Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/10/656

Brussell, it-2 ta’ Ġunju 2010

Il-Kummissjoni tipproponi superviżjoni mtejba tal-UE tal-Aġenziji ta’ Klassifikazzjoni tal-Kreditu u tvara dibattitu dwar il-governanza korporattiva fl-istituzzjonijiet finanzjarji

Bħala parti minn xogħolha fil-prevenzjoni tal-kriżijiet finanzjarji futuri u t-tisħiħ tas-sistema finanzjajra, il-Kummissjoni Ewropea illum ressqet emendi għar-regoli tal-UE dwar l-Aġenziji ta' Klassifikazzjoni tal-Kreditu (Credit Rating Agencies - CRAs) u varat konsultazzjoni pubblika dwar ir-riforma tal-governanza korporattiva fl-istituzzjonijiet finanzjarji. Barra minn hekk, sabiex tavvanza malajr fit-tlestija tar-riformi neċessarji sabiex tiżgura sistema finanzjarja sikura u stabbli fl-Ewropa, il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni aktar ġenerali fejn impenjat lilha nfisha li tindirizza l-proposti li fadal għar-riforma finanzjarja fis-sitt sa disa' xhur li ġejjin li jibdew minn issa. Wara diskussjoni u l-isperanza ta' appoġġ b'saħħtu mill-kapijiet kollha tal-Istati u l-gvernijiet fil-Kunsill Ewropew li jmiss, il-Kummissjoni se tippreżenta dawn il-proposti kollha – flimkien mal-ideat riċenti tagħha dwar il-fondi ta' riżoluzzjoni bankarja (ara IP/10/610) - fis-Samit tal-G-20 f'Toronto fis-26-27 ta' Ġunju 2010. Il-Kummissjoni għandha żewġ għanijiet prinċipali, dwar il-CRAs: li tiżgura superviżjoni effiċjenti u ċentralizzata fil-livell Ewropew, u żżid it-trasparenza dwar l-entitajiet li qed jitolbu l-klassifikazzjonijiet sabiex l-aġenziji kollha jkollhom aċċess għall-istess informazzjoni. Dawn il-bidliet itejbu s-superviżjoni, jżidu l-kompetizzjoni fis-suq tal-CRA u jtejbu l-protezzjoni tal-investituri. Fir-rigward tal-governanza korporattiva, il-Kummissjoni varat konsultazzjoni pubblika dwar għadd ta' kwistjonijiet inkluż kif ir-riskju jiġi ġestit b'mod effettiv fl-istituzzjonijiet finanzjarji u kif tingħata saħħa lill-azzjonisti. Id-data tal-għeluq għat-tweġibiet hija l-1 ta' Settembru 2010. Il-Kummissjoni ppubblikat ukoll żewġ rapporti dwar kif l-Istati Membri daħħlu fil-prattika ż-żewġ Rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni tal-2009 (ara IP/09/673 u IP/09/674) dwar il-politiki ta' rimunerazzjoni fis-settur tas-servizzi finanzjarji u għad-diretturi tal-kumpaniji elenkati, sabiex tikkomplementa dan il-pakkett ta' proposti. Sar progress fiż-żewġ każijiet, imma għadd sinifikanti ta' Stati Membri għadhom iridu jimplimentaw ir-Rakkomandazzjonijiet kompletament.

Il-President tal-Kummissjoni José Manuel Barroso qal: "Illum il-Kummissjoni varat l-aħħar sforz biex tlesti r-riforma tas-servizzi finanzjarji tal-UE. Din tagħmel parti mill-aġenda usa' tagħna biex nistabbilizzaw, nikkonsolidaw u nerġgħu nqajmu t-tkabbir sostenibbli fl-ekonomija Ewropea".

Il-Kummissarju għas-Suq Intern u s-Servizzi, Michel Barnier, qal: "Dawn il-bidliet fir-regoli tal-Aġenziji ta' Klassifikazzjoni tal-Kreditu se jfissru superviżjoni aħjar u żieda fit-trasparenza f'dan is-settur kruċjali. Imma dawn huma biss l-ewwel pass. Qed inħarsu lejn dan is-suq f'aktar dettall. Jiena konvint li l-prevenzjoni vera tal-kriżijiet tibda fi ħdan il-kumpaniji, fir-rigward tal-governanza korporattiva. Jekk irridu nevitaw kriżijiet futuri, l-istituzzjonijiet finanzjarji nfushom jridu jinbidlu. Irridu niżguraw kontrolli interni aktar effettivi. Nippromwovu l-ġestjoni tar-riskju aħjar. Insaħħu r-rwol tal-awtoritajiet superviżorji. U għandhom jiġu implimentati malajr regoli eżistenti dwar politiki ta' rimunerazzjoni sodi sabiex jgħinu jikkontrollaw it-teħid tar-riskju eċċessiv."

It-titjib tas-superviżjoni tal-UE tal-Aġenziji ta' Klassifikazzjoni tal-Kreditu

Il-Kummissjoni qed tipproponi sistema aktar ċentralizzata għas-superviżjoni tal-Aġenziji ta' Klassifikazzjoni tal-Kreditu fil-livell tal-UE, għaliex is-servizzi ta' klassifikazzjoni mhumiex marbuta ma' territorju partikolari u l-klassifikazzjonijiet maħruġa minn CRA jistgħu jintużaw minn istituzzjonijiet finanzjarji madwar l-Ewropa kollha. Il-kapijiet tal-Istati u tal-gvernijiet kienu talbu lill-Kummissjoni biex toħroġ bil-proposti dwar dan f'Ġunju tal-2009.

Taħt il-bidliet proposti, l-awtorità superviżorja Ewropea l-ġdida – l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA, ara IP/09/1347) – tkun fdata bil-poteri esklussivi ta' superviżjoni fuq il-CRAs rreġistrati fl-UE. Dan ikun jinkludi wkoll s-sussidjarji Ewropej ta' CRAs magħrufa bħal Fitch, Moody's u Standard & Poor's.

Din ikollha l-poteri biex titlob l-informazzjoni, tvara l-investigazzjonijiet, u tagħmel l-ispezzjonijiet fuq il-post. Dawk li joħorġu strumenti finanzjarji strutturati bħall-istituzzjonijiet ta' kreditu, il-banek u d-ditti tal-investiment ukoll se jkollhom jipprovdu aċċess għall-informazzjoni li jipprovdu lill-CRA tagħhom stess, lill-CRAs l-oħra kollha interessati, sabiex ikunu jistgħu joħorġu klassifikazzjonijiet mhux mitluba.

Dawn il-bidliet ifissru li l-CRAs ikunu joperaw f'ambjent ta' superviżjoni ħafna aktar sempliċi mill-ambjenti nazzjonali varji eżistenti u jkollhom aċċess eħfef għall-informazzjoni li jeħtieġu. L-utenti tal-klassifikazzjonijiet jkollhom ukoll protezzjoni aħjar b'riżultat ta' superviżjoni ċentralizzata tal-UE tal-CRAs kollha u tiżdied il-kompetizzjoni fost il-CRAs.

Il-proposta tal-Kummissjoni, li temenda r-Regolament 1060/2009, issa se tgħaddi għand il-Kunsill tal-Ministri tal-UE u l-Parlament Ewropew għall-konsiderazzjoni tagħhom. Jekk adottati, ir-regoli l-ġodda se jkunu mistennija li jidħlu fis-seħħ matul l-2011.

Sfond: Il-CRAs jagħtu l-opinjonijiet dwar l-affidabbiltà tal-kumpaniji, il-gvernijiet u l-prodotti finanzjarji sofistikati. Dawn taw kontribut għall-kriżi finanzjarja billi ma qisux biżżejjed ir-riskju li dawk li ħarġu b'ċerti strumenti finanzjarji aktar kumplikati jistgħu ma jħallsux id-djun tagħhom. Bħala tweġiba għall-bżonn li terġa tinbena l-kunfidenza fis-suq u tiżdied il-protezzjoni għall-investitur, il-Kummissjoni ressqet regoli ġodda li jkunu japplikaw madwar l-UE kollha, li jqiegħdu fis-seħħ reġim regolatorju komuni għall-ħruġ ta' klassifikazzjonijiet tal-krediti. Taħt dawn ir-regoli, li jsiru kompletament applikabbli f'Diċembru tal-2010, (ara IP/09/629), il-CRAs kollha li jkunu jixtiequ l-klassifikazzjonijiet tal-krediti tagħhom biex jintużaw fl-UE issa jridu japplikaw għar-reġistrazzjoni. Ir-reġistrazzjonijiet jiftħu dan ix-xahar. Ir-riskji ta' konflitt ta' interess li jeffettwaw il-klassifikazzjonijiet huma indirizzati wkoll (pereżempju, CRA ma tistax toffri wkoll servizzi ta' konsulenza). Il-CRAs se jkunu meħtieġa jkunu aktar trasparenti għaliex se jkollhom jiżvelaw il-metodoloġija u l-mudelli interni u s-suppożizzjonijiet prinċipali ta' klassifikazzjoni li jużaw biex jagħmlu l-klassifikazzjonijiet tagħhom. Dan għandu jippermetti lill-investituri biex jiżvolġu d-diliġenza mistennija minnhom aħjar.

Ir-riforma tal-governanza korporattiva fl-istituzzjonijiet finanzjarji

Bi tweġiba għal kriżi finanzjarja, il-Kummissjoni impenjat ruħha fil-Komunikazzjoni ta' Marzu tal-2009 "Nixprunaw l-Irkupru Ewropew" sabiex ittejjeb il-governanza korporattiva fl-istituzzjonijiet finanzjarji. Il-Kummissjoni riedet tiżgura li l-interessi tal-konsumaturi u partijiet interessati oħrajn jitqiesu aħjar, l-impriżi jiġu mmaniġġjati f'manjiera aktar sostenibbli u r-riskji ta' falliment jonqsu fuq perjodu ta' żmien aktar twil. Bħala l-ewwel pass, il-Kummissjoni qed tvara konsultazzjoni pubblika dwar Green Paper li tiddettalja l-modi possibbli biex nimxu 'l quddiem fit-trattament tal-kwistjonijiet li ġejjin:

  • Kif ittejjeb il-funzjonament u l-kompożizzjoni tal-bordijiet tal-istituzzjonijiet finanzjarji sabiex titjib is-superviżjoni tagħhom tal-maniġment superjuri;

  • Kif tistabbilixxi kultura ta' riskju fil-livelli kollha ta' istituzzjoni finanzjarja sabiex tiżgura li jitqiesu l-interessi tal-impriża fuq perjodu ta' żmien twil;

  • Kif ittejjeb l-involviment tal-azzjonisti, is-superviżuri finanzjarji u l-awdituri esterni fl-affarijiet tal-governanza korporattiva;

  • Kif tibdel il-politiki ta' rimunerazzjoni fil-kumpaniji sabiex tiskoraġġixxi t-teħid tar-riskju eċċessiv.

Il-konsultazzjoni hija miftuħa sal-1 ta’ Settembru 2010. Kwalunkwe proposta leġiżlattiva jew le tal-futura, se tiġi adottata matul l-2011.

Sfond: Il-kriżi finanzjara żvelat dgħufiji sinifikanti fil-governanza korporattiva fl-istituzzjonijiet finanzjarji: is-superviżjoni tal-bord u l-kontroll tal-maniġment ma kinux suffiċjenti; il-ġestjoni tar-riskju kienet dgħajfa; strutturi ta' rimunerazzjoni inadegwati kemm għad-diretturi u għall-kummerċjanti wasslu għal teħid tar-riskju eċċessiv u perspettiva għal żmien qasir; u l-azzjonisti ma eżerċitawx kontroll fuq it-teħid tar-riskju fl-istituzzjonijiet finanzjarji li kienu s-sjieda tagħhom. Dawn id-dgħufiji kellhom rwol fil-kriżi u għalhekk kontrolli fil-ħin u effettivi u bilanċi fis-sistemi ta' governanza jgħinu jevitaw kwalunkwe kriżi futura.

Komunikazzjoni dwar is-Servizzi Finanzjarji 2010-2011 - "Regolamentazzjoni tas-Servizzi Finanzjarji għat-tkabbir sostenibbli"

It-taqlib riċenti fis-suq ikkonferma l-bżonn li l-Kummissjoni taġixxi malajr fit-tlestija tar-riformi neċessarji sabiex tiżgura sistema finanzjara Ewropea sikura u soda. Din hija r-raġuni għaliex il-Kummissjoni impenjat lilha nfisha li tindirizza il-proposti ta' riforma finanzjarja li fadal meħtieġa biex jiġu implimentati kompletament l-Impenji tal-G20 tagħna fis-sitt sa disa' xhur li ġejjin li jibdew minn issa. Il-proposti prinċipali jinkludu:

  • Trasparenza: fis-sajf il-Kummissjoni se tressaq proposti sabiex ittejjeb il-funzjonament tas-swieq tad-Derivattivi. Dan se jkun strumentali fiż-żieda tat-trasparenza f'suq li huwa importanti imma li bħalissa mhux trasparenti xejn. Sabiex jerġa jkun hemm kunfidenza fis-swieq finanzjarji, il-Kummissjoni se tipproponi miżuri dwar il-bejgħ skopert u tpartit tal-inadempjenza tal-kreditu, inkluż 'bejgħ skopert irregolari'. Il-Kummissjoni se ttejjeb ukoll id-Direttiva dwar is-Swieq fl-Istrumenti Finanzjarji (MiFID) sabiex issaħħaħ it-trasparenza tas-suq qabel u wara n-negozjar u ġġib iżjed derivattivi fis-sistemi organizzati għan-negozjar ta' strumenti finanzjarji.

  • Responsabbiltà: Il-Kummissjoni se tipproponi reviżjoni tad-Direttiva dwar l-Iskemi ta' Garanzija għal Depożiti u tad-Direttiva dwar l-Iskemi ta' Kumpens tal-Investituri, sabiex tipproteġi l-investituri u d-depożitaturi. Se jiġu ppreżentati wkoll proposti leġiżlattivi dwar il-prodotti ta' investiment għall-konsumaturi offruti flimkien sabiex jippromwovu l-interessi tal-konsumaturi fil-proċess tal-bejgħ. Id-Direttiva dwar l-Abbuż fis-Suq se tiġi riveduta wkoll sabiex jiġu estiżi r-regoli tagħha lil hinn mis-swieq irregolati u biex jiġu inklużi d-derivattivi fl-ambitu tal-applikazzjoni. Il-Kummissjoni se tippreżenta emendi fid-Direttiva dwar ir-Rekwiżiti tal-Kapital (CRD IV) sabiex ittejjeb il-kwalità u l-kwantità tal-kapital miżmum mill-banek, tintroduċi lqugħ għall-kapital u tiżgura l-bini ta' kapital fiż-żminijiet tajbin li jistgħu jintużaw f'kundizzjonijiet ekonomiċi iktar avversi. Barra minn hekk, fir-rigward tal-infurzar, is-sanzjonijiet fis-settur finanzjarju ġeneralment mhumiex armonizzati, u jwasslu għal prattiki diverġenti fost is-superviżuri nazzjonali. Bħala l-ewwel pass, Il-Kummissjoni se tippreżenta Komunikazzjoni dwar sanzjonijiet fis-settur tas-servizzi finanzjarji sabiex tippromwovi konverġenza tas-sanzjonijiet madwar il-firxa kollha tal-attivitajiet ta' superviżjoni.

  • Prevenzjoni u ġestjoni tal-kriżi: Il-Kummissjoni se tippubblika pjan ta' azzjoni dwar il-ġestjoni tal-kriżi li jwassal għal proposti leġiżlattivi għall-prevenzjoni u r-riżoluzzjoni tal-banek li jfallu. Il-Kummissjoni se taħdem ukoll lejn konverġenza globali fuq sett wieħed ta' standards ta' kontabbiltà internazzjonali ta' kwalità għolja.

Il-Kummissjoni se tagħmel pressjoni biex dawn il-miżuri jiġu adottati malajr kemm mill-Parlament Ewropew kif ukoll mill-Kunsill sabiex l-Ewropej ikunu jistgħu jerġgħu jkollhom kunfidenza sħiħa fis-saħħa tas-sistema finanzjarja bħala wieħed mil-pilastri għat-tkabbir.

Aktar informazzjoni

Aġenziji ta' Klassifikazzjoni tal-Kreditu:

http://ec.europa.eu/internal_market/securities/agencies/index_en.htm

Konsultazzjoni dwar governanza korporattiva:

http://ec.europa.eu/internal_market/company/modern/corporate_governance_in_financial_institutions_en.htm

Rapporti dwar ir-Rakkomandazzjonijiet dwar ir-rimunerazzjoni:

http://ec.europa.eu/internal_market/company/directors-remun/index_en.htm

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar is-servizzi finanzjarji 2010-2011 "Regolamentazzjoni tas-servizzi finanzjarji għat-tkabbir finanzjarju":

http://ec.europa.eu/internal_market/finances/news/index_en.htm


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website