Navigation path

Left navigation

Additional tools

Jum Dinji Mingħajr Tabakk 2010: il-Kummissjoni ttenni l-impenn tagħha fil-ġlieda kontra t-tipjip

European Commission - IP/10/624   27/05/2010

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/10/624

Brussell, 27 ta' Mejju 2010

Jum Dinji Mingħajr Tabakk 2010: il-Kummissjoni ttenni l-impenn tagħha fil-ġlieda kontra t-tipjip

Qabel il-Jum Mingħajr Tabakk 2010 (It-Tnejn 31 ta' Mejju), il-Kummissjoni Ewropea tiżvela r-riżultati ta' stħarriġ tal-Eurobarometru li juri li maġġoranza kbira ta' ċittadini tal-UE huma favur miżuri aktar stretti ta' kontroll tat-tabakk. Pereżempju, tliet ċittadini minn kull erbgħa fl-Ewropa huma favur twissijiet dwar is-saħħa taħt forma ta' stampi fuq il-pakketti tat-tabakk u ristoranti bla tipjip. L-istħarriġ juri wkoll, iżda, li kważi madwar wieħed minn kull tlieta fl-Ewropa għadhom ipejpu, minkejja l-fatt li t-tabakk joqtol nofs dawk li jagħmlu użu minnu. Il-Kummissjoni qed tippjana li tniedi dalwaqt konsultazzjoni bil-miftuħ bil-ħsieb li tirrevedi d-Direttiva dwar il-Prodotti tat-Tabakk 2001 u qed tħaffef l-isforzi tagħha ta' kontroll tat-tabakk mal-UE kollha.

John Dalli, il-Kummissarju responsabbli għas-Saħħa u l-Politika tal-Konsumatur qal:

"It-Tabakk joqtol 650,000 Ewropew kull sena, u tista' tiġi salvata l-ħajja ta' ħafna nies bit-tnaqqis tal-konsum tat-tabakk. Jiena partikolarment imħasseb dwar ir-rati ta' tipjip fost iż-żgħażagħ: L-Ewropa ma tistax tibqa' tħares u ma tagħmel xejn waqt li l-ġenerazzjonijiet tal-ġejjieni jpejpu u jeqirdu saħħithom!"

Il-kummissarju żied jgħid: "Jiena biħsiebi nuża kull ma hemm fis-setgħa tiegħi biex innaqqas il-konsum tat-tabakk mal-Ewropa permezz tar-reviżjoni li jmiss tal-leġiżlazzjoni attwali dwar il-prodotti tat-tabakk u nikkunsidra miżuri li jistgħu jagħtu kontribut fit-twettiq ta' sett ta' regoli ċari u effettivi b'appoġġ għas-saħħa tal-Ewropej."

Ħarsa lejn id-Direttiva dwar il-Prodotti tat-Tabakk:

Id-Direttiva (2001/37/KE) saret fl-2001. Hija tistipula l-limiti massimi għal pereżempju n-nikotina u l-qatran fit-tabakk, iġġiegħel lill-produtturi jużaw twissijiet bil-miktub dwar is-saħħa fuq il-pakketti tas-sigaretti u jirrappurtaw dwar l-ingredjenti fit-tabakk u tipprojbixxi termini bħal 'ħfief'.

Il-Kummissjoni bħalissa qed tirrevedi din id-Direttiva biex tipprovdi livell ogħla ta' protezzjoni tas-saħħa u biex taġġornaha skont żviluppi ġodda għal dawk li huma ingredjenti u legiżlazzjonijiet nazzjonali. Pereżempju, li tagħti aktar tagħrif lill-konsumaturi u biex il-prodotti tat-tabakk ikollhom inqas ġibda, b'mod partikolari fuq iż-żgħażagħ. Il-Kummissjoni għandha pjanijiet li tressaq proposta ta' Direttiva riveduta fit-tieni parti tal-2011.

Ambjenti bla Tipjip:

Wara r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill ta' Novembru 2009 dwar l-ambjenti bla tipjip, il-Kummissjoni Ewropea bis-saħħa kollha tappoġġja l-ħidma tal-Istati Membri għal "Ewropa mingħajr Tipjip sal-2012". F'dan il-kuntest, il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri jħarsu liċ-ċittadini tagħhom mill-espożizzjoni għad-duħħan tat-tabakk f'postijiet pubbliċi magħluqa, il-postijiet tax-xogħol u t-trasport pubbliku, biex tnaqqas l-espożizzjoni tat-tfal għad-duħħan passiv. (L-adozzjoni u l-implimentazzjoni ta' liġijiet dwar ambjent mingħajr duħħan jibqgħu kompetenza tal-Istati Membri.)

X'jaħsbu ċ-ċittadini?

L-istħarriġ tal-Eurobarometru juri li ċ-ċittadini Ewropej huma favur miżuri ta' kontroll aktar stretti fuq it-tabakk. Hemm ħafna appoġġ pubbliku għat-twissijiet dwar is-saħħa taħt forma ta' stampi fuq il-pakketti tat-tabakk (75% favur), ukoll jekk erba' Stati Membri biss bħalissa qed jagħmlu użu minnhom. Hemm ukoll ħafna appoġġ biex jiġi pprojbit taħwir li jtejjeb it-togħma tal-prodotti tat-tabakk (61%) u jiġu pprojbiti reklami fuq il-post tal-bejgħ (63%).

Studju ieħor tal-Kummissjoni ppubblikat illum juri li hemm xhieda ċara li t-twissijiet dwar is-saħħa fuq il-pakketti tat-tabakk huma effettivi. Huma jżidu l-għarfien dwar il-konsegwenzi tal-użu tat-tabakk fuq is-saħħa u jgħinu biex tinbidel l-attitudni u l-aġir fil-konfront tal-konsum tat-tabakk.

Il-Kampanja GĦAJNUNA: riklami ġodda fuq it-TV

Il-Kummissjoni sponsorjat il-ħolqien u t-tixrid ta' żewġ riklami ġodda fuq it-TV immirati lejn iż-żgħażagħ, b'mod partikolari t-tfajliet. Ir-riklami se jixxandru mal-Ewropa kollha fuq aktar minn 130 stazzjon mill-31 ta' Mejju 2010.

L-Isfond

It-tabakk huwa l-ikbar kawża meħudha waħedha ta' mwiet li jistgħu jiġu evitati fl-UE. Hija responsabbli għal madwar 650 000 mewta qabel iż-żmien kull sena fl-UE.

Biex tnaqqas il-konsum tat-tabakk mal-Unjoni Ewropea kollha, il-Kummissjoni ssegwi politika ta' kontroll tat-tabakk komprensiva. Medda wiesgħa ta' mekkaniżmi, attivitajiet, u inizjattivi inkluża leġiżlazzjoni dwar il-kontroll tat-tabakk, attivitajiet ta' prevenzjoni u ta' waqfien mit-tabakk iservu biex iżommu u jsaħħu l-politika ta' kontroll tat-tabakk.

Jekk jogħġbok ara wkoll:

MEMO/10/219

MEMO/10/220

Għal iktar informazzjoni:

Fuljett bil-fatti dwar il-kontroll tat-tabakk fl-UE:

http://ec.europa.eu/health/archive/ph_information/documents/tobacco_control_en.pdf


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website