Navigation path

Left navigation

Additional tools

L-Ambjent: Il-Kummissjoni u l-Aġenzija jiżvelaw żewġ għodod ġodda fil-ġlieda kontra t-telf tal-bijodiversità

European Commission - IP/10/646   01/06/2010

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/10/646

Brussell, l-1 ta’ Ġunju 2010

L-Ambjent: Il-Kummissjoni u l-Aġenzija jiżvelaw żewġ għodod ġodda fil-ġlieda kontra t-telf tal-bijodiversità

Is-sessjoni tal-ftuħ tal-Ġimgħa Ekoloġika fi Brussell illum rat l-iżvelar ta' żewġ armi ġodda biex tissaħħaħ il-ġlieda kontra t-telf tal-bijodiversità. Is-Sistema ta' Informazzjoni dwar il-Bijodiversità għall-Ewropa (BISE), hija portal web ġdid li jiċċentralizza l-informazzjoni dwar il-bijodiversità f'post wieħed. L-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent u l-Kummissjoni Ewropea żviluppaw ukoll "linja bażi tal-bijodiversità'" biex tintuża minn dawk li jfasslu l-politika, li toffri ritratt kumplessiv tal-istat attwali tal-bijodiversità. Il-linja bażi se tintuża biex twettaq monitoraġġ tal-progress fl-isforzi mġedda għat-trażżin tat-telf tal-bijodiversità, u se tippermetti li jiġu stabbiliti u jitkejlu b'mod ċar ix-xejriet lil hinn mill-2010.

"It-telf tal-bijodiversità mhuwiex fenonomenu astratt – huwa dwar hawn u issa," qal Janez Potočnik, il-Kummissarju Ewropew għall-Ambjent. "Billi juruna eżatt fejn ninsabu, dawn l-għodod importanti ġodda se jgħinuna biex nirrevedu l-azzjonijiet tagħna u nieħdu miżuri tanġibbli ġodda biex inwaqqfu t-telf, u safejn huwa possibbli, inreġġgħuh lura."

"L-isfida hi li nesprimu l-għarfien u l-informazzjoni kollha li għandna fil-linja bażi u l-BISE dwar il-bijodiversità f'lingwa ta' kuljum sabiex jiġu mmobilizzati l-komunitajiet u l-individwi biex jieħdu azzjoni", qalet il-Professur Jacqueline McGlade, id-Direttur Eżekuttiv tal-EEA. "Ma nistgħux naħsbu verament li se nrażżnu t-telf tal-bijodiversità mingħajr l-involviment u l-impenn personali tagħna."

Linja bażi biex jitkejjel il-progress

Waħda mir-raġunijiet li tissemma għala l-Ewropa ma rnexxiliex trażżan it-telf tal-bijodiversità sal-2010 hija d-differenzi fl-għarfien disponibbli dwar l-istat tal-bijodiversità fl-Ewropa. Il-linja bażi hija maħsuba biex issolvi dik il-problema, u tipprovdi lil dawk li jfasslu l-politika b'punt ta' tluq sabiex jitkejjel l-istat tal-bijodiversità ġewwa l-UE. L-għodda l-ġdida tipprovdi qafas biex jiġu artikolati r-rabtiet bejn l-għadd ta' speċijiet, l-istat tal-ħabitats u s-servizzi tal-ekosistema, u tuża fatti u ċifri li huma xjentifikament solidi u li ġew ivvalidati u/jew irriveduti fl-Istati Membri. L-informazzjoni dwar l-ispeċi u l-ħabitats se tiġi organizzata f'tipi ta' ekosistemi ewlenin (kostali, artijiet mistgħadra, mergħat, foresti u oħrajn), u, fejn xieraq, id-dejta se tkun aġġornata kull sena sabiex tipprovdi reġistru storiku ċar tal-progress. L-aktar importanti hu li l-linja bażi se tipprovdi wkoll informazzjoni dwar is-servizzi tal-ekosistemi. L-għodda spjegata llum se tiġi żviluppata b'mod sħiħ qabel tmiem is-sena b'rabta mal-miri stipulati mill-Politika tal-UE dwar il-Bijodiversità riveduta tal-ġejjieni.

Pjattaforma ġdida għall-informazzjoni ta' bijodiversità

Il-konferenza rat ukoll it-tnedija tal-BISE, is-Sistema ta' Informazzjoni dwar il-Bijodiversità għall-Ewropa. Il-BISE hija portal ta' informazzjoni ddisinjat biex jiffaċilita l-aċċess għall-informazzjoni eżistenti dwar in-natura u l-bijodiversità, li jippreżenta d-dejta eżistenti b'mod ħafna aktar kumplessiv minn qabel. Apparti mill-informazzjoni dwar il-politika u l-leġiżlazzjoni tal-UE fil-qasam tan-natura, hemm ħafna materjal siewi dwar l-istat tal-ambjent u l-ekosistemi tal-UE u t-theddidiet li jħabbtu wiċċhom magħhom, l-informazzjoni dwar ir-riċerka li għaddejja bħalissa fl-UE dwar il-bijodiversità, u l-aċċess għall-informazzjoni dwar l-istat ta' rappurtar tal-bijodiversità fl-Istati Membri, iddisinjati biex iħeġġu aktar kooperazzjoni.

Sfond: il-konsegwenzi tat-telf tal-bijodiversità

L-ekosistemi jipprovdu għadd ta' funzjonijiet bażiċi li huma essenzjali għall-użu sostenibbli tar-riżorsi tad-dinja. Huma jinkludu l-forniment f'forma ta' prodotti kultivabbli bħall-ikel, l-ilma tax-xorb u l-materja prima; li jirregolaw funzjonijiet bħas-separazzjoni tal-karbonju, it-trattament tal-iskart u s-servizzi kulturali. It-telf serju u kontinwu għall-bijodiversità Ewropea huwa riflessjoni tat-tnaqqis kontinwu fl-ekosistemi, fil-kapaċità naturali u fl-abbiltà tagħhom li jwettqu funzjonijiet regolatorji.

Ħoloq

Il-linja bażi tal-bijodiversità: http://www.eea.europa.eu/themes/biodiversity

BISE http://biodiversity.europa.eu

Biex tara l-programm tal-Ġimgħa l-Ħadra 2010 u r-rokna tal-istampa, żur:

http://www.greenweek2010.eu/


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website