Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni tistabbilixxi sistema ta' ċertifikazzjoni għall-bijofjuwils sostenibbli

European Commission - IP/10/711   10/06/2010

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/10/711

Brussell, 10 ta' Ġunju 2010

Il-Kummissjoni tistabbilixxi sistema ta' ċertifikazzjoni għall-bijofjuwils sostenibbli

(irreferi għal MEMO/10/247)

Illum il-Kummissjoni ddeċidiet li tħeġġeġ lill-industrija, il-gvernijiet u l-Organizzazzjonijiet Mhux Governattivi (NGOs) biex jistabbilixxu skemi ta' ċertifikazzjoni għal kull tip ta' bijofjuwil, inkluż dawk importati fl-UE. Il-Kummissjoni stipulat dak li huwa mistenni mill-iskemi biex dawn jiġu rikonoxxuti minnha. Dan għandu jgħin fl-implimentazzjoni tar-rekwiżiti tal-UE li jeżiġu li l-bijofjuwils għandhom iwasslu għal tnaqqis sostanzjali fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra u li ma għandhomx jiġu minn foresti, artijiet mistagħdra, u żoni ta' protezzjoni tan-natura. Ir-regoli għall-iskemi ta' ċertifikazzjoni jagħmlu parti minn sett ta' linjigwida li jispjegaw kif għandha tkun implimentata d-Direttiva dwar l-Enerġija minn Sorsi Rinnovabbli, li se tidħol fis-seħħ f'Diċembru 2010.

Günther Oettinger, il-Kummissarju responsabbli għall-Enerġija, qal: "Fis-snin li ġejjin, il-bijofjuwils se jkunu l-alternattiva ewlenija għall-petrol u d-diżil użati fit-trasport, li jipproduċu aktar minn 20 % tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra fl-Unjoni Ewropea. Għandna niżguraw li l-bijofjuwils użati huma wkoll sostenibbli. L-iskema tagħna ta' ċertifikazzjoni hija l-iktar stretta fid-dinja u għandha tiżgura li l-bijofjuwils tagħna jilħqu l-ogħla standards ambjentali. Għandha wkoll twassal għal benefiċċji f'reġjuni oħrajn billi tkopri wkoll il-bijofjuwils importati."

Il-pakkett adottat illum jikkonsisti f'żewġ Komunikazzjonijiet u Deċiżjoni li għandhom jgħinu lin-negozji u l-Istati Membri biex jimplimentaw id-Direttiva dwar l-Enerġija minn Sorsi Rinnovabbli. B'mod speċjali jiffokaw fuq il-kriterji ta' sostenibbiltà għall-bijofjuwils u fuq x'għandu jsir sabiex jitwettaq kontroll li jiżgura li jintużaw biss il-bijofjuwils sostenibbli.

  • Ċertifikati għall-Bijofjuwil Sostenibbli: Il-Kummissjoni qed tħeġġeġ lill-industrija, il-gvernijiet u l-NGOs biex jistabbilixxu "skemi volontarji" li jiċċertifikaw is-sostenibbiltà tal-bijofjuwil – u tispjega l-istandards li dawn għandhom jilħqu biex jiksbu rikonoxximent mill-UE. Waħda mill-kriterji ewlenin hija li jkollhom awdituri indipendenti li jivverifikaw il-katina sħiħa tal-produzzjoni, li tibda mill-bidwi u l-mitħna, tkompli bil-kummerċjant, u tasal sal-fornitur tal-fjuwil li jforni l-petrol u d-diżil lill-pompa tal-petrol. Il-Komunikazzjoni tistipula standards li jeżiġu li din il-verifika tkun affidabbli u tirreżisti għall-frodi.

  • Il-ħarsien tan-natura mhix mittiefsa: Il-Komunikazzjoni tispjega li l-bijofjuwils ma għandomx jiġu minn materja prima minn foresti tropikali jew żoni ddiforestati riċentement, art tal-pit imsaffija mill-ilma, art mistagħdra jew żoni b'bijodiversità kbira – u kif dawn għandhom jiġu vvalutati. Tisjpega b'mod ċar illi l-konverżjoni ta' foresta għal pjantaġġun taż-żejt tal-palm tmur kontra r-rekwiżiti ta' sostenibbiltà.

  • Il-promozzjoni ta' bijofjuwils bi tnaqqis kbir fil-gassijiet serra biss: Il-Komunikazzjoni tisħaq illi l-Istati Membri għandhom jilħqu miri nazzjonali vinkolanti għall-enerġija rinnovabbli, u li dawk il-fjuwils bi tnaqqis kbir fil-gassijiet serra biss jgħoddu għall-miri nazzjonali, u tispjega wkoll kif dan jiġi kkalkulat. Il-bijofjuwils għandhom jilħqu tnaqqis fil-gassijiet serra ta' talanqas 35 %, li mqabbel ma' fjuwils fossili għandu jitla' għal 50 % fl-2017, u fl-2018 għal 60 % għal bijofjuwils minn impjanti ġodda.

Il-kuntest:

Id-Direttiva dwar l-Enerġija minn Sorsi Rinnovabbli tistabbilixxi mira globali għall-UE ta' 20 % enerġija rinnovabbli f'konsum totali ta' enerġija sal-2020, li għal kull Stat Membru se tkun il-mira nazzjonali vinkolanti. Dan imbagħad għandu jilħaq miri nazzjonali individwali għas-sehem sħiħ tal-enerġija rinnovabbli. Barra minn hekk, fis-settur tat-trasport, l-Istati Membri kollha għandhom jilħqu l-istess mira ta' sehem ta' 10 % ta' enerġija rinnovabbli.

L-enerġija rinnovabbli tinkludi l-bijomassa solida, ir-riħ, l-enerġija solari u l-idroenerġija kif ukoll il-bijofjuwils. Huma biss il-bijofjuwils li jilħqu r-rekwiżiti tal-UE għas-sostenibbiltà li jgħoddu għall-miri tad-Direttiva.

Dawn it-tliet dokumenti li ġejjin:

  • il-Komunikazzjoni dwar skemi volontarji u valuri awtomatiċi għall-iskema ta' sostenibbiltà tal-UE għall-bijofjuwils u l-bijolikwidi

  • il-Komunikazzjoni dwar l-implimentazzjoni prattika tal-iskema ta' sostenibbiltà tal-UE għall-bijofjuwils u l-bijolikwidi u dwar ir-regoli tal-għadd għall-bijofjuwils, u

  • id-Deċiżjoni dwar linjigwida għall-kalkolu tal-ħażniet tal-karbonju fl-art

jistgħu jinstabu fuq is-sit tal-internet:

http://ec.europa.eu/energy/renewables/biofuels/sustainability_criteria_en.htm

Id-Direttiva 2009/28 tat-23 ta' April 2009 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli

http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=OJ:L:2009:140:0016:01:MT:HTMLT

Miri nazzjonali individwali għall-enerġija rinnovabbli: Anness I, għad-Direttiva 2009/28 dwar l-enerġija minn sorsi rinnovabbli

http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=OJ:L:2009:140:0016:01:MT:HTML


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website