Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

IP/10/628

Brussell, 28 ta' Mejju 2010

L-għoti taċ-ċertezza legali lil żwiġijiet transkonfinali: il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea tingħata spinta ’l quddiem

Il-Ġermanja, il-Belġju u l-Latvja ngħaqdu ma’ disa’ Stati Membri tal-UE f’talba għal leġiżlazzjoni li tagħti ċertezza legali lill-koppji internazzjonali li jiddeċiedu li jiddivorzjaw. Skont il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea tal-24 ta’ Marzu 2010 (IP/10/347), il-koppji se jkunu jistgħu jaqblu dwar liema liġi għandha tapplika għad-divorzju tagħhom anki meta ma jkunux qegħdin jippjanaw li jisseparaw. Il-pjan isegwi talba minn disa' Stati Membri tal-UE li riedu jkomplu mexjin ’il quddiem fuq proposta tal-Kummissjoni tal-2006 wara li din ġiet blukkata fil-Kunsill. Is-soluzzjoni l-ġdida se tgħin lil koppji ta' nazzjonalitajiet differenti, dawk li jgħixu separati f'pajjiżi differenti jew dawk li jgħixu flimkien f'pajjiż li mhux pajjiżhom. L-għan hu li titnaqqas it-tbatija għat-tfal u li jkun protett is-sieħeb l-iktar dgħajjef matul tilwim dwar divorzju. Din se tkun l-ewwel darba fl-istorja tal-UE li l-pajjiżi tal-UE jużaw l-hekk imsejjaħ mekkaniżmu tal-"koperazzjoni msaħħa”. Skont it-Trattati tal-UE, il-koperazzjoni msaħħa tippermetti li disa' pajjiżi jew aktar jimxu 'l quddiem fuq miżura li tkun importanti, iżda li tkun ġiet blukkata minn minoranza żgħira ta' Stati Membri. Il-pajjiżi l-oħra tal-UE jżommu d-dritt li jingħaqdu magħhom meta jridu.

"Il-Ġermanja, il-Belġju u l-Latvja wrew li fil-każ tal-koperazzjoni msaħħa l-bieb jibqa’ dejjem miftuħ. Biż-żieda tal-vuċijiet ta’ dawn il-pajjiżi fil-kor ta' talbiet għal azzjoni mill-UE, qed nagħtu spinta lil miżura li kienet ġiet blukkata. Qed naraw eżempju tajjeb ħafna ta’ kif l-UE tista’ timxi ’l quddiem u tgħin liċ-ċittadini fi kwistjoni importanti tal-familja,” qalet il-Viċi-President Viviane Reding, il-Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja, id-Drittijiet Fundamentali u ċ-Ċittadinanza. “Minkejja l-kwisjonijiet politiċi kollha involuti jeħtieġ li ma ninsewx x’inhi l-kwistjoni vera: il-kumplikazzjonijiet legali jistgħu jagħmlu l-ħajja tal-familji diffiċli ħafna. L-ewwel preokkupazzjoni tagħna l-politiċi għandha tkun li nagħmlu l-almu kollu tagħna biex ngħinuhom. Iċ-ċittadini tal-UE għandu jkollhom iċ-ċertezza u l-għażla dwar il-liġi li se tapplika għal avvenimenti importanti f’ħajjithom.”

It-tliet parteċipanti l-ġodda (il-Ġermanja, il-Belġju u l-Latvja) se jingħaqdu mad-disa’ Stati Membri l-oħra (l-Awstrija, il-Bulgarija, Franza, l-Ungerija, l-Italja, il-Lussemburgu, ir-Rumanija, is-Slovenja u Spanja). Dawk il-pajjiżi li jkunu jixtiequ jingħaqdu magħhom wara li d-Deċiżjoni li ntalbet mill-Kunsill li tawtorizza koperazzjoni msaħħa tiġi adottata jisgħu jagħmlu dan f’kull waqt. Skont it-Trattat ta’ Lisbona, il-pajjiżi li jkunu jixtiequ jipparteċipaw iridu jinnotifikaw lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

Il-Ġermanja, il-Belġju u l-Latvja għamlu t-talbiet tagħhom matul l-aħħar xahar (il-Ġermanja fil-15 ta' April 2010, il-Belġju fit-22 ta' April 2010 u l-Latvja fis-17 ta' Mejju 2010). Il-Greċja fil-bidu kienet tagħmel parti mill-proċedura ta’ koperazzjoni msaħħa iżda mbagħad iritirat il-parteċipazzjoni tagħha.

Fil-Kunsill tal-Ġustizzja li jmiss fl-4 ta’ Ġunju fil-Lussemburgu, il-Ministru tal-Ġustizzja tal-UE se jippruvaw jilħqu ftehim politiku dwar il-proposta tal-Kummissjoni għal Deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza lit-12-il pajjiż jimxu ’l quddiem fuq koperazzjoni msaħħa. Huwa meħtieġ ukoll il-kunsens tal-Parlament Ewropew. Id-Deċiżjoni se tidħol fis-seħħ malli tiġi adottata.

Sfond

Skont il-proposti tal-Kummissjoni il-koppji se jkunu jistgħu jaqblu dwar liema liġi għandha tapplika għad-divorzju tagħhom anki meta ma jkunux qegħdin jippjanaw li jisseparaw (IP/10/347). Dan għandu jagħtihom ċertezza legali, prevedibbiltà u flessibbiltà ikbar u għandu jgħin biex il-konjuġi u wliedhom jitħarsu minn proċeduri kumplessi, twal u ta' tbatija.

Il-proposti huma wkoll mfassla biex jagħtu lill-koppji internazzjonali aktar kontroll fuq is-separazzjoni tagħhom u biex iħarsu lis-sieħeb l-iktar dgħajjef milli jitqiegħed fi żvantaġġ inġust fil-proċedimenti ta' divorzju. Il-qrati jkollhom metodu komuni biex jiddeċiedu l-liġi ta' liema pajjiż tapplika meta l-koppji stess ma jkunux jistgħu jilħqu ftehim.

Ir-regoli tal-UE dwar il-koperazzjoni msaħħa jistipulaw li dawk il-pajjiżi li ma jingħaqdux meta ssir talba f'dan ir-rigward jistgħu jingħaqdu f'kull żmien wara li ssir liġi ladarba jkun hemm evalwazzjoni pożittiva mill-Kummissjoni (l-Artikolu 331 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE).

L-ewwel darba li l-Kummissjoni pproponiet li tgħin lill-koppji internazzjonali kien fl-2006, iżda l-pjan (l-hekk imsejjaħ "Regolament Rome III") ma kellux l-appoġġ unanimu meħtieġ mill-gvernijiet tal-UE.

Għal aktar tagħrif

MEMO/10/100

Il-Kamra tal-Aħbarijiet tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni:

http://ec.europa.eu/justice_home/news/intro/news_intro_en.htm

Il-paġna fuq l-internet ta' Viviane Reding, Viċi President u Kummissarju għall-Ġustizzja, id-Drittijiet Fundamentali u ċ-Ċittadinanza:

http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/reding/index_en.htm


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site