Navigation path

Left navigation

Additional tools

It-tibdil fil-klima: Stedina mill-Kummissjoni għal dibattitu infurmat dwar l-impatti tat-tibdil fir-rata ta' tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett serra tal-UE għal 30% jekk u meta jintlaħqu l-kundizzjonijiet

European Commission - IP/10/618   26/05/2010

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/10/618

Brussell, is-26 ta' Mejju 2010

It-tibdil fil-klima: Stedina mill-Kummissjoni għal dibattitu infurmat dwar l-impatti tat-tibdil fir-rata ta' tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett serra tal-UE għal 30% jekk u meta jintlaħqu l-kundizzjonijiet

Illum il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat analiżi tal-kostijiet, il-benefiċċji u l-alternattivi li ġġib magħha żieda fil-mira tat-tnaqqis tal-gassijiet b’effett serra tal-UE għall-2020 minn 20% jew anqas, kif kienu l-livelli fl-1990, għal 30% meta jintlaħqu l-kundizzjonijiet. Fil-preżent dawn il-kundizzjonijiet għadhom ma ntlaħqux. Din il-Komunikazzjoni ssegwi l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar "Kif terġa' ssaħħaħ in-negozjati internazzjonali dwar il-klima" u t-talba tal-Kunsill biex tiġi ppreżentata valutazzjoni dwar l-impatti ta' tibdil kundizzjonali għal tnaqqis ta' 30% tal-emissjonijiet. Il-miżuri meħuda biex isostnu l-industriji b'intensità kbira ta' enerġija kontra r-riskju ta’ rilaxx tal-karbonju ġew eżaminati ukoll, kif meħtieġ skont id-Direttiva ETS (Skema ta’ Skambju tal-Emissjonijiet). Il-Komunikazzjoni turi li t-tnaqqis fl-emissjonijiet tal-UE bħala konsegwenza tal-kriżi ekonomika, flimkien ma’ roħs fil-prezzijiet tal-karbonju, biddlu l-istimi ta' sentejn ilu, meta kienet ġiet ippreżentata l-ETS riveduta. Għalhekk, fid-dawl tad-dejta l-ġdida, qed tiġi pprovduta analiżi tal-implikazzjoni tal-livelli differenti ta' ambizzjoni bħala xprun għall-immodernizzar tal-ekonomija tal-UE u għall-ħolqien ta’ impjiegi ġodda permezz tal-promozzjoni tal-innovazzjoni fit-teknoloġiji b'karbonju baxx. Din l-analiżi tiġbor l-isforzi meħtieġa fis-setturi ewlenin differenti sabiex l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett serra jitnaqqsu għal aktar minn 20% (sa 30%) filwaqt li tagħti ħarsa wkoll lejn l-impatti ta’ dawn l-isforzi u l-alternattivi ta’ politika potenzjali biex dawn jinkisbu. Fil-valutazzjoni tal-alternattivi possibbli, jitqiesu wkoll il-kuntest attwali tal-finanzi pubbliċi ristretti u l-kontrazzjoni ekonomika.

Connie Hedegaard, il-Kummissarju Ewropew għall-Azzjoni dwar il-Klima qalet: "Id-deċiżjoni dwar jekk inżidux il-mira ta’ tnaqqis tagħna għall-2020 minn 20% għal 30% hija waħda politika li trid tittieħed mill-mexxejja tal-UE meta ż-żmien u l-kundizzjonijiet ikunu tajbin. Ovvjament, l-ewwel prijorità politika hija dik li nindirizzaw il-kriżi tal-ewro. Iżda hekk kif qed noħorġu mill-kriżi, il-Kummissjoni issa qed tagħti l-kontribut tagħha għal diskussjoni abbażi tal-fatti. Id-deċiżjoni mhux se tittieħed issa, iżda nispera li l-analiżi tagħna se tispira d-dibattitu fl-Istati Membri dwar x'passi għandna nieħdu 'l quddiem."

Il-kost sabiex jintlaħqu l-miri

Mill-2008, il-kostijiet assoluti sabiex tintlaħaq il-mira ta’ 20% naqsu minn EUR 70 biljun għal EUR 48 biljun (0.32 % tal-PGD) kull sena minn issa sal-2020. Dan ġara minħabba diversi fatturi: it-tnaqqis fit-tkabbir ekonomiku naqqas l-emissjonijiet; prezzijiet tal-enerġija ogħla li wasslu għal żieda fl-effiċjenza tal-użu tal-enerġija u naqqsu d-domanda għall-enerġija; u l-prezz tal-karbonju niżel taħt il-livell ipproġettat fl-2008 hekk kif il-kwoti tal-EU ETS li ma ntużawx fir-riċessjoni se jingħaddu ’l quddiem. Madankollu, fl-istess ħin, dan it-tnaqqis fil-kostijiet assoluti jasal fil-kuntest ta' kriżi li naqqset ħafna mill-kapaċità tan-negozji biex isibu l-investiment meħtieġ biex jimmodernizzaw fi żmien qasir.

L-UE ilha mill-20071 li impenjat ruħha li tibdel il-mira tagħha għal tnaqqis ta’ 30% fl-emissjonijiet sal-2020 sakemm ekonomiji oħra kbar jassumu s-sehem ġust tagħhom tal-isforz skont il-ftehim globali dwar it-tibdil fil-klima. Il-kost sabiex tintlaħaq il-mira ta’ 30% bħalissa huwa stmat għal EUR 81 biljun fis-sena sal-2020, EUR 11-il biljun ogħla mill-prezz indikat sentejn ilu għall-mira ta’ 20%. Il-mira ta’ 30% għandha tiswa EUR 33 biljun (0.2% tal-PGD) aktar minn kemm hija stmata li tiswa llum il-mira ta' 20%.

Tkabbir b’karbonju baxx

Il-pajjiżi mad-dinja kollha qed jirrikonoxxu l-potenzjal ta’ tkabbir aħdar b'karbonju baxx għall-ħolqien ta' impjiegi ġodda sostenibbli u t-tisħiħ tas-sigurtà fl-enerġija. Il-pożizzjoni fuq quddiem li l-Ewropa għandha f'din ir-rivoluzzjoni ma tistax tiġi meqjusa bħala garantita, peress li l-kompetizzjoni globali qiegħda dejjem tiżdied. Il-mira ta’ 20% kienet meqjusa bħala xprun kritiku għall-immodernizzar tal-ekonomija tal-UE. Iżda issa, bil-prezzijiet tal-karbonju aktar baxxi milli mistenni, l-inċentiv għall-bidla u l-innovazzjoni naqas. Barra minn hekk, l-Ewropa trid tipprepara wkoll l-għanijiet tagħha għat-tul taż-żmien, bħala parti mill-grupp ta' pajjiżi żviluppati, sabiex tilħaq tnaqqis ta' 80-95% sal-2050 bl-aħjar kost possibbli.

Alternattivi sabiex naslu għal 30%

Il-Komunikazzjoni tippreżenta alternattivi sabiex tintlaħaq il-mira ta’ 30%, kemm fl-EU ETS kif ukoll f’setturi oħra. Dawn jinkludu: it-tnaqqis tal-għadd ta’ kwoti rkantati fl-ambitu tal-EU ETS; regolazzjoni li tippromwovi effiċjenza akbar fl-użu tal-enerġija; użu intelliġenti tal-istrumenti fiskali; l-indirizzar tal-politika għall-iffinanzjar tal-koeżjoni tal-UE lejn investimenti ħodor; kif ukoll it-titjib tal-integrità ambjentali tal-krediti internazzjonali tal-karbonju rikonoxxuti fl-EU ETS.

Miżura li hija attraenti anke qabel ma niddeċiedu li nibdlu l-mira għal 30 % hija dik li nużaw xi kwoti tal-EU ETS għall-industrija li huma ħielsa u li ma ġewx allokati sabiex naċċeleraw l-innovazzjoni fit-teknoloġiji b'karbonju baxx, b'mod simili għall-programm ta' dimostrazzjoni eżistenti għal enerġija rinnovabbli innovattiva u t-teknoloġiji tal-qbid u l-ħżin tal-karbonju iffinanzjati minn 300 miljun kwota.

Rilaxx tal-karbonju

Il-Kummissjoni eżaminat is-sitwazzjoni tal-industriji b'intensità kbira ta' enerġija fir-rigward tar-riskju ta' "rilaxx tal-karbonju" (ir-rilokazzjoni tal-produzzjoni mill-UE lejn pajjiżi b'limiti tal-karbonju inqas stretti).

Il-konklużjoni prinċipali hija li l-miżuri eżistenti biex jiġi evitat ir-rilaxx tal-karbonju minn dawn l-industriji – kwoti u aċċess ħielsa għal krediti internazzjonali – għadhom ġustifikati. L-analiżi turi wkoll li jekk il-mira togħla għal 30% filwaqt li l-pajjiżi l-oħra jimplimentaw l-impenji ta’ tnaqqis tagħhom skont il-Qbil ta’ Kopenħagen, dan għandu jħalli impatt limitat f'termini ta' rilaxx tal-karbonju, sakemm il-miżuri eżistenti jibqgħu fis-seħħ.

Il-Kummissjoni se tkompli timmonitorja mill-qrib ir-riskju tar-rilaxx tal-karbonju, b’mod partikolari fir-rigward ta' pajjiżi terzi li għadhom ma ħadu l-ebda azzjoni biex inaqqsu l-emissjonijiet. Fost il-miżuri potenzjali li jixraqilhom analiżi kontinwa nsibu l-inklużjoni tal-importazzjonijiet fl-EU ETS.

Passi li jmiss

Il-Komunikazzjoni hija indirizzata lill-istituzzjonijiet tal-UE għall-konsiderazzjoni tagħhom.

Għal aktar tagħrif:

http://ec.europa.eu/environment/climat/future_action_com.htm

MEMO/10/215

1 :

Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-8/9 ta’ Marzu 2007


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website