Navigation path

Left navigation

Additional tools

Konferenza biex jiġi ppreżentat il-futur tan–netwerks tat-trasport fl-Ewropa

European Commission - IP/10/697   07/06/2010

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/10/697

Brussell, is-7 Ġunju 2010

Konferenza biex jiġi ppreżentat il-futur tan–netwerks tat-trasport fl-Ewropa

Il-Kummissjoni Ewropea ser tiżvela kif bi ħsiebha tixpruna l-politika tagħha tan-netwerks tat-trasport b'reazzjoni għall-isfidi tas-seklu 21 waqt konferenza dwar in-Netwerk Trans-Ewropew tat-Trasport (TEN-T) f'Zaragoza fit-8 u d-9 ta' Ġunju. Ospitati flimkien mal-Presidenza Spanjola, il-Ġranet TENT-T 2010 ser ilaqgħu flimkien lill-Kummissjoni, lill-Membri tal-Parlament Ewropew, kif ukoll lill-Ministri u rappreżentanti għolja oħra mill-Istati Membri.

Il-Viċi President Siim Kallas, responsabbli mit-Trasport, qal: "Il-konferenza hija pass essenzjali fil-proċess tar-reviżjoni tal-politika tat-TEN-T li għandha l-għan li jitlesta s-suq intern, jittejbu l-konnessjonijiet bejn il-Lvant u l-Punent u li tiġi mgħejjuna l-kompetittività internazzjonali tal-Ewropa kif ukoll it-tkabbir ekonomiku tagħha."

Waqt din il-konferenza l-Kummissjoni ser tippreżenta d-dokument ta' ħidma riċenti tagħha dwar ir-reviżjoni tal-metodoloġija tal-ippjanar tat-TEN-T. Id-dokument ta' ħidma huwa pass ieħor fir-reviżjoni tal-politika tat-TEN-T li beda bil-Green Paper dwar it-Trasport fl-2009. Id-dokument jiġbor flimkien ir-riżultati ta' konsultazzjoni pubblika wiesgħa u s-sejbiet ta' sitt gruppi ta' esperti. Il-Kummissjoni – f'konformità mal-konklużjonijiet tal-gruppi ta' esperti - qed tipproponi approċċ fuq żewġ livelli li jikkonsisti minn netwerk ewleni li jgħaqqad il-punti ta’ konġunzjoni u ċ-ċentri prinċipali ewlenin tat-trasport Ewropew, u netwerk komprensiv aktar dens li jinkludi konnessjonijiet b'infrastruttura iżgħar u li jkunu jservu ta' bażi usa' għall-ippjanar infrastrutturali fl-Istati Membri. Din l-alternattiva rċiviet appoġġ tajjeb mill-partijiet interessati u l-Istati Membri wara li ġiet ippubblikata għall-ewwel darba fil-Green Paper tal-2009. Kwistjonijiet ulterjuri, bħal x'jikkoxtitwixxi punti ta’ konġunzjoni, għadhom iridu jissolvew. Matul il-Ġranet TEN-T, il-Kummissjoni bi ħsiebha tintensifika d-djalogu dwar dawn il-kwistjonijiet mal-Istati Membri u l-partijiet interessati.

Matul il-Ġranet TEN-T, il-Kummissjoni sejra wkoll tippreżenta r-rapport tagħha tal-2010 dwar il-progress li jivvaluta l-iżvilupp tat-30 proġett prijoritarju tat-TEN-T. Dan huwa l-ewwel rapport dwar il-progress ibbażat fuq id-dejtabejż ġdida TENtec, interfaċċja onlajn ġdida bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri li tippermetti t-trażmissjoni ta' dejta f'ħin reali. Din l-għodda ġdida tikkontribwixxi għal trasparenza akbar fl-evalwazzjoni u s-superviżjoni tal-progress tat-TEN-T u l-allokazzjoni tal-fondi. Ir-rapport ta' din is-sena sab li minkejja s-sitwazzjoni ekonomika ħażina, xorta waħda kien possibbli li jitlestew xi partijiet ewlenin min-netwerk Ewropew tat-trasport. Madankollu, isemmi wkoll xi sfidi li baqa' u li jeħtiġilhom jingħelbu sabiex jinbena netwerk tat-trasport effikaċi.

Matul il-konferenza ser jinħatru tliet koordinaturi Ewropej ġodda għall-proġetti prijoritarji tat-TEN-T. Il-persuni maħtura kollha kellhom pożizzjonijiet għolja fl-Ewropa u fl-Istati Membri tagħhom u ser ikunu f'pożizzjoni eċċellenti biex jgħinu fl-isforzi ta' koordinazzjoni li huma essenzjali għall-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri matul l-implimentazzjoni tal-proġetti prijoritarji. Péter Balázs, eks-Kummissarju, ser jirritorna bħala koordinatur Ewropew għall-konnessjoni bil-ferrovija bejn Pariġi u Budapest wara li jlesti l-mandat tiegħu bħala ministru tal-affarijiet barranin tal-Ungerija. Pat Cox, eks-President tal-Parlament Ewropew, ser ikun responsabbli mill-assi tal-ferrovija Berlin–Palermo, filwaqt li Gilles Savary, eks-Membru tal-Parlament Ewropew ser ikun inkarigat mill-assi tal-ferrovija Ateni–Dresden.

Barra minn hekk, mistennija jiġu ffirmati tliet Memoranda ta' Ftehim oħra f'Zaragoza. Memorandum minnhom ser ikun fuq l-"Assi tal-Ferrovija b'Veloċità Għolja għall-Ewropa tal-Lbiċ" li jgħaddi minn Franza, Spanja u l-Portugall u jinkludi parti diffiċli fil-Pirinej. Memorandum ieħor ser ikun dwar l-assi tal-ferrovija minn Lyon sal-fruntieri mal-Ukraina; u t-tielet wieħed li ser jiġi ffirmat ser ikun dwar il-proġett Rail Baltica minn Varsavja sa Ħelsinki. Il-memoranda ser jenfasizzaw il-ħtieġa għall-kooperazzjoni politika matul dawn il-proġetti infrastrutturali komplessi u ser jimmanifestaw ir-rieda politika tal-Istati Membri involuti li jkompli jsir progess fuq dawn il-linji.

Għall-konferenza ser ikun hemm rappreżentanti ta' livell għoli mill-Kummissjoni fosthom il-Viċi President Siim Kallas u l-Kummissarju Johannes Hahn; rappreżentanti ta' livell għoli mill-Istati Membri, fosthom diversi ministri u segretarji tal-istat; membri ewlenin mill-Kumitat għat-trasport tal-Parlament Ewropew; u aktar minn 500 parti interessata.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website