Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/10/707

Brussell, id-9 ta' Ġunju 2010

Il-Kummissjoni tinkoraġġixxi l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali

Il-Kummissjoni Ewropea llum ippreżentat il-viżjoni l-ġdida tagħha għall-futur tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali. L-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali jintgħażel minn medja ta' madwar 50 % tal-istudenti kollha f'edukazzjoni sekondarja għolja. Madankollu, is-settur jeħtieġ li jiġi mmodernizzat biex isir għażla aktar attraenti u ta' kwalità għolja, ħalli jipprovdi liż-żgħażagħ bil-ħiliet it-tajba biex isibu impjieg adatt u lill-adulti jipprovdilhom opportunità biex jaġġornaw ħiliethom tul iż-żmien ta' ħajjithom fix-xogħol. Għalhekk, il-Kummissjoni trid tħeġġeġ iktar nies jinkitbu għal edukazzjoni vokazzjonali biex itejbu l-kwalità tat-taħriġ offrut u biex tkun eħfef li jibdlu xogħolhom jew jiċċaqalqu minn pajjiżhom. Il-ministri tal-UE huma mistennija jiddiskutu u jadottaw pjan fit-tieni nofs ta' din is-sena.

Androulla Vassiliou, il-Kummissarju Ewropea għall-Edukazzjoni, il-Kultura, il-Multilingwiżmu u ż-Żgħażagħ, qalet: "Irridu nittrasformaw l-immaġni tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali madwar l-Ewropa u nagħmluha iktar rilevanti għar-realtajiet tal-lum. L-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali huma rabta vitali bejn id-dinjiet tal-edukazzjoni u tax-xogħol. Fil-klima ekonomika ta' bħalissa, huwa iktar importanti minn qatt qabel li ngħaqqdu l-isforzi tagħna u nagħmluha għażla iktar attraenti għall-apprendisti, l-istudenti u kull min irid jaġġorna l-ħiliet tiegħu."

Impetu ġdid għal kooperazzjoni Ewropea

Il-pjanijiet adottati mill-Kummissjoni llum juru bosta modi possibbli biex jingħata impetu ġdid lill-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali. Dawn jinkludu:

  • L-iżgurar li l-aċċess għat-taħriġ u l-kwalifiki jkunu flessibbli u miftuħa fl-istadji kollha tal-ħajja

  • Il-promozzjoni tal-mobilità biex tkun eħfef li tinkiseb esperjenza barra mill-pajjiż, jew f'settur differenti tal-ekonomija

  • L-iżgurar tal-ogħla kwalità possibbli ta' edukazzjoni u taħriġ

  • L-għoti ta' iktar opportunitajiet għal gruppi żvantaġġati bħal min telaq mill-iskola, dawk b'ħiliet baxxi u l-qiegħda, nies bi sfond ta' migrazzjoni u nies b'diżabilità

  • It-trawwim ta' ħsieb kreattiv, innovattiv u intraprenditorjali fl-istudenti.

Pjan għal 10 snin

Il-pjan tal-Kummissjoni jibni fuq l-għanijiet tal-istrateġija Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti u inklussiv, u se jkun marbut ukoll mal-inizjattiva futura "Żgħażagħ fil-Mobilità" li se tappoġġja tagħlim usa' u opportunitajiet ta' mobilità għaż-żgħażagħ kollha.

Dawn jikkostitwixxu l-kontribut tal-Kummissjoni għal programm ġdid ta' riformi għal 10 snin fl-ambitu tal-Proċess ta' Kopenħagen dwar kooperazzjoni Ewropea msaħħa fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali. F'Diċembru, il-Kummissarju Vassiliou u l-Ministri tal-UE inkarigati bl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali se jiltaqgħu mar-rappreżentanti ta' min iħaddem u t-trejdjunjins fi Bruges, il-Belġju, biex titfassal aġenda ta' modernizzazzjoni ambizzjuża għall-10 snin li ġejjin, kif ukoll bħala għanijiet għall-medda l-qasira ta' żmien li se jkunu riveduti regolarment.

Il-Proċess ta' Kopenħagen dwar kooperazzjoni Ewropea msaħħa fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali tnieda fl-2002 u jiġi rivedut kull sentejn. Dan ta spinta lill-iżvilupp ta' approċċ komuni għall-valutazzjoni bbażat fuq ir-riżultati, minflok fuq it-tul tal-istudju u t-tip ta' istituzzjoni.

Biex tkun taf aktar:

Test sħiħ tal-Komunikazzjoni: Impetu ġdid għall-kooperazzjoni Ewropea fl-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali biex tiġi appoġġjata l-istrateġija Ewropa 2020:

http://ec.europa.eu/education/vocational-education/doc/com296_en.pdf

Taqsira għaċ-Ċittadini:

http://ec.europa.eu/education/vocational-education/doc/cs_en.pdf

Iktar dwar il-politiki tal-Kummissjoni Ewropea dwar edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali

Iktar dwar il-Proċess ta' Kopenħagen

Ara wkoll id-dokumenti bin-numri MEMO/10/245.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website