Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni tħabbar miżuri dwar il-persunal għas-Servizz għall-Azzjoni Esterna

European Commission - IP/10/705   09/06/2010

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/10/705

Brussell, id-9 ta’ Ġunju 2010

Il-Kummissjoni tħabbar miżuri dwar il-persunal għas-Servizz għall-Azzjoni Esterna

Il-Kummissjoni Ewropea llum adottat abbozz ta' proposta li temenda r-Regolamenti tal-Persunal fid-dawl tat-twaqqif tas-Servizz għall-Azzjoni Esterna. Il-bidliet, li ġew diskussi b'mod intensiv mal-unjins tal-persunal, huma maħsuba biex jiżguraw trattament indaqs bejn it-tliet sorsi ta' persunal tas-Servizz - il-Kunsill, il-Kummissjoni u s-servizzi diplomatiċi nazzjonali. Dawn il-proposti jwittu t-triq biex ikun jista' jitfassal il-qafas bażiku tal-politika għall-persunal tas-SEAE, iżda ma jikkonċernawx l-organigramma tiegħu jew id-dettalji tal-politika futura tiegħu dwar il-persunal.

L-għan ewlieni tal-emendi li qed jiġu proposti huwa dak li jiġu ggarantiti r-rekwiżiti ewlenin fejn jidħlu riżorsi umani, meħtieġa għat-twaqqif tas-SEAE, billi jiġi organizzat it-trasferiment ta' uffiċjali mill-Kummissjoni u mill-Kunsill lejn is-SEAE flimkien mal-ingaġġ ta' diplomati nazzjonali. Il-Viċi-President għar-Relazzjonijiet Interistituzzjonali u l-Amministrazzjoni Maroš Šefčovič qal: "It-twaqqif ta' dan is-servizz diplomatiku ġdid huwa opportunità kbira għall-UE. L-għan tagħna huwa dak li naraw li l-persunal għas-SEAE jintgħażel bl-aktar mod effiċjenti, trasparenti u ġust possibbli, skont l-għanijiet tat-Trattat. Huwa vitali li jiġi żgurat li jkun hemm rappreżentazzjoni u bilanċ ġeografiku kif xieraq ta' persunal mis-servizzi diplomatiċi nazzjonali u pproponejna għadd ta' miżuri biex dan niksbuh."

L-għamla tas-SEAE

Hekk kif id-Deċiżjoni dwar it-twaqqif tas-SEAE tidħol fis-seħħ, għadd kbir ta' membri tal-persunal se jiġu trasferiti direttament mill-Kummissjoni u l-Kunsill lejn is-Servizz, jew fuq bażi indivdwali jew inkella bħala parti minn unità. Il-postijiet vakanti kollha se jkunu ppubblikati u se jkunu miftuħa għal kandidati minn servizzi diplomatiċi nazzjonali. Barra minn dan, sabiex tingħata garanzija li jkun hemm rappreżentazzjoni xierqa ta' persunal mis-servizzi diplomatiċi nazzjonali, ir-Rappreżentanta Għolja tista' tiddeċiedi li, sat-30 ta' Ġunju 2013 tkun tista' tingħata prijorità biex ċerti postijiet fis-SEAE jimtlew minn kandidati minn dawk is-servizzi fil-każ li jkun hemm kwalifiċi sostanzjalment indaqs. Wara din l-ewwel fażi, jiġi wkoll estiż aċċess indaqs għal uffiċjali mill-Parlament Ewropew u minn istituzzjonijiet oħra tal-UE.

Trattament ugwali

Barra milli jistabbilixxu proċeduri ta' selezzjoni miftuħa, il-proposti jagħtu trattament indaqs lill-persunal kollu fejn jidħlu kundizzjonijet ta' xogħol. Kandidati mis-servizzi diplomatiċi nazzjonali li jiksbu suċċess jiġu ingaġġati bħala membri temporanji tal-persunal u jingħatawlhom l-istess kundizzjonijiet ta' impjieg daqs dawk tal-uffiċjali. Dawn il-kuntratti ta' aġenti temporanju jkunu jistgħu jiġġeddu lil hinn mil-limitu preżenti ta' sitt snin. Barra minn dan, jekk ikun hemm uffiċjali li jkunu ġew trasferiti mill-Kummissjoni jew mill-Kunsill u li jkunu jixtiequ jirritornaw lura lejn l-istituzzjoni ta' oriġini tagħhom, l-istituzzjonijiet se jiffaċilitaw din il-mobbiltà billi jittrattaw lil dawn l-individwi bl-istess mod bħal kandidati interni tal-istituzzjonijiet tagħhom.

Sfond

It-Trattat ta' Liżbona, li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Diċembru 2009, ħoloq il-kariga tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà u Viċi-President tal-Kummissjoni, u speċifika li din il-persuna tkun mgħejjuna mis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE). It-twaqqif tas-SEAE jirrekjedi Deċiżjoni ta' Stabbiliment, li ġiet ippreżentata lill-Kunsill fit-22 ta' April, emendi lir-Regolament Finanzjarju u lir-Regolamenti tal-Persunal, kif ukoll l-adozzjoni ta' baġit emendatorju. L-Artikolu 27 tat-Trattat jistabbilixxi li s-SEAE għandu jkun magħmul minn uffiċjali mid-dipartimenti relevanti tal-Kunsill, tal-Kummissjoni kif ukoll minn personal issekondat mis-servizzi diplomatiċi nazzjonali tal-Istati Membri.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website