Navigation path

Left navigation

Additional tools

L-Aġenda Diġitali: Il-Kummissarju Kroes tilqa' l-ħidma tal-operaturi tal-mowbajls dwar is-sikurezza tat-tfal; titlob li jsiru aktar sforzi biex tiżdied is-sensibilizzazzjoni tal-ġenituri

European Commission - IP/10/704   09/06/2010

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/10/704

Brussell, id-9 ta’ Ġunju 2010

L-Aġenda Diġitali: Il-Kummissarju Kroes tilqa' l-ħidma tal-operaturi tal-mowbajls dwar is-sikurezza tat-tfal; titlob li jsiru aktar sforzi biex tiżdied is-sensibilizzazzjoni tal-ġenituri

Neelie Kroes, il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea responsabbli għall-Aġenda Diġitali laqgħet b'sodisfazzjon il-progress li sar mill-operaturi tal-mowbajls fil-ħidma tagħhom favur is-sikurezza tat-tfal waqt li jużaw il-mowbajls, iżda ħeġġet lill-operaturi biex iżidu s-sensibilizzazzjoni tal-ġenituri rigward ir-riskji potenzjali ġodda li jiltaqgħu magħhom it-tfal meta jużaw il-mowbajls intelliġenti 'smart phones' (bħall-aċċess iktar faċli għal kontenut adult fuq l-internet). Rapport li għadu kif ġie ppubblikat mill-Assoċjazzjoni tal-GSM, l-entità kummerċjali tal-operaturi tal-industrija tal-mowbajls, juri li 91 kumpanija qed jimplimentaw, fuq livell nazzjonali, il-miżuri miftiehma fi ftehim volontarju mal-Ewropa kollha fuq inizjattiva tal-Kummissjoni Ewropea fl-2007(ara IP/07/139). Attwalment, f'25 Stat Membru hemm kodiċi nazzjonali awtoregolatorju bbażat fuq il-Qafas Ewropew, li jfisser li 96% tal-abbonati tal-mowbajl kollha fl-UE qed jibbenefikaw minn dan il-ftehim.

Neelie Kroes, il-Kummissarju tal-UE għall-Aġenda Diġitali qalet "Is-sikurezza taż-żgħażagħ waqt li jkunu onlajn hija impenn ewlieni tal-Aġenda Diġitali għall-Ewropa, u din hija r-raġuni għalfejn qed nilqa' r-rapport tal-lum li juri li l-kumpaniji tal-mowbajls qed jieħdu r-responsabbiltajiet tagħhom bis-serjetà. Madankollu, qed nitlob lill-industrija tal-mowbajls biex tiżgura li l-persuni ta' kull età jifhmu b'mod sħiħ ir-riskji, kif ukoll fejn tinsab l-għajnuna, peress li l-ġenituri ta' spiss ma jkunux konxji mill-aħħar żviluppi li jkunu saru fil-mowbaljs daqs il-ġenerazzjoni aktar żagħżugħa."

Rapport ġdid tal-industrija tal-mowbaljs juri li sar progress impressjonanti mit-83 operatur tal-mowbajls firmatarji tal-"Qafas Ewropew dwar l-Użu Aktar Sikur tal-Mowbajls minn Żgħażagħ Minuri u Tfal" li sar mill-Kummissjoni fi Frar 2007. Dawn l-operaturi jkopru 96% tal-klijenti kollha tal-mowbajls fl-UE. Tmien kumpaniji oħra ffirmaw ukoll kodiċi ta' kondotta nazzjonali.

B'mod ġenerali, l-operaturi tal-mowbajls għamlu progress kbir fl-erba' oqsma ta' azzjoni identifikati fil-kodiċi tal-2007:

  • L-operaturi implimentaw miżuri biex ikun hemm kontroll tal-aċċess tat-tfal għall-kontenut adult. Pereżempju, l-operaturi tal-mowbajls fil-Latvja jwettqu verifiki abbażi tal-età fil-post tal-bejgħ u jippermettu lill-ġenituri li jwaqqfu l-aċċess għall-internet fuq il-telefown tat-tfal tagħhom mingħajr ħlas.

  • L-operaturi qed jaħdmu wkoll biex jikklassifikaw il-kontenut kummerċjali disponibbli minn fuq il-mowbajls. L-operaturi tal-mowbajls fl-Italja jużaw ikoni kkodifikati bil-kulur li juru jekk il-kontenut hux aċċettabli għal kulħadd, jekk hux immirat għat-tfal jew għandux jintwera fil-preżenza ta' adult, jew jekk hux kontenut intenzjonat għall-adulti biss.

  • Bosta operaturi tal-mowbajls jipproduċu materjal edukattiv u jagħmlu kampanji ta' sensibilizzazzjoni dwar l-użu sikur tal-mowbajls. L-operaturi tal-mowbajls fir-Renju Unit żviluppaw siti elettroniċi indipendenti dwar dan is-suġġett u pproduċew gwidi, pledge cards, DVDs u fuljetti. L-operaturi f'Malta jipprovdu għajnuna permezz ta' linji tat-telefown mingħajr ħlas disponibbli 24 siegħa.

  • L-operaturi tal-mowbajls fir-Repubblika Ċeka u fis-Slovakkja qed jaħdmu biex jiġġieldu kontra l-kontenut illegali fuq in-netwerks tal-mowbajl u jwaqqfu l-aċċess għal siti elettroniċi b'kontenut illegali.

Ir-rapport juri wkoll li għadd ta' kodiċijiet nazzjonali jinkludu rekwiżiti li jmorru lil hinn mill-ambitu tal-Qafas tal-UE. Pereżempju, fl-Ungerija ġiet żviluppata kodiċi ta' etika dwar il-kummerċjalizzazzjoni mmirata lejn it-tfal, u fir-Renju Unit ġie prodott kodiċi ta' prattika simili biex jiġi kkontrollat l-użu tas-servizzi ta' lokazzjoni passiva. Ir-rispons mill-partijiet interessati rigward il-protezzjoni tat-tfal bħal Save the Children fid-Danimarka, International Children's Safety Service fl-Ungerija u Protegeles fi Spanja, juri wkoll li l-kodiċijiet ta' kondotta nazzjonali għenu biex l-operaturi tal-mowbajls jaħdmu flimkien ma' għaqdiet non-governattivi.

Madankollu, il-partijiet interessati f'uħud mill-pajjiżi tal-UE kkomunikaw lill-industrija tal-mowbajls li huma stennew li jkun hemm aktar azzjoni biex il-ġenituri jiġu informati bir-riskji u l-opportunitajiet tal-kwistjonijiet tal-internet fuq il-mowbajls, kwistjonijiet li qed jevolvu b'ritmu mgħaġġel. Pereżempju, ċ-Children's Fund fil-Latvja rrapurtat li minkejja li l-iżgħar utenti tal-mowbajls kienu konxji u aktar informati bir-riskji potenzjali, meta mbagħad iltaqgħu ma' problemi reali, kien biss fl-aħħar stadju tagħhom li bdew ifittxu l-parir u l-għajnuna tal-ġenituri.

Is-sikurezza tat-tfal meta jkunu onlajn - kemm jekk l-aċċess jinkiseb minn fuq kompjuter kemm jekk minn fuq mowbajl - hija waħda mill-prijoritajiet ewlenin tal-Aġenda Diġitali għall-Ewropa (ara IP/10/581, MEMO/10/199 u MEMO/10/200). Il-fornituri tas-servizzi onlajn li huma l-aktar popolari fost il–ġenerazzjonijiet taż-żgħażagħ (eż netwerks soċjali, operaturi tal-mowbajls) se jkunu mitluba li sal-2013 jiżviluppaw aktar il-miżuri awtoregolatorji dwar is-sikurezza onlajn tat-tfal.

B'mod partikolari, grazzi għall-Programm tal-UE għal Internet Aktar Sikur, il-maġġoranza tal-Istati Membri Ewropej għamlu hotlines fejn ikun irrappurtat kontenut onlajn li hu offensiv u minn fejn isir tagħlim dwar is-sikurezza onlajn fl-iskejjel. Huma se jkunu mħeġġa biex fis-snin li ġejjin iżidu l-isforzi tagħhom .

Sfond

Il-"Qafas Ewropew dwar l-Użu Aktar Sikur tal-Mowbajls minn Żgħażagħ Minuri u Tfal" kien żviluppat bħala reazzjoni għall-bosta kwistjonijiet li qamu fil-konsultazzjoni pubblika tal-Kummissjoni fl-2006 dwar użu aktar sikur tal-mowbajl (ara IP/06/1059).

Lista tal-firmatarji tal-Qafas Ewropew jinsabu fis-sit:

http://www.gsmeurope.org/documents/List_of_signatories_Dec_09.pdf

Il-kodiċijiet ta' kondotta issa jeżistu fl-Istati Membri kollha minbarra fl-Estonja u l-Finlandja, fejn id-diskussjonijiet fuq livell nazzjonali għadhom għaddejjin.

Għal iktar tagħrif dwar l-aħħar rapport tal-GSMA ara: http://ec.europa.eu/information_society/activities/sip/self_reg/phones/index_en.htm

Il-programm għal Internet aktar Sikur 2009-2013.

http://ec.europa.eu/saferinternet


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website