Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/10/642

Brussell, il-31 ta’ Mejju 2010.

Konferenza reġjonali ta' Alleanza dwar it-Tibdil fil-Klima Globali għall-Asja

Illum fl-Asja, rappreżentanti tal-UE u tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw laħqu qbil bejniethom biex jaħdmu flimkien biex jimmobilizzaw l-appoġġ internazzjonali għal azzjoni iktar b'saħħitha dwar it-tibdil fil-klima. Il-konferenza reġjonali ta' Alleanza dwar it-Tibdil fil-Klima Globali għall-Asja laqqgħet flimkien lir-rappreżentanti tal-Afganistan, tal-Bangladexx, tal-Butan, tal-Kambodja, ta' Laos, tal-Maldives, tal-Mjammar u tan-Nepal kif ukoll tal-UE.

"Normalment, minħabba li aħna pajjiżi iżgħar, għall-benefiċċju li tittieħed pożizzjoni komuni bejnietna, naċċettaw is-suġġerimenti mressqin mill-pajjiżi ikbar u li qed jiżviluppaw. Imma jista' jkun li dawn ma jkunux jaqblu mal-interessi nazzjonali tagħna. Issa wasal il-mument li nsemmgħu leħinna. Jekk ma ningħaqdux u ma nwasslux il-messaġġ tagħna, nistgħu nisfgħu l-agħar vittmi tat-tibdil fil-klima." L-Onorevoli Sheikh Hasina, Prim Ministru tal-Bangladexx

"Fil-ġurnali qrajt li ntilef l-interess fit-tibdil fil-klima f'bosta pajjiżi li qed jiżviluppaw. Huwa għajb li wieħed jisma' dan ladarba għadna lanqas sibna soluzzjoni għall-problema. U n-nies tistenna li s-soluzzjoni nsibuha aħna.Staqsi lin-nisa li jgħixu f'xi raħal fil-Bangladexx, dawk li jkollhom ta' spiss ifittxu kenn miċ-ċikluni. Staqsi lill-bdiewa tal-Bangladexx li l-uċuħ tar-raba' tagħhom inġarrew mill-għargħar. Staqsi lil dawk li jaraw il-bidla sseħħ quddiemhom u qed iħabbtu wiċċhom mal-konsegwenzi. Dawn in-nies qed jistennew soluzzjoni mingħandna". Qalet l-Onorevoli, Sinjura Connie Hedegaard, il-Kummissarju Ewropew għall-Azzjoni dwar il-Klima

Il-konferenza reġjonali (li saret f'Daka, il-Bangladexx bejn it-30 u l-31 ta' Mejju) evalwat l-isfidi varji tat-tibdil tal-klima fl-Asja, u ffukat l-attenzjoni tagħha fuq il-problemi speċifiċi tal-pajjiżi vulnerabbli u fuq liema strateġiji u azzjonijiet adottaw biex jiġġieldu dawn il-problemi. Qiesu fid-dettall il-mekkaniżmi finanzjarji eżistenti li jappoġġaw strateġiji u azzjonijiet bħal dawn, kif ukoll il-prospetti biex jintlaħaq qbil globali effettiv li jpoġġi t-tibdil fil-klima taħt kontroll.

Barra minn hekk, fil-31 ta' Mejju, ir-rappreżentanti tal-Bangladexx, tal-Kambodja, tal-Maldives u tal-UE ffirmaw Dikjarazzjoni Konġunta biex jgħinu lill-Pajjiżi l-Inqas Żviluppati u lill-Istati Gżejjer Żgħar li Qed Jiżviluppaw fl-Asja jadattaw għat-tibdil fil-klima. Il-qbil jipprevedi li l-UE se tagħti appoġġ finanzjarju għal strateġiji dwar it-tibdil fil-klima f'livell nazzjonali li jiffukaw fuq il-prevenzjoni, it-tnaqqis u t-tħejjija tagħhom infushom.

Sfond:

L-Alleanza dwar it-Tibdil fil-Klima Globali hija inizjattiva li tnediet fl-2007 mill-Kummissjoni Ewropea. Din għandha l-ħsieb li ssaħħaħ id-djalogu u l-kooperazzjoni dwar it-tibdil fil-klima bejn l-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi li qed jiżviluppaw li huma l-iktar vulnerabbli biex jilqgħu l-isfidi tat-tibdil fil-klima, b'mod partikolari l-Pajjiżi l-Inqas Żviluppati u Istati Gżejjer Żgħar li Qed Jiżviluppaw. Dawn il-pajjiżi huma l-iktar milquta mill-effetti ħżiena li jġib miegħu t-tibdil fil-klima peress li huma l-inqas b'saħħithom biex jirreaġixxu u jadattaw għal dawk l-impatti tal-klima.

Il-mira ewlenija tal-GCCA hija li ssaħħaħ id-djalogu dwar il-politika bejn l-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi li qed jiżviluppaw dwar it-tibdil fil-klima, u li tappoġġa iktar lill-pajjiżi biex jimplimentaw l-adattament prijoritarja u l-miżuri ta' tnaqqis. Ir-riżultati li joħorġu mid-djalogu u l-iskambju ta' għarfien li jsir ilaħħmu d-diskussjonijiet dwar il-qbil dwar il-klima ta' wara l-2012 skont il-Konvenzjoni ta' Qafas tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima. Id-djalogi tal-GCCA diġà rriżultaw f'Dikjarazzjonijiet Konġunti bejn l-Unjoni Ewropea u l-gruppi reġjonali bħall-Afrika, il-Karibew u l-Paċifiku.

Lil hinn mid-djalogu dwar il-politika, il-GCCA tagħti appoġġ tekniku u finanzjarju lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw li huma fil-mira sabiex tgħinhom jilqgħu l-isfidi l-ġodda li jġib miegħu it-tibdil fil-klima. Għall-perjodu bejn l-2008 u l-2010, l-Unjoni Ewropea qed tagħmel EUR 100 miljun disponibbli għall-GCCA. Din is-somma hija allokata mill-baġit tal-UE u l-kontribuzzjonijiet bilaterali bejn l-Isvezja u r-Repubblika Ċeka, minbarra li jiġu allokati EUR 40 miljun bħala parti mill-10 Fond Ewropew għall-Iżvilupp biex tippromwovi l-approċċi reġjonali fl-Afrika, fil-Karibew u fil-Paċifiku. Sa tmiem l-2010, hu mistenni li l-attivitajiet li tappoġġa l-GCCA jkunu implimentati f'madwar 20 pajjiż mill-iktar vulnerabbli. Eżempji ta' azzjonijiet li l-GCCA mistennija tappoġġa jinkludu:

  • Il-Bangladexx: Appoġġ għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija dwar it-Tibdil fil-Klima tal-Bangladexx u l-Pjan ta' Azzjoni bil-għan li tinbena ekonomija flessibbli ta' klima u soċjetà fil-Bangladexx permezz ta' adattament u tnaqqis fit-tibdil fil-klima (EUR 8.5 miljun);

  • Il-Kambodja: Appoġġ għall-inizjattiva tal-"Alleanza għall-Kambodja dwar it-Tibdil fil-Klima" sabiex jissaħħu l-istituzzjonijiet u titjieb il-ġestjoni tar-riskju tad-diżastri (EUR 2.2 miljun).

  • Il-Maldives: Appoġġ istituzzjonali għall-proġetti tal-Gvern u l-proġetti pilota b'mod partikolari li jkollhom x'jaqsmu mal-ġestjoni tal-iskart f'atolli u gżejjer differenti (EUR 3.8 miljun);

  • Ir-Rwanda: Appoġġ għall-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali permezz tar-reġistrazzjoni tal-art (EUR 4.5 miljun);

  • Il-Vanuatu: L-iżvilupp tal-ħiliet, il-prattiki mtejba tal-biedja, l-avvanzi fil-prattiki ta' suċċess fir-rigward tal-ġestjoni tal-ilma u l-identifikazzjoni tar-riskju tal-perikli (EUR 3.2 miljun);


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website