Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il- Kummissarju Ewropew tiddikjara li l-Privatezza taċ-Ċittadini Ewropej se tkun sfida kbira fl-għaxar snin li ġejjin

European Commission - IP/10/63   28/01/2010

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/10/63

Brussell, it-28 ta’ Jannar 2 010

Il- Kummissarju Ewropew tiddikjara li l-Privatezza taċ-Ċittadini Ewropej se tkun sfida kbira fl-għaxar snin li ġejjin

Il-privatezza tagħna qed tiffaċċja sfidi ġodda : reklamar fuq l-internet li jagħraf l-imġiba tal-konsumaturi jista' juża l-istorja tal-internet tiegħek biex jikkummerċjalizza l-prodotti aħjar; siti ta' netwerking soċjali użati minn 41.7 miljun Ewropew jippermettu li informazzjoni personali bħal ritratti jkunu jistgħu jarawhom oħrajn ; filwaqt li 6 biljun ċippa intelliġenti (smart chips) użati llum jistgħu jittraċċaw il-movimenti tiegħek. Illum, f'Jum il-Protezzjoni tad-Dejta, il-Kummissjoni Ewropea avżat li r-regoli dwar il-protezzjoni tad-dejta għandhom jiġu aġġornati biex jinżamm l-istess ritmu tat-tibdil teknoloġiku sabiex id-dritt għall-privatezza, iċ-ċertezza legali għall-industrija u l-adozzjoni ta' teknoloġiji ġodda jiġu żgurati. Ir-regoli tal-UE jgħidu li l-informazzjoni ta' persuna tista' tintuża biss fuq bażi leġittima, bil-kunsens minn qabel tal-persuna. Permezz tat-Trattat ta' Lisbona u tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, li issa jinsabu fis-seħħ, il-Kummissjoni llum qalet li trid toħloq sett modern u ċar ta' regoli għall-UE kollha li jiggarantixxi livell għoli ta' protezzjoni tad-dejta personali u ta' privatezza, billi tibda mir-riforma tad-Direttiva tal-UE dwar il-Protezzjoni tad-Dejta tal-1995.

"Ir-regoli tal-Unjoni Ewropea qegħdin hemm biex jipproteġu d-dejta personali ta' kulħadd . Il-Kummissjoni Ewropea tat prova tal-impenn tagħha biex dawn ir-regoli jkunu rispettati b'mod sħiħ mis-27 Stat Membru tal-UE kollha. Fis-soċjetà tal-lum l-innovazzjoni hija importanti iżda din ma għandhiex tagħmel ħsara lid-dritt fundamentali tal-bnieden għall-privatezza. Issa jeħtieġ li niżguraw li r-regoli ġenerali dwar il-protezzjoni tad-dejta huma aġġornati mat-teknoloġija u li huma komprensivi kif jesiġi t-Trattat ta' Lisbona," qalet Viviane Reding, il-Kummissarju tal-UE għas-Soċjetà tal-Informazzjoni u l-Midja . "Ir-regoli tal-UE għandhom jippermettu li kulħadd jirrealizza d-dritt tiegħu li jkun jaf meta d-dejta personali tiegħu tista' tiġi proċessata legalment, fi kwalunkwe qasam tal-ħajja, kemm jekk wieħed jitla' fuq ajruplan, kemm jekk jiftaħ kont il-bank u kemm jekk ikun qed juża l-internet, u li jirrifjuta l-użu tad-dejta personali tiegħu meta jrid".

Illum, f' Jum il-Protezzjoni tad-Dejta , organizzat għar-raba' sena konsekuttiva , il-Kummissjoni Ewropea qalet li l-miżuri li hi applikat għat-teknoloġija tal-internet huma meħtieġa fl-ekonomija u s-soċjetà b'mod ġenerali biex il-privatezza u d-dejta personali taċ-ċittadini Ewropej ikunu protetti.

Sabiex dan iseħħ, il-Kummissarju Reding ħabbret li se tipproponi li r-regoli tal-UE dwar il-privatezza jiġu modernizzati billi wieħed jibni fuq ir-regoli ġenerali li ilhom fis-seħħ mill-1995 ( Id-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Dejta ), u regoli speċifiċi għat-telekomunikazzjonijiet u l-internet ( Ir-regoli dwar il-Privatezza elettronika ).

Ir-regoli mtejba se jiġu applikati vigorożament fl-oqsma politiċi u internazzjonali kollha, kemm fit-teknoloġiji l-ġodda, kemm fid-drittijiet tal-konsumatur kif ukoll fis-sigurtà pubblika.

Fl-2009, il-Kummissjoni ħadet għadd ta' inizjattivi biex tiżgura li l-privatezza tibqa' aġġornata mat-teknoloġija:

  • Rakkomandazzjoni dwar tikketti intelliġenti (smart tags) għall-Identifikazzjoni bil-Frekwenza tar-Radju (RFID), bħal pereżempju t-tesseri tal-karozza tal-linja, li tgħid li t-tikketti li jintużaw fix-xiri għandhom jiġu diżattivati awtomatikament sakemm il-konsumatur li jixtri oġġett b'tikketta ma jagħżilx li "jibqa' fis-sistema"( IP/09/740 ).

  • Fi Frar 2009, il-Kummissjoni laħqet ftehim ma' 18–il kumpanija kbira ta' netwerking soċjali (20 minn Ġunju) sabiex ittejjeb is-sikurezza tal-minorenni li jużaw l-internet, u l-privatezza f'siti ta' netwerking soċjali bħal Facebook ( IP/09/232 ) Il-Kummissjoni se tirrapporta dwar il-progress tagħhom waqt Jum l-Internet Aktar Sikur tal-2010 x-xahar id-dieħel: pereżempju, kemm minnhom jagħmlu l-profili ta' persuni ta' taħt it-18-il sena privati u mhux li awtomatikament tista' ssir tfixxija għalihom.

  • Wara l-proposti tal-Kummissjoni, regoli ġodda tal-UE dwar it-telekomunikazzjonijiet jobbligaw lill-fornituri tas-servizzi tal-komunikazzjonijiet bħall-internet biex jinfurmaw lill-awtoritajiet meta jkun hemm vjolazzjonijiet tas-sigurtà li jwasslu għal telf jew għal użu ħażin tad-dejta personali ( MEMO/09/513 ). Huma jsaħħu d-drittijiet tal-konsumaturi li jkunu infurmati meta informazzjoni bħal 'internet cookies' tkun maħżuna jew ikun hemm aċċess għaliha fit-tagħmir tagħhom.

  • Fl-14 ta' April 2009, il-Kummissjoni bdiet azzjoni legali kontra r-Renju Unit ( IP/09/570 ) b'reazzjoni għat-tħassib taċ-ċittadini dwar il-fornituri tal-internet fir-Renju Unit li kienu qed jittestjaw ir-reklamar fuq l-internet li jagħraf l-imġiba tal-konsumaturi (PHORM) li jiskannja l-użu tal-internet tagħhom. Il-Kummissjoni avżat lir-Renju Unit li l-liġi tiegħu ma tikkonformax mar-regoli tal-UE dwar il-kunfidenzjalità fit-telekomunikazzjonijiet f'oqsma bħall-kunsens tal-utent għal interċettazzjoni tal-komunikazzjonijiet, sanzjonijiet kontra interċettazzjoni illegali u superviżjoni ta' attivitajiet ta' interċettazzjoni. Il-każ daħal fit-tieni fażi tiegħu fit-3 ta' Novembru 2009 ( IP/09/1626 ). Jekk ir-Renju Unit ma jindirizzax it-tħassib tal-Kummissjoni b'mod sodisfaċenti, il-każ jista' jitressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea.

Sfond

Il-privatezza u l-protezzjoni tad-dejta personali huma drittijiet tal-bniedem stabbiliti fl-Artikoli 7 & 8 tal- Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE .

Id- Direttiva tal-UE dwar il-Protezzjoni tad-Dejta tal-1995 tistabbilixxi l-prinċipji ġenerali biex ir-regoli nazzjonali jkunu armonizzati bħal pereżempju meta d-dejta personali tkun tista' tiġi pproċessata u d-drittijiet ta' dawk li d-dejta tagħhom tiġi pproċessata. Il-prinċipji jgħidu li l-kunsens ta' persuna għall-użu tad-dejta tagħha għandu jingħata b'mod liberu, għandu jkun speċifiku u infurmat.

Il-websajt tal-KE dwar il-protezzjoni tad-dejta: http://ec.europa.eu/justice_home/fsj/privacy/

Id- Direttiva tal-UE dwar il-privatezza u l-komunikazzjonijiet elettroniċi tal-2002 tistabbilixxi l-prinċipji għas-settur tat-telekomunikazzjonijiet. Hija tipproteġi l-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet u tesiġi li l-pajjiżi tal-UE jipprojbixxu l-interċettazzjoni u s-sorveljanza mingħajr il-kunsens tal-utenti (l-Artikolu 5(1)) jew awtorizzazzjoni legali.

Il-messaġġ vidjo ta' Viviane Reding dwar il-privatezza:

http://ec.europa.eu/commission_barroso/reding/video/20090414/index_en.htm

L-ipproċessar mill-istituzzjonijiet u l-entitajiet tal-UE huwa kopert mir- Regolament dwar il-Protezzjoni tad-Dejta (KE) 45/2001 . Il-qafas ġenerali tal-UE għall-protezzjoni ta' dejta personali f'dak li għandu x'jaqsam mal-kooperazzjoni tal-pulizija u tal-ġustizzja fi kwistjonijiet kriminali jinsab fid Deċiżjoni Qafas 2008/977/JHA .

Il- Kunsill tal-Ewropa stabbilixxa Jum il-Protezzjoni tad-Dejta fl-2007 biex jispjega liema dejta personali tinġabar u għalfejn, kif ukoll id-drittijiet u r-responsabbiltajiet tal-persuni .

Jum il-Protezzjoni tad-Dejta http://dpd.eun.org/web/guest/home


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website