Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/10/657

Brussell, it-2 ta’ Ġunju 2010

L-Ambjent: Sejħiet għal skemi ta’ tassazzjoni li jirriflettu l-impatti fuq l-ambjent

Illum, il-Kummissjoni Ewropea flimkien mal-Programm Ambjentali tan-NU, varaw rapport ewlieni ġdid li jenfasizza l-ħtieġa għal bidla radikali fil-mod kif l-ekonomiji ewlenin qed jużaw ir-riżorsi skarsi. Ir-rapport jipprovdi prijoritajiet ibbażati fuq ix-xjenza għal azzjoni dinjija fil-qasam ambjentali, li tikklassifika prodotti, materjali, attivitajiet ekonomiċi u stili ta' ħajja skont l-impatti ambjentali u tar-riżorsi tagħhom. Is-sejbiet ewlenin jinkludu l-aħbarijiet li iktar min-nofs l-uċuħ kollha tar-raba' għall-ikel tad-dinja issa qed jiġu mitmugħa lill-annimali, u li, l-irduppjar tal-ġid, tipikament iwassal għal żieda tal-pressjoni ambjentali b'60 sa 80 fil-mija. Ir-rapport ta' 149 paġna li sar mill-Panel Internazzjonali għall-Ġestjoni Sostenibbli tar-Riżorsi jindika li l-leġiżlaturi u dawk li jfasslu l-politika li qed ifittxu li jħallu l-ikbar impatt fuq il-benessri tad-dinja, għandhom jużaw it-taxxi u inċentivi oħrajn biex jinkuraġġixxu prattiki agrikoli li jkunu iktar ekoloġiċi u li jnaqqsu l-użu tal-karburanti fossili.

Il-Kummissarju għall-Ambjent, Janez Potočnik, qal: "Dan ir-rapport jenfasizza l-ħtieġa urġenti għal bidla għal ekonomija effiċjenti fir-rigward tar-riżorsi. Se tkun biċċa xogħol kbira imma waħda li hija essenzjali għall-prosperità futura u l-kwalità tal-ħajja tagħna. Jekk verament irridu nbiddlu l-mod kif nużaw ir-riżorsi, it-tibdil fl-indikazzjonijiet tal-prezzijiet permezz tat-tassazzjoni huwa fost l-iktar approċċi effiċjenti u effettivi."

“Aħna nistgħu niksbu kemm tkabbir ekonomiku tas-sostenibbiltà kif ukoll il-benessri ambjentali,” qalet Angela Cropper, il-Viċi-Direttur Eżekuttiv tal-UNEP. “Kollox jibda billi jkunu enfasizzati dawk l-isforzi li jagħmlu l-iktar ġid biex titnaqqas il-ħsara tal-umanità lill-ekosistemi. F'dak ir-rigward, dan ir-rapport jagħti kontribuzzjoni importanti għall-ħsibijiet għal dawk li jfasslu l-politika. Għall-individwi, ir-rapport isaħħaħ il-parir familjari: naqqas il-konsum tal-laħam, itfi d-dwal, ara li d-djar ikunu insjulati sew, baxxi t-termostat jew l-arja kondizzjonata, evita l-ivvjaġġar bl-ajru u kemm jista' jkun ħalli l-karozza pparkjata – dawn l-azzjonijiet joffru l-ikbar effiċjenza ambjentali u jagħmlu l-ikbar differenza għad-Dinja Ommna.”

Trasgressuri ta' prijorità

Ir-rapport "L-Impatti Ambjentali tal-Konsum u l-Produzzjoni: il-Prodotti u l-Materjali ta' Prijorità", huwa l-aħħar f'serje mill-Panel Internazzjonali għall-Ġestjoni Sostenibbli tar-Riżorsi. Bl-użu ta' analiżijiet taċ-ċiklu tal-ħajja, ir-rapport jikkataloga l-materjali u l-enerġija meħtieġa għall-produzzjoni, il-konsum u l-użu, u jidentifika l-proċessi, il-prodotti u l-materjali li huma l-iktar responsabbli għall-ħsara tal-ambjent madwar id-dinja. Fil-quċċata tal-lista hemm l-oġġetti agrikoli, partikolarment il-prodotti mill-annimali, li jiġu mitmugħa iktar min-nofs l-uċuħ kollha tar-raba' tad-dinja. Anke l-utenti tal-karburanti fossili huma fil-mira, speċjalment is-servizzi pubbliċi tal-elettriku u industriji oħrajn intensivi fl-enerġija, it-tisħin residenzjali u t-trasportazzjoni. Il-materjali bl-ikbar impatt matul iċ-ċiklu ta' ħajjithom jinkludu l-plastik, il-ħadid, l-azzar u l-aluminju.

Il-Panel jikkwota l-pressjonijiet fuq l-ambjent li ġejjin bħala prijoritajiet għat-tnaqqis: it-tibdil fil-klima, il-bidla fil-ħabitat, it-tniġġis min-nitroġenu u l-fosforu, l-isfruttar żejjed tas-sajd, tal-foresti u ta' riżorsi oħrajn, l-ispeċijiet invażivi, l-ilma tax-xorb mhux sikur u s-sanità, il-kombustjoni ta' karburanti solidi fid-djar, l-espożizzjoni taċ-ċomb, it-tniġġis tal-arja urbana u l-espożizzjoni tax-xogħol għal partikoli ta' materja.

Il-perikli tal-abbundanza

Fatt inkwetanti huwa li l-Panel ipproduċa firxa sħiħa ta' provi biex juri li l-prosperità u l-impatt ambjentali tal-umanità jikbru flimkien, bil-maqlub tat-twemmin popolari li iktar ġid iwassal għal impatt ambjentali eħfef.

Ir-rapport jindika li filwaqt li iktar abbundanza tista' twassal għal bidliet u għodod relattivament sempliċi tal-proċess li jikkontrolla s-sorsi lokali tal-arja konvenzjonali u t-tniġġis tal-ilma, iż-żieda fil-ġid twassal ukoll għat-tkabbir tal-problemi fuq skala usa' bħall-użu tal-enerġija u l-emissjonijiet tal-gass b'effett ta' serra. Fir-rigward tas-CO2, ir-rapport jgħid li “l-irduppjar tal-ġid tipikament iwassal għal żieda tal-pressjoni ambjentali b'60 sa 80 fil-mija, u f'ekonomiji emerġenti dan xi kultant ikun iktar minn hekk".

Sfond: Il-Panel Internazzjonali għall-Ġestjoni Sostenibbli tar-Riżorsi

Il-Panel tar-Riżorsi ġie mwaqqaf biex jipprovdi għarfien xjentifiku indipendenti dwar l-użu tar-riżorsi naturali u l-impatti ambjentali tagħhom, bi sforz biex jinfired it-tkabbir ekonomiku mill-ħsara ambjentali. Il-Panel jibbaża kollox fuq l-opinjonijiet tal-esperti ambjentali minn madwar id-dinja. Il-Panel huwa mmexxi b'mod konġunt mill-President tal-IUCN Ashok Khosla u l-Professur Ernst Ulrich von Weizsäcker, il-President preċedenti tal-Kumitat Ambjentali tal-Bundestag.

Ħolqiet siewja:

Ir-rapport sħiħ huwa disponibbli fis-sit:

http://www.unep.fr/scp/rpanel/producsandmaterials.htm


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website