Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/10/659

Brussell, it-2 ta' Ġunju 2010

It-tibdil fil-klima: Il-Kummissarju Hedegaard tilqa' b'sodisfazzjoni it-tnaqqis fl-UE tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra għall-ħames sena konsekuttiva

L-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent illum ippubblikat l-aħħar inventarju tal-UE tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra li juri li l-emissjonijiet reġgħu naqsu b'mod sinifikanti fl-2008, l-ewwel sena tal-ewwel perjodu ta' impenn skont il-Protokoll ta' Kjoto. Il-Kummissarju Ewropea għat-Tibdil fil-Klima Connie Hedegaard laqgħet l-aħbar b'sodisfazzjon. Dan it-tnaqqis jikkostitwixxi l-ħames tnaqqis annwali konsekuttiv. L-inventarju tal-emissjonijiet għall-2008, l-aktar sena riċenti li hemm id-dejta sħiħa disponibbli dwarha, juri li mill-2007 lil hawn l-emissjonijiet tal-grupp tal-UE-15 niżlu b’1.9% filwaqt li l-ekonomija kibret b' 0.6 %. Bis-saħħa ta’ dan it-tnaqqis tal-emissjonijiet fil-grupp tal-UE-15, il-livelli tagħhom jinsabu 6.9% taħt dawk tas-sena bażi (f’ħafna każijiet l-1990). Dan ifisser li l-grupp tal-UE-15 qed joqrob aktar il-mira tiegħu skont il-Protokoll ta Kjoto, biex għall-perjodu tal-impenn bejn l-2008 u l-2012, il-medja tal-emissjonijiet tonqos għal 8% taħt il-livelli tas-sena bażi. L-emissjonijiet tal-UE-27 niżlu b'2% matul is-sena għal 11.3% taħt il-livelli tas-sena 1990.

Il-Kummissarju Hedegaard qalet: "Bil-kontinwazzjoni tan-negozjati dwar ftehim globali fir-rigward tat-tibdil fil-klima għall-era ta' wara l-2012, huwa ta' importanza mill-akbar il-fatt li nuru li l-Ewropa kapaċi tonora l-impenji tagħna skont il-Protokoll ta' Kyoto. It-tnaqqis sinifikanti li ksibna fl-emissjonijiet dawn l-aħħar ħames snin juri biċ-ċar is-siwi ta' miri vinkolanti. Madankollu, l-2008 kienet biss l-ewwel sena tal-perjodu tal-impenn ta' Kyoto u l-Istati Membri jeħtieġu jkomplu bl-isforzi tagħhom biex jiżguraw li jilħqu l-miri tagħhom għall-2008-2012."

Żiedet tgħid: "It-tnaqqis tal-2008 kien dovut mhux biss għall-kriżi finanzjarja iżda huma wkoll ir-riżultat ta' ħafna politiki ambizzjużi li l-UE u l-Istati Membri tagħha implimentaw matul is-snin u li l-effetti tagħhom qed jidhru dejjem aktar. L-impenn tagħna biex sal-2020 jitnaqqsu l-emissjonjiet madwar l-UE kollha b'talanqas 20% meta mqabbel mal-livelli tal-1990, u bi 80-95% sal-2050, ifisser li t-tranżizzjoni għal ekonomija b'konsum baxx ta' karbonju għandha tkompli u hekk se tagħmel.”

It-tendenza li jonqsu l-emissjonijiet minkejja t-tkabbir ekonomiku

Bis-saħħa tat-tnaqqis ta' 1.9% tal-emissjonijiet tal-UE-15 bejn l-2007 u l-2008 u bis-saħħa tat-tkabbir fl-ekonomija ta' 0.6%, l-UE wriet għal darb'oħra li t-tkabbir ekonomiku u l-iżvilupp ta' konsum baxx ta' karbonju jistgħu jmorru id f'id.

L-emissjonijiet tal-UE-27 niżlu b'2% meta mqabbla mal-2007. B’konsegwenza, il-livelli kienu 11.3% taħt dawk tal-1990 u 14.3% taħt dawk tas-sena bażi (li għal uħud mill-Istati Membri hija differenti mill-1990).

Ma hija ffissata l-ebda mira dwar l-emissjonijiet għall-UE-27 skont il-Protokoll ta' Kjoto minħabba li dak iż-żmien, l-UE-12 kienu għadhom ma sarux Stati Membri. Madankollu, l-UE-12 kollha għandhom impenji individwali fil-qafas ta’ Kjoto sabiex inaqqsu l-emissjonijiet għal 6% jew 8% taħt il-livelli tas-sena bażi, ħlief għal Ċipru u Malta li ma għandhom l-ebda mira.

L-emissjonijiet verifikati minn stallazzjonijiet kollha fl-UE ETS fl-2008 kienu ammontaw għal 2.12 biljun tunnellata ekwivalenti ta' CO2, li jirrappreżenta madwar 43% tal-emissjonijiet totali tal-UE. L-emissjonijiet ETS fl-2008 kienu 3.06% taħt il-livell tal-2007. (L-emissjonijiet ETS niżlu b'11.6% aktar fl-2009 – ara IP/10/576).

Id-dejta ġiet ikkumpilata mill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent , u ntbagħtet lill-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC).

Għal aktar tagħrif:

Link għall-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent: www.eea.europa.eu

Tabella fl-anness

Figures and graphics available in PDF and WORD PROCESSED


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website