Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Ir-Regolatur il-ġdid tat-Telekomunikazzjoni tal-UE jibda jaħdem

Commission Européenne - IP/10/62   28/01/2010

Autres langues disponibles: FR EN DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/10/62

Brussell, it-28 ta’ Jannar 2010

Ir-Regolatur il-ġdid tat-Telekomunikazzjoni tal-UE jibda jaħdem

Illum tinbeda folja ġdida fl-istorja tat-telekomunikazzjoni fl-UE. Ir-regolaturi tat-telekomunikazzjoni tas-27 pajjiż tal-UE ser jiltaqgħu għall-ewwel darba fi Brussell bħala membri ta’ Korp ġdid ta’ Regolaturi Ewropej għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (BEREC). Ir-Regolatur il-ġdid Ewropew tat-telekomunikazzjoni BEREC ġie stabbilit wara li l-Kunsill u l-Parlament adottaw ir-regoli l-ġodda tal-UE tat-Telekomunikazzjoni f’Diċembru 2009. Bi 12-il kumpanija fissa u 10 kumpaniji mobbli tat-telekomunikazzjoni li joffru s-servizzi f’bosta Stati Membri tal-UE oħrajn u mijiet ta’ fornituri ta’ servizzi li joperaw bejn il-fruntieri, BEREC se jkollu rwol kruċjali biex isaħħaħ is-suq uniku tat-telekomunikazzjoni u r-regolamentazzjoni konsistenti madwar l-Ewropa. Il-Korp regolatorju l-ġdid Ewropew tat-telekomunikazzjoni, megħjun minn uffiċċju ta’ persunal espert, se jgħin partikolarment biex jiżgura kompetizzjoni ġusta fis-suq uniku tat-telekomunikazzjoni. Fl-2008, id-dħul tas-settur Ewropew tat-telekomunikazzjoni laħaq €351 biljun.

“L-istabbiliment tar-regolatur Ewropew tat-telekomunikazzjoni huwa pass importanti għat-telekomunikazzjoni fl-Ewropa,” qalet il-Kummissarju tat-Telekomunikazzjoni tal-UE, Viviane Reding, li kienet ipproponiet il-ħolqien ta’ dan il-korp fl-2007. “Tabilħaqq, il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni kollha jaqblu li s-Suq Uniku Ewropew tat-Telekomunikazzjoni għandu bżonn il-BEREC. Il-korp il-ġdid għandu jgħin lir-regolaturi nazzjonali tat-telekomunikazzjoni u lill-Kummissjoni Ewropea biex jipprovdu regoli konsistenti u kundizzjonijiet kompetittivi madwar l-UE. Dan għandu jgħin fit-tkabbir tas-servizzi Ewropej tat-telekomunikazzjoni li qed jevolvu b’pass rapidu f’oqsma bħall-internet mobbli u jista’ jservi ta' għodda ewlenija għall-irkupru ekonomiku fl-Ewropa.”

"L-ewwel laqgħa tal-BEREC għandha tkun pass fid-direzzjoni t-tajba għal suq tat-telekomunikazzjoni aktar kompetittiv fl-Ewropa. Qed nistenna bil-ħerqa li nara progress reali fi żvilupp akbar tas-suq uniku Ewropew tat-telekomunikazzjoni, u partikolarment, fl-impatt pożittiv li għandu jkollu għall-500 miljun ċittadin Ewropej," qalet Neelie Kroes, il-Kummissarju għall-Kompetizzjoni tal-UE.

Il-korp il-ġdid Ewropew tat-telekomunikazzjoni BEREC ser jagħti opinjonijiet esperti u importanti fuq il-funzjonament tas-suq tat-telekomunikazzjoni tal-UE. Il-BEREC ser jagħti wkoll pariri, ser jappoġġa u ser jikkumplimenta l-ħidma indipendenti tar-regolaturi nazzjonali tat-telekomunikazzjoni, speċjalment meta jkun hemm deċiżjonijiet regolatorji b'aspetti transkonfinali.

Il-kapijiet tas-27 regolatur nazzjonali tat-telekomunikazzjoni jiffurmaw il-BEREC, li huwa megħjun minn uffiċċju li jipprovdi l-appoġġ meħtieġ professjonali u amministrattiv għall-ħidma tal-BEREC. Il-parti l-kbira tad-deċiżjonijiet se jittieħdu b'maġġoranza ta' żewġ terzi u b'maġġoranza sempliċi meta l-BEREC jagħti opinjonijiet fil-kuntest tal-analiżi tal-Kummissjoni ta' miżuri notifikati lill-Kummissjoni Ewropea mir-regolaturi nazzjonali.

BEREC se jieħu post il-“Grupp Ewropew ta’ Regolaturi”, grupp flessibbli ta’ regolaturi nazzjonali li seta' jopera abbażi ta’ konsensus biss u li ma kienx integrat fil-proċess regolatorju tal-UE.

Il-passi li jmiss:

Għadha trid tittieħed deċiżjoni dwar is-sede definittiva tal-uffiċċju tal-BEREC, li se tkun teħtieġ qbil bejn il-gvernijiet tas-27 Stat Membru kollha. Sa dak il-mument, BEREC se jkun jinsab proviżorjament fi Brussell.

L-isfond:

B'riżultat tar-riforma tat-telekomunikazzjoni tal-UE ( MEMO/09/568 ), 500 miljun ċittadin tal-UE, illum jistgħu jgawdu minn aktar għażla għall-konsumatur permezz ta' kompetizzjoni msaħħa fis-swieq tat-telekomunikazzjoni tal-Ewropa, b'kopertura aħjar fuq konnessjonijiet veloċi tal-internet broadband madwar l-Ewropa, u minn konsolidazzjoni aktar qawwija tad-dritt tagħhom għall-privatezza fit-telekomunikazzjonijiet tagħhom. Waqt li r-regolatur il-ġdid tat-telekomunikazzjoni BEREC se jibda jaqdi ħidmietu llum, l-implimentazzjoni tal-pakkett sħiħ tar-riforma tat-telekomunikazzjoni fil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali fis-27 Stat Membru tal-UE għandha sseħħ sa Ġunju 2011.


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site