Navigation path

Left navigation

Additional tools

L-Ambjent: Tiftaħ fi Brussell l-ikbar konferenza annwali tal-Ewropa dwar il-bijodiversità

European Commission - IP/10/648   01/06/2010

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/10/648

Brussell, l-1 ta’ Ġunju 2010

L-Ambjent: Tiftaħ fi Brussell l-ikbar konferenza annwali tal-Ewropa dwar il-bijodiversità

Illum fi Brussell tiftaħ l-ikbar konferenza annwali tal-Ewropa dwar l-ambjent. L-avveniment ta' din is-sena, li jikkoinċidi mas-Sena Internazzjonali tal-Bijodiversità, se jikkonċentra fuq il-varjetà kbira ta' speċijiet u ekosistemi li jsawru n-nisġa straordinarja tal-ħajja fuq il-pjaneta tagħna. Il-Ġimgħa Ekoloġika 2010 se tindirizza l-istat attwali tal-bijodiversità u n-natura filwaqt li se toffri soluzzjonijiet għar-rati allarmanti ta' telf attwali f'madwar 30 sessjoni. Il-konferenza se tvara wkoll il-pjattaforma tan-Negozju u l-Bijodiversità, inizjattiva ġdida li toħloq kuxjenza dwar l-argumenti tan-negozji għall-protezzjoni tal-bijodiversità. B'attendenza ta' iktar minn 3000 parteċipant mill-istituzzjonijiet tal-UE, in-negozji u l-industrija, l-organizzazzjonijiet mhux governattivi, l-awtoritajiet pubbliċi, il-komunità xjentifika u l-akkademja, il-Ġimgħa Ekoloġika 2010 hija opportunità unika għall-opinjonisti ewlenin, il-pubbliku ġenerali u l-midja, biex jitgħallmu u jiskambjaw esperjenza u prattika tajba.

"Id-dinja teħtieġ verifika tar-realtà dwar l-importanza tat-telf tal-bijodiversità," qal il-Kummissarju Ewropew għall-Ambjent Janez Potočnik "Nispera li l-Ġimgħa Ekoloġika tipprovdi dan. Din il-konferenza hija forum ideali għall-parteċipanti ewlenin fil-qasam ambjentali biex jiltaqgħu u jgħaddu messaġġ dwar il-bżonn ta' bidla radikali fl-approċċ tagħna għall-krizi li qed taffaċċja l-bijodiversità."

Iktar minn 30 sessjoni u avvenimenti speċjali

Il-Ġimgħa Ekoloġika 2010 se teżamina kwistjonijiet bħall-istat attwali tal-bijodiversità u n-natura, il-politiki tal-UE dwar il-bijodiversità u n-natura wara l-2010, l-iffunzjonar tal-programm Natura 2000, u l-pressjoni li qed tiżdied fuq l-ekosistemi. Il-benefiċċji tal-bijodiversità u n-natura se jkunu enfasizzati flimkien mas-soluzzjonijiet possibbli biex jitwaqqfu r-rati allarmanti tat-telf. Id-diskussjonijiet se jkopru wkoll id-dimensjoni ekonomika, l-impatt tat-telf fuq is-saħħa tal-bniedem u l-bijodiversità fl-oċeani. F'din il-ġimgħa se jkunu varati wkoll għadd ta' inizjattivi ġodda għall-bijodiversità, inkluża l-BISE, websajt ġdida li tiċċentralizza informazzjoni dwar il-bijodiversità fl-Ewropa, ix-xenarju bażi ġdid għall-bijodiversità tal-UE (ara IP/10/646), u pjattaforma ġdida għan-negozju u l-bijodiversità (ara iktar 'l isfel).

Iż-żona kkulurita tal-wirja se tkun magħmula minn iktar minn 50 stand. Avvenimenti addizzjonali jinkludu l-wiri tal-film Dirt! The Movie, spettaklu awdjoviżiv dwar il-meravilji selvaġġi tal-Ewropa li ma jidhrux, li mhumiex mistennija u li ma jintesewx, u ċ-ċerimonja li ssir kull sena tal-għoti tar-rikonoxximenti Ewropej għall-ambjent lill-intrapriżi. Wirja fuq barra tul il-Berlaymont Esplanade se turi x'qed tagħmel b'xejn għalina n-natura u għalfejn ma nistgħux nibqgħu nagħmluha fatta li dan se jibqa' għal dejjem.

Kelliema ewlenin

Il-Kummissarju Potočnik se jitkellem waqt il-konferenza stampa tal-ftuħ fl-1 ta' Ġunju fin-12.30 fil-Berlaymont, qabel ma jżur il-Kampanja tal-Kummissjoni dwar il-Bijodiversità fis-13.15 barra l-bini Charlemagne u jiftaħ il-konferenza fis-14.30. Il-President tal-Kummissjoni José Manuel Barroso se jagħlaq il-Ġimgħa Ekoloġika 2010 li se ssir il-Ġimgħa 4 ta' Ġunju filgħodu fil-bini Charlemagne.

Fost il-kelliema l-oħra fil-Ġimgħa Ekoloġika 2010 hemm:

  • Connie Hedegaard, il-Kummissarju Ewropew għall-Azzjoni dwar il-Klima

  • Karl Falkenberg, Direttur-Ġenerali, DĠ għall-Ambjent, Kummissjoni Ewropea

  • Ladislav Miko, Direttur għan-Natura, DĠ għall-Ambjent, Kummissjoni Ewropea

  • Elena Espinosa, il-Ministru Spanjol għall-Ambjent

  • Norbert Röttgen, il-Ministru Ġermaniż għall-Ambjent

  • Tineke Huizinga, il-Ministru Olandiż għall-Ambjent

  • Mark J. Mwandosya, il-Ministru tat-Tanzanija għall-Ilma u l-Irrigazzjoni

  • Corinne Lepage MEP, President tal-Intergrupp Parlamentari għall-Ibħra u l-Kosti u Viiċi President tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel

  • Kiyoshi Araki, Ambaxxatur għall-COP10 tal-Konvenzjoni dwar il-Bijodiversità Bijoloġika, Ministeru tal-Affarijiet Barranin

  • Luc Gnacadja, Segretarju Eżekuttiv, Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ġlieda kontra d-Deżertifikazzjoni

Is-sessjonijiet kollha se jixxandru live fuq il-websajt tal-Ġimgħa Ekoloġika.

Pjattaforma ġdida għan-negozji u l-bijodiversità

Illum se tiġi varata wkoll faċilità teknika ġdida sabiex jitjieb il-fehim tal-importanza tal-bijodiversità fil-qasam tan-negozju b'mod trasparenti. Il-faċilità għandha tgħin lin-negozji jintegraw il-bijodiversità fil-qalba tal-attivitajiet tagħhom u joħolqu kuxjenza dwar il-vantaġġ kompetittiv qawwi li għandu jinkiseb mill-konservazzjoni tal-bijodiversità. Ingħataw prijorità sitt oqsma ewlenin tan-negozju: l-agrikoltura, l-industrija tal-provvista tal-ikel, il-forestrija, l-industriji tal-estrazzjoni, il-qasam finanzjarju u t-turiżmu. Il-Pjattaforma B@B se tiffaċilita l-iskambju tal-informazzjoni u l-għarfien fost atturi differenti u se tospita wkoll ċentru b'ħoloq għal informazzjoni disponibbli fuq is-suġġett filwaqt li se tħejji l-aħjar prattiki. http://ec.europa.eu/environment/biodiversity/business/

Għal iktar informazzjoni:

Biex tara l-programm sħiħ tal-Ġimgħa Ekoloġika 2010 u r-rokna ddedikata għall-midja, ikkonsulta:http://www.greenweek2010.eu/


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website