Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/10/650

Brussell, is-2 ta’ Ġunju 2010

Ir-Reġjun Sahel: EUR 24 miljun addizzjonali għal skopijiet ta' għajnuna umanitarja

Il-Kummissjoni llum iddeċidiet li talloka EUR 24 miljun addizzjonali biex jintużaw fl-assistenza ta' iktar minn seba' miljun persuna vulnerabbli affettwati mill-kriżi tal-ikel fin-Niġer, iċ-Ċad, il-Burkina Faso u n-Niġerja ta' fuq. Il-fondi l-ġodda għandhom jippermettu l-finanzjament ta' iktar operazzjonijiet fis-setturi tan-nutrizzjoni u s-saħħa. Dan jinkludi programmi ta' għoti ta' ikel supplementari ġenerali, ittestjar u trattament ta' malnutrizzjoni akuta fit-tfal, aċċess b'xejn għas-servizzi tas-saħħa għal każijiet ta' emerġenza u servizzi tas-saħħa mobbli għal popolazzjonijiet ta' persuni li jirgħu l-annimali.

Il-Kummissarju għall-Kooperazzjoni Internazzjonali, Għajnuna Umanitarja u Rispons f'każ ta' Kriżi, Kristalina Georgieva qalet, "Il-preżenza permanenti ta' esperti ta' għajnuna umanitarja tal-ECHO fir-reġjun għenu biex jingħata allarm bikri tar-riskji u l-iskala eventwali tal-kriżi tal-ikel. Issa huwa ċar li s-sitwazzjoni fir-reġjun Sahel qed taggrava. B'dan il-finanzjament addizzjonali ta' EUR 24 miljun, il-Kummissjoni qed tkompli turi l-impenn tagħha biex taġixxi minn kmieni biex ittaffi l-impatt tal-iskarsezza tal-ikel u biex tipprevjeni rikorrenza tal-kriżijiet ewlenin li affettwaw b'mod gravi r-reġjun Sahel tul dawn l-aħħar deċennji. Jien dalwaqt se nżur uħud mill-proġetti li qed niffinanzjaw sabiex nevalwa l-effettività tar-rispons umanitarju tagħna u biex niżgura li l-għajnuna tagħna qed tintuża bil-mod l-iktar effiċjenti possibbli biex tingħata għajnuna lil dawk li għandhom bżonn."

L-għajnuna addizzjonali approvata llum se tiffinanzja l-għoti ta' għajnuna ta' emerġenza tal-ikel matul il-"perjodu ta' ġuħ" bejn il-ħsad u l-għoti ta' żerriegħa fit-tħejjija għall-istaġun agrikolu ewlieni tal-2010. L-għajnuna ta' emerġenza tal-ikel se ssir fil-kuntesst tar-rakkomandazzjonijiet tal-Komunikazzjoni dwar Għajnuna Umanitarja tal-Ikel li l-Kummissjoni adottat f'Marzu li għadda. (Ara IP/10/404)

Il-benefiċjarji ewlenin ta' dan il-finanzjament il-ġdid huma l-partijiet l-iktar vulnerabbli tal-popolazzjoni li għadhom mhumiex koperti minn operazzjonijiet umanitarji eżistenti. Il-prijorità se tkompli tingħata lit-tfal li huma fi stat gravi ta' malnutrizzjoni taħt l-età ta' 5 snin u lin-nisa tqal u li qed ireddgħu. Sa mill-aħħar tal-2009, l-esperti umanitarji tal-Kummissjoni qed jaħdmu fil-qrib mal-imsieħba umanitarji, b'mod speċjali fil-familja tan-NU, biex jevalwaw il-ħtiġijiet u biex jipproponu rispons xieraq għall-kriżi.

Sfond

Bosta familji vulnerabbli sabu ruħhom fi kriżi bħala konsegwenza ta' ċirkostanzi ta' xita erratika li rriżulta fi ħsad fqir. Flimkien dawn il-fatturi aggravaw sitwazzjoni diġà diffiċli kkawżata minn prezzijiet tal-ikel dejjem jogħlew u opportunitajiet limitati ta' qligħ ta' pagi. Issa huwa stmat li madwar 10 miljun persuna fin-Niġer u ċ-Ċad biss jeħtieġu għajnuna ta' emerġenza biex jissopravvivu l-perjodu attwali tal-ġuħ, li se jdum sal-ħsad li jmiss, f'Novembru. Stimi tan-nuqqas fil-produzzjoni tal-ikel bħala riżultat tax-xita erratika fl-aħħar tal-2009 juru defiċit ta' iktar minn 30% fin-Niġer u iktar minn 34% fiċ-Ċad. Iż-żewġ gvernijiet tan-Niġer u taċ-Ċad iddikjaraw stat ta' emerġenza u talbu l-għajnuna internazzjonali. L-UNICEF tqies li fis-Sahel, 300 000 tfal taħt l-età ta' ħames snin imutu b'malnutrizzjoni u kawżi relatati kull sena.

Għal iktar tagħrif fuq l-għajnuna umanitarja tal-Kummissjoni:

http://ec.europa.eu/echo/index_en.htm


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website