speċifiċi – identifikati min-nies li jaħdmu f'dan is-settur fil-Forum tal-UE dwar id-Drittijiet tat-Tfal – li t-tfal jistgħu jaffaċċjaw problemi fihom bħal:

  • Il-ġustizzja addattata għat-tfal u l-parteċipazzjoni tat-tfal fis-sistema ġudizzjarja (bħala xhieda, per eżempju);

  • Il-politiki dwar il-ġustizzja li jissalvagwardjaw id-drittijiet tat-tfal, bħal fil-qafas tal-medjazzjoni tal-familja;

  • Il-protezzjoni ta' gruppi vulnerabbli ta' tfal (vittmi ta' vjolenza, abbuż sesswali jew traffikar, jew tfal li jgħixu fil-faqar);

  • Il-parteċipazzjoni tat-tfal fl-iżvilupp ta' politiki li jaffettwaw lit-tfal.

Il-Kummissjoni se tippubblika rapport li juri fil-qosor il-kontribuzzjonijiet kollha li rċeviet permezz ta' din il-konsultazzjoni. Se tuża r-riżultati fl-abbozzar ta' Komunikazzjoni ġdida dwar id-Drittijiet tat-Tfal li tkopri l-perjodu 2011-2014.

B'mod parallel ma' din il-konsultazzjoni pubblika, il-Kummissjoni qed tmexxi studju partikolarment immirat għall-kisba ta' rispons mingħand it-tfal innifishom (bħal permezz ta' focus groups), li se jiġi ppubblikat f'Ottubru.

Sfond

F'Lulju 2006, il-bżonn għall-promozzjoni effettiva u l-ħarsien tad-drittijiet tat-tfal fil-politiki interni kif ukoll esterni tal-UE wassal lill-Kummissjoni biex tadotta komunikazzjoni li tistabbilixxi miżuri għad-drittijiet tat-tfal f'diversi politiki tal-UE (MEMO/06/266).

L-UE għandha medda wiesgħa ta' politiki dwar il-protezzjoni tat-tfal: mill-hotline 116 000 għat-tfal mitlufin (IP/10/603) għall-Programm għal Internet iktar Sikur, li fil-forma l-aktar riċenti tiegħu għandu l-għan li jagħti s-setgħa lit-tfal biex jittrattaw perikli onlajn bħall-ibbuljar u t-tħejjija għall-abbuż sesswali (MEMO/09/58).

Għal aktar tagħrif

Il-Konsultazzjoni Pubblika dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal (2011-2014) hija miftuħa mill-11 ta' Ġunju sal-20 ta' Awwissu u tinsab fuq l-indirizz li ġej:

http://ec.europa.eu/justice_home/news/consulting_public/news_consulting_public_en.htm"

Il-paġna tad-Drittijiet tat-Tfal fil-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni:

http://ec.europa.eu/justice_home/fsj/children/fsj_children_intro_en.htm

Il-paġna ewlenija ta' Viviane Reding, Viċi President u Kummissarju għall-Ġustizzja, id-Drittijiet Fundamentali u ċ-Ċittadinanza :

http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/reding/index_en.htm


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website