Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/10/644

Brussell, l-1 ta’ Ġunju 2010

It-telekomunikazzjoni: Rapport tal-Kummissjoni dwar ir-regolamenti nazzjonali dwar it-telekomunikazzjoni juri li hemm aktar kompetizzjoni iżda l-ebda Suq Uniku

Rapport tal-Kummissjoni Ewropea ppubblikat illum juri li s-swieq tat-telekomunikazzjoni tal-UE saru aktar kompetittivi minħabba l-gwida li l-Kummissjoni tat fil-proċess ta' konsultazzjoni u ta' reviżjoni magħruf bħala l-"Proċedura tal-Artikolu 7", li permezz tagħha r-regolaturi nazzjonali tat-telekomunikazzjoni jinfurmaw lill-Kummissjoni minn qabel dwar il-pjanijiet tagħhom biex jirregolaw partijiet mis-swieq nazzjonali tagħhom tat-telekomunikazzjoni. Minħabba f'hekk iċ-ċittadini u n-negozji jibbenefikaw minn għażla ikbar ta' servizzi u minn prezzijiet aktar baxxi. Madankollu, ir-rapport jindika wkoll li suq uniku tat-telekomunikazzjoni tal-UE għadu wisq ’il bogħod mir-realtà, u għalhekk l-Aġenda Diġitali tal-Kummissjoni għall-Ewropa (IP/10/581) tħeġġeġ infurzar konsistenti u rapidu tar-regoli eżistenti tat-telekomunikazzjoni u tindika li l-Kummissjoni beħsiebha tipproponi l-istadji adattati li hemm bżonn biex titnaqqas l-ispiża tal-assenza ta’ Suq Uniku fis-servizzi tat-telekomunikazzjoni. Il-problemi jinkludu l-approċċi regolatorji nazzjonali differenti biex isolvu l-kwistjonijiet tal-kompetizzjoni, bħar-regolamentazzjoni tal-aċċess għan-netwerks tal-fibra ottika. Ir-rapport tal-lum iwissi wkoll li l-inċertezza regolatorja tista' tfixkel l-iżvilupp ta' proġetti ta' investiment qawwi fl-infrastruttura bħan-netwerks għall-Aċċess tal-Ġenerazzjoni li Jmiss (l-NGA), li huwa wieħed mill-proġetti ewlenin tal-Aġenda Diġitali għall-Ewropa.

Il-Viċi President tal-Kummissjoni għall-Aġenda Diġitali, Neelie Kroes, qalet: "Il-gwida tal-Kummissjoni għat-telekomunikazzjoni nazzjonali żgurat livell ta' konsistenza u kwalità ta’ tbassir minn qabel li trawwem fiduċja fl-investituri Madankollu, neħtieġu regolamentazzjoni ikkoordinata aħjar biex ikunu żgurati l-implimentazzjoni armonizzata u t-tħaddim tajjeb tas-suq uniku tat-telekomunikazzjoni tal-UE".

Il-Viċi President tal-Kummissjoni għall-Kompetizzjoni, Joaquín Almunia, qal: "Ir-rapport jenfasizza l-fatt li l-implementazzjoni tal-regoli tal-UE dwar it-telekomunikazzjoni mir-regolaturi nazzjonali taħt is-superviżjoni tal-Kummissjoni fetaħ is-swieq tat-telekomunikazzjoni għall-kompetizzjoni, u wassal għal għażla ikbar u għal prezzijiet aktar baxxi għaċ-ċittadini u n-negozji tal-UE".

Ir-rapport tal-Kummissjoni ppubblikat illum jispjega l-bixriet u l-kwistjonijiet ewlenin li ġew mill-proċedura tal-Artikolu 7 matul l-aħħar sentejn. Ġeneralment din il-proċedura ta' notifika wasslet għal anqas regolamentazzjoni u għal regolamentazzjoni li hija aħjar fis-swieq tat-telekomunikazzjoni fl-UE kollha. Madankollu, ir-regolaturi nazzjonali tat-telekomunikazzjoni qed ikomplu japplikaw soluzzjonijiet differenti f'każijiet fejn hemm l-istess problemi ta' kompetizzjoni. Dawn jinkludu:

  • It-trattament ta' prodotti tal-aċċess għall-fibra ottika fis-swieq bl-imnut tal-broadband – pereżempju f'għadd ta' każijiet, għalkemm il-fibra ottika ġiet inkluża fid-definizzjonijiet tas-swieq, ir-regolaturi tat-telekomunikazzjoni pproponew li ma jiġux imposti rimedji regolatorji jew li dawn jiġu llimitati għan-netwerks tal-fibra ottika.

  • L-applikazzjoni ta' kalkoli differenti għat-tariffi li bihom l-operaturi joffru parti min-netwerks tagħhom (l-aċċess) jew li bihom jgħaddu sejħiet lill-operaturi l-oħra (l-interkonnessjoni). Għadd ta' regolaturi għadhom jinkludu elementi ta' spejjeż li mhumiex relatati fil-kalkolu tat-tariffi ta' terminazzjoni, bħall-ispejjeż tal-ispettru, u dan iwassal għal tariffi għoljin wisq.

  • Approċċi regolatorji differenti f'każijiet fejn l-operaturi tat-telekomunikazzjoni jisseparaw il-forniment ta' servizzi lil operaturi oħrajn tat-telekomunikazzjoni minn dawk mogħtija lill-utenti aħħarin (is-separazzjoni funzjonali).

Minn Mejju 2011 ’il quddiem, ir-regoli riveduti tal-UE fil-qasam tat-telekomunikazzjoni se jagħtu aktar responsabbiltà lill-Kummissjoni f'dak li jirrigwarda l-impożizzjoni u l-implimentazzjoni ta' rimedji mir-regolaturi nazzjonali (ara d-dokument MEMO/09/513 u l-anness ta' hawn taħt). Il-Kummissjoni għandha l-impenn li tiżgura l-applikazzjoni konsistenti tar-regoli tat-telekomunikazzjoni tal-UE f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Korp ta' Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (il-BEREC – ara d-dokument SPEECH/10/15), u li tippromwovi iktar żvilupp tal-broadband b'veloċità għolja kif previst fl-Aġenda Diġitali għall-Ewropa (IP/10/581).

Il-Kummissjoni bħalissa qed tlesti Rakkomandazzjoni dwar aċċess regolat għan-netwerks għall-Aċċess tal-Ġenerazzjoni li Jmiss (l-NGA), mibnija fuq il-gwida li kienet tat bħala parti mir-reviżjoni tas-swieq nazzjonali tal-broadband. Il-Kummissjoni, flimkien mal-BEREC, qed tikkunsidra wkoll struzzjonijiet oħrajn għar-regolaturi tat-telekomunikazzjoni dwar l-implimentazzjoni konsistenti tal-impenji ta' separazzjoni u tar-rimedji.

Il-kuntest

Il-proċedura stabbilita bl-Artikolu 7 tad-Directive 2002/21/EC dwar kwadru regolatorju komuni għan-networks ta' komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva Kwadru) kkontribwiet ħafna għall-identifikazzjoni ta' oqsma fejn il-Kummissjoni, flimkien mal-BEREC, jeħtieġ li taġixxi biex tippromwovi s-Suq Uniku għall-kommunikazzjoni elettronika.

Skont din il-proċedura, ir-regolaturi nazzjonali tat-telekomunikazzjoni għandhom jibagħtu l-analiżi tas-suq tagħhom lill-Kummissjoni qabel ma jadottaw id-deċiżjonijiet finali bil-għan li jiġi kkonsolidat is-suq intern tat-telekomunikazzjoni. Mill-ħolqien tal-proċedura tal-Artikolu 7 ’l hawn, l-Awtoritajiet Regolatorji Nazzjonali bagħtu aktar minn elf abbozz ta' deċiżjonijiet regolatorji lill-Kummissjoni għall-analiżi.

Għar-rapport sħiħ dwar ir-reviżjonijiet tas-suq skont il-Qafas Regolatorju tal-UE, u għad-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni u l-miżuri relatati nnotifikati skont il-proċedura tal-Artikolu 7 ara s-sit tal-internet li ġej:

http://ec.europa.eu/information_society/policy/ecomm/implementation_enforcement/eu_consultation_procedures/index_en.htm

Għal aktar tagħrif dwar il-proċedura tal-Artikolu 7, ara d-dokument MEMO/10/226.

Anness

Il-Proċedura l-ġdida tas-Suq Uniku għall-valutazzjoni tad-definizzjonijiet tas-suq u tas-sejbiet sinifikanti dwar is-saħħa tas-suq proposti mir-regolaturi nazzjonali tat-telekomunikazzjoni
(L-Artikolu 7 tad-Direttiva ta’ Qafas tal-2009)

* Il-Korp ta’ Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (il-BEREC)

Il-Proċedura l-ġdida tas-Suq Uniku għall-valutazzjoni tar-rimedji regolatorji
proposti mir-regolaturi nazzjonali tat-telekomunikazzjoni
(L-Artikolu 7a tad-Direttiva ta’ Qafas tal-2009)

* Il-Korp ta’ Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (il-BEREC)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website