Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/10/609

Brussell, is-26 ta' Mejju 2010

Il-Kummissjoni Ewropea tfittex li jkun hemm standards għoljin ta' privatezza fil-ftehim bejn l-UE u l-Istati Uniti tal-Amerika dwar il-protezzjoni tad-dejta

Illum il-Kummissjoni Ewropea adottat abbozz ta' mandat biex tinnegozja ftehim dwar il-protezzjoni tad-dejta personali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika f'każi ta' kooperazzjoni fil-ġlieda kontra t-terroriżmu jew kontra l-kriminalità. L-għan hu li jiġi żgurat livell għoli ta' protezzjoni tal-informazzjoni personali, bħalma hi d-dejta dwar il-passiġġieri  jew informazzjoni finanzjarja, li tiġi trasferita bħala parti minn kooperazzjoni transatlantika fejn tidħol il-kriminalità. Il-ftehim ikun itejjeb id-dritt taċ-ċittadini, fejn ikun xieraq, li jkollhom aċċess għal dejta, li jirranġawha jew li jħassruha. Iċ-ċittadini tal-UE jkollhom dritt li jitolbu rimedju ġudizzjali fl-Istati Uniti f'każ li d-dejta tagħhom tintuża b'mod li ma jkunx konformi mal-liġi. L-awtoritajiet pubbliċi indipendenti jingħataw rwol aktar b'saħħtu biex jgħinu lin-nies jeżerċitaw id-drittijiet għall-privatezza tagħhom u biex jissorveljaw it-trasferimenti transatlantiċi tad-dejta. Qabel ma t-taħdidiet ikunu jistgħu jibdew il-Kunsill għandu japprova l-mandat tal-Kummissjoni biex tinnegozja. Il-Parlament Ewropew se jinżamm infurmat b'kollox f'kull stadju tan-negozjati u jrid jagħti l-approvazzjoni tiegħu għal dak li jirriżulta min-negozjati.

"Id-drittijiet fundamentali għandhom jiġu protetti u rispettati l-ħin kollu. Il-Viċi President Viviane Reding, li hi wkoll il-Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja, id-Drittijiet Fundamentali u ċ-Ċittadinanza, qalet: "Jiena rrid ftehim bejn l-UE u l-Istati Uniti tal-Amerika li jipproteġi d-drittijiet rigward id-dejta personali u li jiġġieled il-kriminalità u t-terroriżmu"."Irrid li jinkiseb ftehim ambizzjuż, u se ninvolvi lilll-Parlament Ewropew mill-qrib ħafna fin-negozjati. Jiena nħeġġeġ lill-Kunsill biex japprova l-mandat malajr kemm jista' jkun ħalli nkunu nistgħu nipproċedu minnufih bin-negozjati dwar dan il-ftehim importanti, kif ukoll dwar ftehimiet importanti oħra, bejn l-UE u l-Istati Uniti."


"Cecilia Malmström, il-Kummissarju tal-UE għall-Affarijiet Interni, żiedet: ''Ftehim b'saħħtu dwar il-protezzjoni tad-dejta personali se jibbenefika liż-żewġ naħat tal-Atlantiku. Peress li jipprovdi livell għoli ta' protezzjoni tad-dejta personali, se jagħti lil kulħadd – ċittadini, awtoritajiet għall-infurzar tal-liġi u partijiet interessati oħra – il-kunfidenza li d-drittijiet umani huma rispettati bi sħiħ fil-ġlieda transatlantika kontra il-kriminalità organizzata u t-terroriżmu."

Sa mill-11 ta' Settembru 2001 u l-attakki terroristiċi li ġraw wara fl-Ewropa, l-UE u l-Istati Uniti tal-Amerika saħħew il-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja fi kwistjonijiet kriminali. Element wieħed importanti hu t-trasferiment u l-ipproċessar ta' dejta personali jekk tkun rilevanti għall-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta' każijiet kriminali, inkluż it-terroriżmu.

L-UE u l-Istati Uniti tal-Amerika huma impenjati t-tnejn li huma biex jipproteġu d-dejta personali u l-privatezza. Madankollu, għad għandhom metodoloġiji differenti fejn tidħol il-protezzjoni tad-dejta, u dan ġieli wassal għal xi kontroversji fil-passat waqt in-negozjar dwar ftehimiet ta' skambju ta' informazzjoni (bħall-Programm għat-Traċċar tal-Finanzjament tat-Terroriżmu, il-ftehim hekk imsejjaħ SWIFT, jew ir-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri). L-iskop tal-ftehim propost mill-Kummissjoni llum huwa dak li dawn id-differenzi jiġu indirizzati u megħluba.

Il-proposta tal-lum  tagħti lill-Kummissjoni mandat biex tinnegozja ftehim ġdid dwar il-protezzjoni tad-dejta fir-rigward tad-dejta personali trasferita lill-awtoritajiet tal-infurzar fl-UE u fl-Istati Uniti tal-Amerika, u pproċessata minnhom. Barra minn hekk, torbot lill-Kummissjoni li żżomm lill-Parlament Ewropew infurmat bis-sħiħ f'kull stadju tan-negozjati.

Il-Kummissjoni għandha l-għan li tistabbilixxi standards għall-protezzjoni tad-dejta personali li jkunu vinkolanti u infurzabbli, li jassiguraw li d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-individwi jiġu protetti. Il-konformità ma' dawn l-istandards tkun ikkontrollata minn awtoritajiet pubbliċi indipendenti fuq iż-żewġ naħat tal-Atlantiku.

Skont il-proposta tal-Kummissjoni:

-       Jingħata permess għat-trasferiment jew l-ipproċessar ta' dejta personali minn awtoritajiet fl-UE jew fl-Istati Uniti biss għal skopijiet speċifiċi, espliċiti u leġittimi fil-qafas tal-ġlieda kontra l-kriminalità u kontra t-terroriżmu;

-       Ikun hemm dritt li wieħed ikollu aċċess għad-dejta personali tiegħu u dan ikun infurzabbli fil-qrati;

-       Ikun hemm dritt li d-dejta personali ta' individwu tiġi korretta jew imħassra jekk jinstab li ma tkunx eżatta.

-       Ikun hemm id-dritt ta' rimedju amministrattiv u ġudizzjarju individwali, indipendentement miċ-ċittadinanza jew mill-post ta' residenza.

Il-ftehim ma jkunx jipprovdi l-bażi legali għal xi trasferimenti speċifiċi ta' dejta personali bejn l-UE u l-Istati Uniti tal-Amerika. Tkun dejjem meħtieġa bażi legali speċifika għal trasferimenti bħal dawn tad-dejta, bħal ftehim għat-trasferiment tad-dejta jew liġi nazzjonali fi Stat Membru tal-UE. Il-ftehim il-ġdid bejn l-UE u l-Istati Unti dwar il-protezzjoni tad-dejta mbagħad ikun japplika għal dawn it-trasferimenti tad-dejta.


Sfond

Il-protezzjoni tad-dejta personali tinsab fl-Artikolu 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Il-Karta hi integrata fit-Trattat ta' Lisbona u hi legalment vinkolanti għall-Unjoni Ewropea u għall-Istati Membri tal-UE meta jimplimentaw il-liġi tal-UE. It-Trattat ta' Lisbona (l-Artikolu 16, it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea) jgħid li l-UE tista' tagħmel regoli dwar il-protezzjoni tad-dejta personali pproċessata mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-UE, u mill-Istati Membri, meta jwettqu attivitajiet li jaqgħu fl-ambitu tal-liġi tal-UE.

Il-Parlament Ewropew, f'riżoluzzjoni tas-26 ta' Marzu 2009, sejjaħ ukoll għal ftehim bejn l-UE u l-Istati Uniti tal-Amerika li jassigura protezzjoni adegwata tal-libertajiet ċivili u tad-dejta personali. F'Diċembru 2009, il-Kunsill Ewropew stieden lill-Kummissjoni biex tipproponi Rakkomandazzjoni "għan-negozjati mal-Istati Uniti tal-Amerika dwar il-protezzjoni tad-dejta u, fejn ikun hemm bżonn, ftehim dwar l-iskambju tad-dejta għal raġunijiet ta' infurzar tal-liġi."

Għal aktar informazzjoni kkuntattja lil:

Il-Kamra tal-Aħbarijiet tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni

http://ec.europa.eu/justice_home/news/intro/news_intro_en.htm

Il-paġna fuq l-internet ta' Viviane Reding, Viċi President u Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja, id-Drittijiet Fundamentali u ċ-Ċittadinanza :

http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/reding/index_en.htm


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website