Navigation path

Left navigation

Additional tools

L-Ambjent: Twissija lil tnax-il Stat Membru dwar in-nuqqas tagħhom li jressqu l-pjanijiet tal-baċiri tax-xmajjar

European Commission - IP/10/685   03/06/2010

Other available languages: EN FR DE DA ES NL PT EL LT PL SL RO

IP/10/685

Brussell, it-3 ta’ Ġunju 2010

L-Ambjent: Twissija lil tnax-il Stat Membru dwar in-nuqqas tagħhom li jressqu l-pjanijiet tal-baċiri tax-xmajjar

Il-Kummissjoni Ewropea qed tibgħat l-ewwel twissija lil tnax-il Stat Membru li naqsu milli jressqu l-pjanijijet tagħhom għall-ġestjoni tal-baċiri tax-xmajjar Ewropej kif meħtieġ mil-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-ilma. L-Istati Membri konċernati huma: Il-Belġju, Ċipru, id-Danimarka, il-Greċja, l-Irlanda, il-Litwanja, Malta, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovenja u Spanja. Il-pjanijiet tal-baċiri tax-xmajjar huma l-bażi fundamentali tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma u huma essenzjali sabiex jintlaħaq l-għan tal-UE, ta' 'stat tajjeb' tal-ilmijiet Ewropej sal-2015. Dawn kellhom jiġu addottati sa mhux aktar tard mit-22 ta' Diċembru 2009.

Il-Kummissarju għall-Ambjent Janez Potočnik qal: "Ninsab kuntent li l-biċċa l-kbira tal-Istati Membri ressqu b'suċċess u f'waqthom il-pjanijiet tagħhom għall-ġestjoni tal-baċiri tax-xmajjar. Madankollu, għad ma għandniex il-pjanijiet ta' kwart tat-territorju tal-UE. Inħeġġeg lil dawk l-Istati Membri sabiex jieħdu azzjoni minnufih, sabiex ilestu l-konsultazzjoni pubblika u jressqu l-pjaniiet tagħhom."

L-ewwel twissija lil tnax-il Stat Membru dwar il-pjanijiet tal-baċiri tax-xmajjar.

Il-Kummissjoni Ewropea qed tibgħat l-ewwel twissija lil tnax-il Stat Membru dwar in-nuqqas tagħhom li jressqu l-pjanijijet għall-ġestjoni tal-baċiri tax-xmajjar meħtieġa mid-Direttiva Qafas dwar l-Ilma.1

Skont il-leġiżlazzjoni, l-Istati Membri kellhom jippubblikaw pjan ta' ġestjoni għal kull distrett b'baċir tax-xmara, sa mhux iktar tard minn disa' snin wara d-dħul fis-seħħ tal-leġiżlazzjoni. L-Istati Membri li għandhom bejniethom xmajjar li huma internazzjonali għandhom jaħdmu flimkien sabiex jipproduċu pjan internazzjonali wieħed għall-ġestjoni tal-baċiri tax-xmajjar.

Jeħtieġ li l-Istati Membri jikkonsultaw mal-pubbliku u ma' partijiet interessati oħra dwar il-pjanijiet u li jippubblikaw abozzi ta' kopji li jagħtu sitt xhur ċans għal kummenti bil-miktub. Minħabba dawn ir-rekwiżiti, il-konsultazzjonijiet pubbliċi kellhom jibdew sa mhux iktar tard minn Diċembru tal-2008.

Madankollu, filwaqt li ħafna mill-Istati Membri ressqu l-pjanijiet tagħhom, tnax minnhom naqsu milli jagħmlu dan u f'uħud mill-Istati Membri l-konsultazzjonijiet għadhom lanqas biss bdew. Minħabba li l-pjanijiet ta' kwart mit-territorju tal-UE għadhom nieqsa, madwar 31 % taċ-ċittadini għad ma għandhomx ċertezza dwar kif se jiġu ġestiti r-riżorsi tal-ilma tagħhom.

Dan iqiegħed l-ilħiq tal-għanijiet tad-Direttiva f'riskju. Iktar dewmien se jkollu effett indirett fuq l-implimentazzjoni globali tad-Direttiva, fuq l-istabbiliment tal-miżuri u finalment fuq it-titjib tal-ambjent tal-ilma. Għalhekk il-Kummissjoni qed tibgħat l-ewwel twissija bil-miktub lill-Istati Membri konċernati, sabiex tħeġġiġhom iħaffu l-proċeduri sabiex jadottaw il-pjanijiet. Dawn għandhom xahrejn biex iwieġbu.

Pjanijiet għall-ġestjoni tal-baċiri tax-xmajjar

Id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma, li serviet ta' pijuniera u li daħlet fis-seħħ fl-2000, tipprovdi qafas għall-ġestjoni integrata tal-ilma fid-distretti tal-baċiri tax-xmajjar madwar l-Unjoni Ewropea. Hija tobbliga lill-Istati Membri sabiex iħarsu u jirrestawraw il-korpi kollha tal-ilma ta' taħt l-art u tal-ilma tal-wiċċ (xmajjar, lagi, kanali u ilma tal-kosta) sabiex jilħqu stat tajjeb sa mhux iktar tard mill-2015.

Il-Pjanijet għall-ġestjoni tal-Baċiri tax-Xmajjar jagħtu daqqa t'għajn komprensiva fuq il-kwistjonijiet ewlenin għal kull distrett b'baċir tax-xmara. Il-pjanijiet għandhom jinkludu miżuri speċifiċi meħtieġa sabiex jinltaħqu l-għanijiet ta' kwalità ambjentali stabbiliti. Fil-każ li jiġu applikati xi eżenzjonijiet, għandha tiġi pprovduta ġustifikazzjoni tajba.

Il-Kummissjoni qed teżamina l-kwalità tal-pjanijiet imressqa, u se tippreżenta t-tielet rapport dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma fl-2012. Dan se jivvaluta l-pjanijiet u jipprovdi rakkomandazzjonijiet sabiex titejjeb l-implimentazzjoni tagħhom. Ir-rapport se jikkontribwixxi għall-"Pjan il-Ġdid ta' Ħarsien tal-Ilmijiet Ewropej."

Links Siewja:

Għal iktar tagħrif dwar il-konsultazzjoni u l-istat tal-adozzjoni dwar il-pjanijiet għall-ġestjoni tal-baċiri tax-xmajjar, idħol fuq:

http://ec.europa.eu/environment/water/participation/map_mc/map.htm

Iktar dettalji dwar il-politika tal-ilma:

http://ec.europa.eu/environment/water/index_en.htm

Għall-istatistiċi attwali ġenerali dwar il-ksur, ara:

http://ec.europa.eu/community_law/infringements/infringements_en.htm

In-numri tal-każijiet

2010/2070 BE, 2010/2071 CY, 2010/2072 DK, 2010/2074 EL, 20102076 IE, 2010/2077 LT, 2010/2078 MT, 20102079 PL, 2010/2080 PT, 2010/2081 RO, 2010/2082 SI, 2010/2083 ES

1 :

Id-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website