Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/10/672

Brussell, 3 ta’ Ġunju 2010

L-Aġenda Diġitali: Bord ta' livell għoli Ewropew jikkonsulta dwar soluzzjonijiet tal-ICT li jgħinu lill-anzjani jgħixu b'mod aktar indipendenti

Bord ta' livell għoli li ġie stabbilit sabiex jagħti parir lill-Kummissjoni Ewropea dwar il-funzjonament tal-Programm Konġunt tal-Għajxien Megħjun Kontestwalment (Ambient Assisted Living AAL JP) nieda konsultazzjoni li fiha stieden liċ-ċittadini, lin-negozji u lir-riċerkaturi sabiex jaqsmu l-ideat tagħhom dwar kif l-aħjar li jintużaw it-Teknoloġiji tal-Informazzjoni u tal-Komunikazzjoni biex jgħinu liċ-ċittadini Ewropej ta' età aktar avvanzata jgħixu b'mod aktar indipendenti, u fuq livell iżjed ġenerali sabiex jiġu stabbiliti modi ġodda ta' kif l-ICTs ikunu ta' servizz għal dawk il-membri l-aktar vulnerabbli tas-soċjetà. Il-bord huwa ppresedut mill-eks Kummissarju Ewropew Meglena Kuneva. Il-konsultazzjoni pubblika hija l-ewwel pass biex jintlaħaq l-għan li sas-sena 2015 jirdoppjaw l-arranġamenti għal għajxien indipendenti għall-anzjani, kif stabbilit mill-Aġenda Diġitali (ara IP/10/581). Dan il-proċess ta' konsultazzjoni se jintemm fl- 1 ta' Lulju 2010.

Il-Kummissarju għall-Aġenda Diġitali Neelie Kroes qalet: "It-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni għandhom potenzjal qawwi ħafna li jtejbu l-kwalità tal-ħajja u s-saħħa ta' dawk ta' età aktar avvanzata u membri oħra vulnerabbli tas-soċjetà permezz ta' modi tassew prattiċi. Applikazzjonijiet bħal dawn huma parti importanti mill-Aġenda Diġitali għall-Ewropa. Għalhekk inħeġġeġ lill-utenti, riċerkaturi u negozji sabiex jgħidulna kif nistgħu ntejbu l-Programm Konġunt tal-Għajxien Megħjun Kontestwalment."

L-għan tal-Programm Konġunt tal-Għajxien Megħjun Kontestwalment, li jinvolvi kemm lill-Kummissjoni Ewropea u kemm lill-Istati Membri tal-UE, hu li jiżgura li l-ICTs jippermettu ħajja aktar indipendenti u b'dinjità lill-anzjani li huma soċjalment maqtugħin, fraġli u li jsofru minn kundizzjonijiet kroniċi jew li għandhom bżonnijiet speċjali, u fost l-oħrajn jiżviluppa soluzzjonijiet ġodda li jitrattaw problemi ta' dan it-tip: li jnaqqas ir-riskju li jaqgħu u li jappoġġa lil dawk li jbatu mid-dimenzja. Applikazzjonijiet bħal dawn itejbu l-kwalità tal-ħajja ta' dawk ta' età aktar avvanzata u dawk vulnerabbli, iżommu l-ispejjeż soċjali u dawk tal-kura tas-saħħa baxxi u jiftħu opportunitajiet ġodda fis-swieq għall-industrija u l-fornituri ta' servizzi tal-Ewropa.

Eżempji ta' proġetti ta' riċerka tal-Għajxien Megħjun Kontestwalment jinkludu, pereżempju, 'robots soċjali għall-kura tal-anzjani' li jistgħu jgħinuhom fl-attivitajiet tagħhom ta' kuljum bħal meta jerfgħu jew isajru, jew jagħtu sinjal ta' alarm f'każ li kamera interna tirreġistra li persuna tkun waqgħet. Eżempju ieħor huwa l-ambjent ta' 'dar intelliġenti', fejn kameras intelliġenti jinterpretaw l-attivitajiet tan-nies u jkunu jistgħu javżaw liċ-ċentri ta' emerġenza jekk ikun hemm xi tibdil fl-imġiba tagħhom. Qed issir ukoll riċerka avvanzata sabiex jiġu żviluppati esoskeletri kkontrollati mill-moħħ, apparat estern li jgħin lil dawk li ma tantx jifilħu jimxu billi dan jirrispondi għall-moviment tan-nervituri fis-saqajn u b'hekk ikunu jistgħu jimxu.

Is-settur pubbliku u dak privat fl-Ewropa qed jinvestu aktar minn EUR 1 biljun fir-riċerka u l-innovazzjoni għal tixjiħ tajjeb: madwar EUR 600 miljun fil-programm konġunt AAL (AAL JP), madwar EUR 400 miljun fil-programm qafas ta' riċerka tal-UE u s'issa ġiet investita s-somma ta' iktar minn EUR 50 miljun fil-Programm ta' Appoġġ għall-Politika dwar l-ICT tal-UE. L-inizjattiva tal-AAL JP hija wkoll immirata lejn impriżi innovativi żgħar u ta' daqs medju (SMEs), b'dawn l-SMEs jgħoddu għal madwar 40% tal-parteċipanti tal-AAL JP.

L-AAL JP jgħaqqad flimkien 20 Stat Membru tal-Unjoni Ewropea (l-Awstrija, il-Belġju, Ċipru, id-Danimarka, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Ungerija, l-Irlanda, l-Italja, il-Lussemburgu, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovenja, Spanja, l-Isvezja u r-Renju Unit), tliet pajjiżi assoċjati (l-Iżrael, in-Norveġja u l-Isvizzera) u l-Kummissjoni Ewropea. Dan il-programm jagħti appoġġ lis-soluzzjonijiet li jistgħu joħorġu fis-suq fi żmien sentejn jew tliet snin u li huma kummerċjalment vijabbli. Dan iġib opportunitijiet ġodda ta' negozju u roħs kbir fl-ispiża soċjali u tal-kura tas-saħħa. Pereżempju, is-soluzzjonijiet telecare jistgħu jraħħsu l-ispejjeż tas-servizzi tal-kura fid-dar bi 30%.

Sfond

Il-parteċipazzjoni tal-Kummissjoni fil-programm tal-Għajxien Megħjun Kontestwalment hija riżultat ta' pjan ta' azzjoni tal-2007 dwar "Tixjiħ tajjeb fis-Soċjetà tal-Informazzjoni" (ara IP/07/831).

L-għan huwa li tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri fir-riċerka permezz ta' fondi korrispondenti tal-UE.

Il-valutazzjoni interim kontinwa hija rekwiżit legali tad-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Lulju 2008. Il-Kummissjoni se tikkomunika l-konklużjonijiet tal-valutazzjoni interim u l-osservazzjonijiet tagħha lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sal-aħħar tal-2010.

Il-konsultazzjoni pubblika tinsab fuq:

http://ec.europa.eu/information_society/activities/einclusion/research/aal/interim_review/index_en.htm

Azzjonijiet tal-KE għal "Tixjiħ tajjeb fis-soċjetà tal-informazzjoni":

http://ec.europa.eu/information_society/activities/einclusion/research/aal/interim_review/index_en.htm

AAL JP: www.aal-europe.eu.

Strateġija Ewropea 2020: http://ec.europa.eu/eu2020/pdf/1_MT_ACT_part1_v1.pdf

Aġenda Diġitali għall-Ewropa:

http://ec.europa.eu/information_society/digital-agenda/index_en.htm

Ħarsa ġenerali tal-proġetti appoġġati mill-AAL JP:

http://www.aal-europe.eu/Published/pr-docs/flyer-aal-call-1-projects


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website