Navigation path

Left navigation

Additional tools

L-isforz tal-Protezzjoni Ċivili Ewropea f’Ħaiti jkompli waqt li l-ewwel tim ta’ koordinazzjoni jgħaddi l-ħidma lil tim ġdid

European Commission - IP/10/61   27/01/2010

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/10/61

Brussell, is-27 ta’ Jannar 2010

L-isforz tal-Protezzjoni Ċivili Ewropea f’Ħaiti jkompli waqt li l-ewwel tim ta’ koordinazzjoni jgħaddi l-ħidma lil tim ġdid

Hekk kif l-isforzi ta’ għajnuna f’Ħaiti jkomplu, wara t-terremot devastanti tat-12 ta’ Jannar, il-Mekkaniżmu Ewropew tal-Protezzjoni Ċivili issa qed jiffaċilita l-għajnuna minn 24 Stat Membru. Parti mill-Kapaċità tal-UE għal Reazzjoni Rapida ffinanzjata mill-UE qed tintuża f’emerġenza għall-ewwel darba, billi tipprovdi ilma frisk u kura medika. Tim ġdid tal-Protezzjoni Ċivili tal-UE wasal Ħaiti fi tmiem il-ġimgħa biex jieħu f’idejh il-koordinazzjoni fuq il-post mingħand l-ewwel tim, li kien ilu f’Ħaiti minn 36 siegħa wara t-terremot.

Il-Kummissarju tal-UE responsabbli għall-protezzjoni ċivili, St avros Dimas, qal: "Ir-reazzjoni tal-UE għat-traġedja terribbli f’Ħaiti kienet rapida u effettiva. It-tim tal-Protezzjoni Ċivili tagħna fuq il-post qed iwettaq ħidma siewja ħafna f’ċirkustanzi diffiċli. Ġejjin żminijiet diffiċli għall-popolazzjoni ta’ Ħaiti: bosta mill-midruba jeħtieġu aktar kura, u nies li tilfu darhom għadhom jeħtieġu ikel u kenn. Flimkien mal-kollegi tagħna mill-għajnuna umanitarja u taħt id-direzzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni Ashton, se nkomplu ngħinu lin-nies ta’ Ħaiti fil-perjodu ta’ wara dan l-avveniment kiefer.”

Reazzjoni Rapida mill-UE

Il-Mekkaniżmu tal-UE tal-Protezzjoni Ċivili, barra li qed jikkoordina l-għajnuna Ewropea, qiegħed ukoll jagħti kontribut dirett għall-isforz ta’ għajnuna. Għall-ewwel darba, parti mill-Kapaċità tal-UE għal Reazzjoni Rapida ffinanzjata mill-UE qed tintuża f’emerġenza. Mibgħut fuq talba tal-Kummissjoni, modulu tal-purifikazzjoni tal-ilma żviluppat fi Franza, issa qed jopera f’Port-au-Prince u qed jipprovdi 20 000 litru ta’ ilma kuljum. Unità medika avvanzata bil-kirurġija, żviluppata fl-Italja, ġiet stabbilita ma’ ġenb sptar tat-tfal f’Port-au-Prince, u qed tipprovdi kura lil madwar 50 pazjent kuljum, li kważi kollha jeħtieġu kirurġija estensiva minħabba korriment gravi. Barra minn hekk, l-ammont ta’ appoġġ finanzjarju tal-UE mogħti jew mitlub għat-trasport ta’ għajnuna lil Ħaiti issa qabeż it-€3 miljuni.

Tim ta’ seba’ min-nies fuq il-post

L-ewwel tim tal-Protezzjoni Ċivili tal-UE jerġa’ lura fi Brussell nhar l-Erbgħa, is-27 ta’ Jannar, wara kważi ġimagħtejn f’Ħaiti, u qed jinbidel minn tim ġdid ta’ esperti mill-Italja, id-Danimarka, Franza, l-Isvezja, l-Olanda u żewġ uffiċjali ta’ kollaborazzjoni miċ-Ċentru ta’ Informazzjoni u Monitoraġġ tal-Kummissjoni (MIC). It-tim il-ġdid qed jaħdem mill-qrib man-Nazzjonijiet Uniti biex jidentifika ħtiġijiet oħrajn tal-protezzjoni ċivili u jiffaċilita l-koordinazzjoni ta’ għajnuna mogħtija permezz tal-Mekkaniżmu Komunitarju tal-Protezzjoni Ċivili. It-tim tal-Protezzjoni Ċivili huwa wkoll f’kuntatt regolari mal-esperti tal-għajnuna umanitarja tal-Kummissjoni mid-DĠ ECHO. It-Tnejn li għadda, it-tim kellu laqgħa mal-President ta’ Ħaiti, Préval u mal-Prim Ministru, Bellerive biex jiddiskutu bżonnijiet urġenti bħal ikel u kenn.

Il-Mekkaniżmu Komunitarju tal-Protezzjoni Ċivili

Il-Mekkaniżmu Komunitarju jiffaċilita kooperazzjoni f’reazzjoni għal diżastri. Xi 31 stat jipparteċipaw fil-Mekkaniżmu Komunitarju (l-UE-27 flimkien mal-Kroazja, l-Islanda, il-Liechtenstein u n-Norveġja). Permezz tal-Mekkaniżmu l-istati jiġbru flimkien riżorsi li mbagħad jistgħu jsiru disponibbli għall-pajjiżi milquta mid-diżastri madwar id-dinja kollha. Meta jiġi attivat il-Mekkaniżmu jiżgura l-koordinazzjoni ta’ interventi ta’ għajnuna kemm fl-Unjoni Ewropea kif ukoll lil hin minnha. Attivitajiet bħal dawn jiġu kkoordinati mill-Kummissjoni Ewropea permezz taċ- Ċentru ta’ Informazzjoni u Monitoraġġ (MIC) fi Brussell.

Mill-ħolqien tiegħu fl-2001, il-Mekkaniżmu ġie attivat għal diżastri madwar id-dinja, inkluż l-Uragan Katrina fl-Istati Uniti fl-2005, it-terremot fiċ-Ċina fl-2008, u n-nirien forestali fin-Nofsinhar tal-Ewropa fl-2009.

Matul l-emerġenza ta’ Ħaiti, 24 pajjiż Ewropew (l-Awstrija, il-Belġju, il-Bulgarija, id-Danimarka, l-Estonja, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Ungerija, l-Islanda, l-Irlanda, l-Italja, il-Lussemburgu, Malta, l-Olanda, in-Norveġja, il-Polonja, il-Portugall, is-Slovakkja, is-Slovenja, Spanja, l-Isvezja, u r-Renju Unit) taw l-għajnuna tagħhom permezz tal-Mekkaniżmu tal-UE tal-Protezzjoni Ċivili inkluż timijiet tat-tiftix u s-salvataġġ urban (urban search and rescue, USAR), timijiet u provvisti mediċi, kenn, moduli tal-purifikazzjoni tal-ilma, u oġġetti ta’ iġjene.

Azzjoni ta' Tħejjija dwar il-Kapaċità tal-UE għal Reazzjoni Rapida

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill allokaw €15 miljun għal azzjoni ta’ tħejjija dwar il-kapaċità tal-UE għal reazzjoni rapida. Il-Kapaċità tal-UE għal Reazzjoni Rapida hija mfassla biex tirrispondi immedjatament għal bżonnijiet kritiċi b’riżultat ta’ diżastri gravi. Tikkonsisti minn moduli speċifiċi tal-protezzjoni ċivili għal interventi tal-protezzjoni ċivili Ewropea. Billi tiżgura li riżorsi ewlenin u tagħmir essenzjali jkuni lesti għal meta jkun hemm bżonnhom, l-azzjoni ta’ tħejjija timmira li ttejjeb l-istat kollettiv ta’ tħejjija tal-Ewropa għal diżastri maġġuri. L-ewwel unitajiet żviluppati taħt l-azzjoni ta’ tħejjija huma issa disponibbli għall-użu; il-proġett pilota tal-2009 dwar Riżerva Teknika ta’ Nirien Forestrali tal-UE kien jagħmel parti wkoll minn dan il-programm.

Għal aktar tagħrif ara

http://ec.europa.eu/environment/civil/haiti_2010_news.htm

u għal dettalji dwar il-Kapaċità ta’ Reazzjoni Rapida ara:

http://ec.europa.eu/environment/civil/prote/prep_action2008.htm


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website