Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni tistabbilixxi pjan għall-fondi ta' riżoluzzjoni bankarja

European Commission - IP/10/610   26/05/2010

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/10/610

Brussell, 26 ta' Mejju 2010

Il-Kummissjoni tistabbilixxi pjan għall-fondi ta' riżoluzzjoni bankarja

Il-Kummissjoni Ewropea llum qed tipproponi li l-Unjoni Ewropea tistabbilixxi netwerk tal-UE tal-fondi ta' riżoluzzjoni bankarja sabiex tiżgura li l-fallimenti bankarji futuri ma jiġux mġarrba mill-kontribwenti jew jiddestabilizzaw is-sistema finanzjarja. Wara diskussjoni fil-Kunsill Ewropew li jmiss, il-Kummissjoni Ewropea se tippreżenta dawn l-ideat fis-Summit tal-G20 f'Toronto fis-26-27 ta' Ġunju 2010. Dawn il-fondi se jkunu jiffurmaw parti minn qafas usa' mmirat lejn il-prevenzjoni ta' kriżi finanzjarja fil-futur u t-tisħiħ tas-sistema finanzjarja. Il-Kummissjoni temmen li mod kif jista' jinksieb dan huwa billi jiddaħħal rekwiżit biex l-Istati Membri jistabbilixxu fondi skont regoli komuni li fihom il-banek ikunu meħtieġa jħallsu imposta. Il-fondi ma jintużawx biex jgħinu jew isalvaw il-banek mill-falliment, imma biss biex jiżguraw li falliment ta' bank jiġi amministrat f'manjiera organizzata u ma jiddestabilzzax is-sistema finanzjarja. .

Il-Kummissarju għas-Suq Intern u s-Servizzi Michel Barnier, qal: "Mhuwiex aċċettabbli li l-kontribwenti jibqgħu jġarrbu l-ispiża iebsa biex jiġi salvat is-settur bankarju. M'għandhomx ikunu f'punt daqshekk kruċjali. Jiena nemmen fil-prinċipju ta' 'min jagħmel il-ħsara jħallas'. Għandna bżonn nibnu sistema li tiżgura li s-settur finanzjarju jħallas l-ispiża tal-kriżi bankarja fil-futur. Din hija r-raġuni għaliex nemmen li l-banek għandhom jintalbu jikkontribwixxu għal fond maħsub biex jamministra l-falliment bankarju, jillimitah milli jinxtered u jipproteġi l-istabbiltà finanzjarja. Dan il-fond madankollu mhuwiex fond ta' għajnuna. L-Ewropa għandha tkun fuq quddiem fl-iżvilupp ta' approċċi komuni u l-għoti ta' mudell ta' kooperazzjoni li jista' jiġi applikat globalment.

Għalfejn huma meħtieġa l-fondi ta' riżoluzzjoni bankarja

Bħala riżultat tal-kriżi finanzjarja, il-gvernijiet nazzjonali kellhom jużaw ammonti enormi ta' flus li ġejjin mill-kontribwenti sabiex jappoġġaw is-settur finanzjarju tagħhom, iżommu l-istabbiltà finanzjarja u jipproteġu d-depożitanti. Issa huma meħtieġa sforzi sabiex jiġi żgurat li sitwazzjonijiet bħal dawn qatt ma jerġgħu jseħħu. Il-Kummissjoni diġà qed timplimenta miżuri ta' prevenzjoni li għandhom inaqqsu l-probabbiltà ta' falliment bankarju, iżda tinħtieġ ukoll ħidma sabiex ikun żgurat li jekk ikun hemm fallimenti bankarji fil-futur, ikun hemm fis-seħħ mekkaniżmi robusti appoġġati minn flus privati biex iservu ta' lqugħ għalihom.

F'Ottubru tal-2009, il-Kummissjoni għamlitha ċara li tappoġġa l-istabbilment ta' qafas ġdid għall-immaniġġjar tal-kriżijiet fil-livell tal-UE. Dan il-qafas ġdid se jinkludi sett armonizzat ta' poteri u regoli li jippermetti lir-regolaturi jevitaw il-fallimenti bankarji u jieħdu miżuri sabiex jiffaċilitaw ir-riżoluzzjoni organizzata ta' banek insolventi filwaqt li jimminimizzaw l-ispejjeż għall-persuni li jħallsu t-taxxi ((IP/09/1549). Il-Kummissjoni issa qed tissuġġerixxi fondi ta' riżoluzzjoni bħala kumplament għal dan il-qafas il-ġdid. Naturalment, id-daqs u l-ambitu se jkunu jiddependu mill-effiċjenza tas-superviżjoni u r-regolamentazzjoni imtejba.

Għadd ta' Stati Membri tal-UE diġà introduċew, jew qed jikkunsidraw jintroduċu, imposti fuq is-settur bankarju tagħhom. Madankollu, in-nuqqas ta' approċċ koordinat dwar l-ammont tal-imposti u kif għandu jintuża jfisser li waqt kriżi hemm riskju ta' distorsjonijiet kompetittvi bejn is-swieq bankarji nazzjonali u li tiġi mxekkla l-kooperazzjoni transkonfinali.

X'qed tissuġġerixxi l-Kummissjoni? Netwerk tal-UE ta' skemi ta' riżoluzzjoni ffinanzjati mill-banek

Il-Kummissjoni temmen li l-istabbilment ta' netwerk ta' skemi iffinanzjati minn qabel, mifrux mal-UE kollha, b'mandati definiti fid-dettal, jikkostitiwixxi l-aħjar użu tal-imposti bankarji. Dawn il-fondi jitfasslu b'tali mod sabiex jipprovdu finanzjament għat-tipi ta' miżuri elenkati fil-Komunikazzjoni ta' Ottubru tal-2009 dwar l-immaniġġjar tal-kriżijiet, li jinkludu: -għoti ta' finanzjament għall-operazzjonijiet 'bank pont' (bridge bank); trasferiment totali jew parzjali tal-assi u/jew obbligazzjonijiet; u finanzjament għal separazzjoni 'bank tajjeb' / 'bank ħażin'.

L-istabbilment ta' fondi ta' riżoluzzjoni jtejjeb ir-reżistenza tas-settur bankarju u jevita l-bżonn li wieħed idur għall-fondi tal-kontribwenti. Il-Kummissjoni tirrikonoxxi wkoll li l-eżistenza ta' skemi kbar b'fondi mill-banek tqanqal kwistjonijiet importanti dwar 'il-periklu morali' jekk hemm twemmin li dawn il-fondi jeżistu biex jipproteġu il-banek kontra falliment fil-futur. Hemm tħassib kbir li jrid jiġi indirizzat billi jiġi ċċarat mingħajr ambigwità li l-azzjonisti u l-kredituri mhux assigurati jridu jkunu l-ewwel li jaffaċċaw il-konsegwenzi ta' falliment bankajru u li l-fondi ta' riżoluzzjoni mhumiex polza ta' assigurazzjoni, u ma jintużawx biex jgħinu banek li qed ifallu, iżda biex jiffaċilitaw falliment organizzat.

Daqs u operazzjoni potenzjali

Il-fondi ta' riżoluzzjoni bankarja jeħtieġ li jiġu kostitwiti matul perjodu ta' żmien u l-kontribuzzjonijiet imposti mill-banek jistgħu jitfasslu b'modi li jinċentivaw imġiba xierqa u jtaffu r-riskju ta' riżoluzzjoni. Madankollu mhijiex l-intenzjoni tal-Kummissjoni f'dan l-istadju li tipprovdi dettalji preċiżi dwar kif il-fondi ta' riżoluzzjoni bankarja se jkunu mistennija joperaw u kemm iridu jkunu kbar. Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li se jkun essenzjali li jiġi żviluppat fehim ċar u valutazzjoni bir-reqqa tal-impatti kumulattivi tas-sett wiesa' ta' riformi marbuta mal-imposti u l-kapital bankarju. Se jkun meħtieġ ukoll li jkun żgurat li dawn l-kostijiet jiġu kkalibrati b'tali mod li jiġi evitat li jinħonoq l-irkupru ekonomiku u l-kost tal-kreditu għall-ekonomija reali.

Il-passi li jmiss

Il-Kummissjoni se tippreżenta l-ideat tagħha lill-Ministri tal-Finanzi tal-UE, il-Kapijiet tal-Istati u l-G20 matul Ġunju tal-2010. Se tagħmel pressjoni għal ftehim wiesa' dwar il-prinċipji u l-orjentazzjonijiet ġenerali.

F'Ottubru tal-2010 il-Kummissjoni se tippreżenta proposti aktar dettaljati dwar il-pjanijiet usa' tagħha għall-iżvilupp ta' qafas ġdid għall-immaniġġjar tal-kriżijiet u l-adozzjoni tal-proposti leġiżlattivi ppjanati. Il-Kummissjoni se tqis bir-reqqa l-implikazzjonijiet tal-proposti tagħha għall-fondi ta' riżoluzzjoni fil-ħidma tal-valutazzjoni tal-impatt li se takkumpanjahom..

Il-Kummissjoni, bil-ħsieb li żżomm ambjent globali ekwu, biħsiebha tmexxi l-isforzi tal-G20 sabiex issib approċċ globali dwar il-fondi ta' riżoluzzjoni bbażat fuq l-ideat imressqa f'din il-Komunikazzjoni.

Aktar tagħrif

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-fondi ta' riżoluzzjoni bankarja hija disponibbli fuq:

http://ec.europa.eu/internal_market/bank/crisis_management/index_en.htm

memo 10/214


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website