Navigation path

Left navigation

Additional tools

Is-Sajd fil-Mediterran: il-prattiki tas-sajd sostenibbli ma jistgħux ikunu posposti

European Commission - IP/10/703   08/06/2010

Other available languages: EN FR DE ES IT EL SL

IP/10/703

Brussell, is-8 ta’ Ġunju 2010

Is-Sajd fil-Mediterran: il-prattiki tas-sajd sostenibbli ma jistgħux ikunu posposti

Iktar minn 54% tal-istokkijiet tal-ħut tal-Mediterran li kienu analizzati minn xjenzati, instab li sarilhom sajd eċċessiv. Sabiex din is-sitwazzjoni tkun rimedjata, fl-2006, l-UE adottat ir-Regolament dwar il-Mediterran li għandu l-għan li jtejjeb il-ġestjoni tas-sajd sabiex ikun hemm sajd sostenibbli, ikun protett l-ambjent fraġli tal-baħar u l-istokkijiet tal-ħut jerġgħu jilħqu livelli b'saħħithom. Ir-Regolament japplika għall-Istati Membri tal-UE madwar il-Mediterran. Rigward xi dispożizzjonijiet, kien intlaħaq ftehim dwar perjodu twil ta' tranżizzjoni ta' 3 snin li jippermetti lill-Istati Membri żmien biex jippreparaw għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament. Ir-Regolament jidħol fis-seħħ b'mod sħiħ mill-1 ta' Ġunju u għandu jkun implimentat mill-Istati Membri kkonċernati. Madanakollu, l-Istati Membri s'issa naqqsu milli jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw implimentazzjoni sħiħa u l-Kummissjoni tiddeplora dan bil-qawwa kollha. Il-Kummissjoni titlob lill-Istati Membri biex jieħdu azzjoni urġenti permezz tal-applikazzjoni ta' miżuri bbażati fuq ix-xjenza u li jimmiraw lejn livell għoli ta' sostenibbiltà.

Il-Kummissarju għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd Maria Damanaki tinsisti li f'dan l-istadju, il-miżuri adottati mir-Regolament dwar il-Mediterran f'Diċembru 2006, għandhom ikunu implimentati b'mod sħiħ. 'Se niżgura li l-Regolament dwar il-Mediterran ikun implimentat strettament. Il-perjodu ta' tranżizzjoni għadda. Nitlob lill-Istati Membri biex jieħdu azzjoni issa..." hija qalet

"L-Istati Membri kellhom iktar minn tliet snin biex iħejju ruħhom u jikkonformaw mar-regoli. Dawn huma r-regoli li l-Istati Membri unimament qablu dwarhom permezz ta' kompromess li kien emenda l-proposta iktar ambizzjuża tal-Kummissjoni. Huwa diffiċli biex naċċetta li l-Istati Membri illum mhumiex lesti jew ma jistgħux jimplimentaw anke l-kompromess tal-2006. Tabilħaqq ninsab diżappuntata.", żiedet.

Barra minn hekk, il-Kummissarju Damanaki qalet: "L-istat ta' diversi stokkijiet tal-ħut fil-Mediterran huwa allarmanti u s-sajjieda qed jaqbdu inqas u inqas ħut kull sena. Jeħtieġ li nreġgħu lura t-tendenza preokkupanti ta' prattiki tas-sajd mhux sostenibbli u t-tfaqqir tar-riżorsi tal-baħar u jeħtieġ li dan nagħmluh issa. Iżda qabel isir dan, kulħadd għandu jassumi r-responsabbiltajiet tiegħu u jimxi mar-regoli miftiehma."

Ir-Regolament dwar il-Mediterran1 jieħu passi biex jintegra t-tħassib ambjentali fil-politika tas-sajd u jistabbilixxi netwerk ta' żoni protetti fejn l-attivitajiet tas-sajd huma ristretti għal żoni protetti tat-trobbija tal-ħut, żoni għad-depożitu tal-bajd u għall-ekosistema tal-baħar. Ir-Regolament jistabbilixxi wkoll regoli tekniċi dwar metodi ta' sajd u d-distanza mill-kosta permessibbli u jipprovdi għal speċijiet u ħabitats protetti.

Ir-Regolament jagħti possibbiltà ikbar lill-Istati Membri biex jadottaw miżuri għas-sitwazzjonijiet lokali preċiżi, iżda dan l-approċċ ma jaħdimx u se jfalli jekk l-istati Membri ma jagħmlux xogħlhom.

Meta r-Regolament daħal fis-seħħ fil-bidu tal-2007, kien previst perjodu ta' tranżizzjoni twil (sal-31 ta' Mejju 2010) għal xi dispożizzjonijiet. Għalhekk huwa raġonevoli li wieħed jistenna li l-amministrazzjonijiet nazzjonali kellhom żmien biżżejjed biex jagħmlu arranġament għat-tranżizzjoni u jiżguraw il-konformità. Iżda anke llum, jidhru li mhumiex preparati u l-livell ta' konformità mar-Regolament jidher li huwa problematiku.

Spezzjonijiet riċenti mill-Kummisjoni identifikaw ksur serju li jirrigwarda d-daqs minimu tat-toqob tax-xbieki tas-sajd, id-daqs minimu tal-ħut u organiżmi tal-baħar oħra u kwistjonijiet oħra ta' selettività. Dan minkejja, li d-dispożizzjonijiet rilevanti ilhom vinkolanti sa minn meta daħal fis-seħħ ir-Regolament 3 snin ilu. L-Istati Membri lanqas ma ssodisfaw l-obblgi kollha tagħhom li jressqu pjanijiet ta' ġestjoni sal-iskadenza jew li jidentifikaw żoni tas-sajd protetti addizjonali kif rikjest mir-Regolament.

Ta' min wieħed jenfasizza li r-Regoalment jippermetti li għadd ta' prattiki tas-sajd ikomplu basta l-valutazzjonijiet xjentifiċi juru li l-impatt fuq l-ispeċijiet u l-ħabitats huwa aċċettabbli u jkunu mmaniġġjati minn pjan nazzjonali

Il-Kummissjoni Ewropea tiddeplora bil-qawwa din is-sitwazzjoni, li ma tistax ħlief li jkollha impatt dirett fuq is-sitwazzjoni tal-istokkijiet u s-sostenibbiltà tas-sajd. Hija ħeġġet bil-qawwa kollha lill-Istati Membri biex jieħdu azzjoni malajr biex jirranġaw is-sitwazzjoni u qed taħdem mill-qrib magħhom biex issolvi l-problemi pendenti. Madanakollu, f'każ ta' ksur serju, il-Kummissjoni mhi se jkollha l-ebda għażla ħlief li tieħu passi sodi biex tiżgura il-konformità.

Is-sajd fil-Mediterran ma jistax ikun immaniġġjat b'mod raġonevoli mir-Regolament dwar il-Mediterran jew mill-Unjoni Ewropea biss. L-involviment tal-pajjiżi kollha faċċata tal-baħar huwa kruċjali u l-UE hija attiva ħafna fl-organizzazzjonijiet multilaterali bħall-Kummissjoni Ġenerali għas-Sajd fil-Mediterran (GFCM) u l-Kummissjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku (ICCAT), biex ittejjeb l-għarfien xjentifiku u toħloq kundizzjonijiet ugwali li fuqhom tippromwovi s-sostenibbiltà.

Ara wkoll:

MEMO/10/243

1 :

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006 tal-21 ta' Diċembru 2006


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website