Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Jum Dinji tat-Tfal Neqsin: Il-Kummissjoni Ewropea tħeġġeġ lill-Istati Membri jħaddmu l-hotlines 116 000 għal tfal neqsin

European Commission - IP/10/603   25/05/2010

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/10/603

Brussell, 25 ta' Mejju 2010

Il-Jum Dinji tat-Tfal Neqsin: Il-Kummissjoni Ewropea tħeġġeġ lill-Istati Membri jħaddmu l-hotlines 116 000 għal tfal neqsin

Illum, fl-okkażjoni tal-Jum Dinji tat-Tfal Neqsin, il-Viċi Presidenti tal-Kummissjoni Ewropea Viviane Reding, responsabbli għall-Ġustizzja, id-Drittijiet Fundamentali u ċ-Ċittadinanza fl-UE, u Neelie Kroes, responsabbli għall-Aġenda Diġitali, ħeġġew lill-Istati Membri tal-UE jżidu l-isforzi tagħhom biex jintroduċu sistemi ta' allert għat-tfal u biex mill-iktar fis possibbli jħaddmu l-hotline 116 000 għat-tfal neqsin.

"Kull każ ta' tifel jew tifla neqsin huwa traġedja, u jeħtieġ li nagħmlu dak kollu li nistgħu biex ma nħallux li traġedji bħal dawn iseħħu. Il-Kummissjoni ħolqot il-hotline Ewropea 116000 biex wieħed ikun jista' jirrapporta t-tfal neqsin u biex jiġu offruti direzzjoni u appoġġ lil qrabathom, f'kull rokna tal-Ewropa. Jiddispjaċini meta nara li l-hotline qed taħdem biss fi 11-il Stat Membru," qalet il-Viċi President u Kummissarju għall-Ġustizzja, id-Drittijiet Fundamentali u ċ-Ċittadinanza, Viviane Reding. "Mhux faċli taċċetta l-fatt li miżuri li jistgħu jkunu ta' għajnuna għadhom mhumiex jaħdmu għal kollox madwar l-Unjoni kollha kemm hi. Tkun traġedja doppja meta wieħed iġib quddiem għajnejh tifel qed jipprova jċempel il-hotline 116 000 u twieġbu l-magna li ssemmagħlu messaġġ irrekordjat minn qabel li jgħarrfu li s-servizz se jibda jaħdem fl-2012. Nappella lill-Istati Membri biex jagħmlu l-almu kollu tagħhom sabiex din is-sitwazzjoni tinbidel."

Il-Viċi-President, Neelie Kroes, responsabbli għall-Aġenda Diġitali, żiedet, "l-Istati Membri jeħtieġ jirrispettaw l-obbligi legali tagħhom li mhux biss jistbbilixxu l-hotline għal tfal neqsin bħala kwistjoni ta' urġenza iżda wkoll jiżguraw li l-pubbliku jkun infurmat tajjeb dwarha."

L-UE diġà stabbilixxiet ir-regoli meħtiġin sabiex tiżgura li, f'kull parti tal-Ewropa, in-numru 116000 jinżamm għal linji hotlines biex jiġu rrappurtati t-tfal neqsin u biex jiġu offruti direzzjoni u appoġġ lil qrabathom. Dawn il-hotlines bħalissa qed jaħdmu fi 11-il Stat Membru (Il-Belġju, id-Danimarka, il-Greċja, Franza, l-Ungerija, l-Italja, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija u s-Slovakkja). Bl-adozzjoni tar-regoli l-ġodda tal-UE dwar it-telekomunikazzjonijiet f'Novembru 2009, l-Istati Membri tal-UE huma obbligati jagħmlu dak kollu possibbli biex jiżguraw li l-hotline 116 000 tkun attivata sal-25 ta' Mejju 2011 (MEMO/09/491, IP/09/1812). Il-Kummissjoni se tissorvelja mill-qrib it-twettiq ta' dan l-obbligu mill-Istati Membri, kif għamlet fil-każ tan-numru uniku Ewropew ta' emerġenza, il-112, li issa jaħdem bla ħlas f'kull parti tal-UE (IP/08/1968).

Il-Kummissjoni tappoġġja wkoll il-ħolqien ta' sistemi transkonfinali ta' allert għat-tfal, li jgħinu fit-tfittxija għal tfal maħtufin billi jagħmluha possibbli li l-pubbliku jgħaddi informazzjoni f'ħin reali lill-awtoritajiet rilevanti. Sistemi ta' allert jeżistu fi 8 Stati Membri (il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Portugall, Franza, il-Lussemburgu, il-Belġju, il-Greċja, il-Ġermanja u r-Renju Unit).

Sfond

Fil-15 ta' Frar 2007 l-Kummissjoni adottat Deċiżjoni li titlob li l-pajjiżi membri tal-UE jagħmlu n-numru 116 000 disponibbli f'kull parti tal-UE għal hotlines iddedikati għat-tfal (IP/07/188). Il-Kummissjoni għal darba wara l-oħra ħeġġet lill-Istati Membri jagħmlu dan in-numru jaħdem mill-iktar fis possibbli (IP/08/1129).

F'Marzu ta' din is-sena, il-Kummissjoni adottat żewġ proposti li fihom regoli ġodda bil-għan li titħarrax il-ġlieda kontra l-abbuż tat-tfal, l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pornografija tat-tfal. Dawn il-proposti ġodda se jiggarantixxu assistenza ikbar għall-vittmi u miżuri eħrex kontra l-kriminali responsabbli għall-isfruttament sesswali tat-tfal għat-traffikar tagħhom (IP/10/379).

Taħt ir-regoli riveduti tat-telekomunikazzjoni maqbulin fl-2009 (ara MEMO/09/513), u b'mod partikolari l-Artikolu 27a tad-Direttiva Servizz Universali emendata, l-Istati Membri huma obbligati li, mhux iktar tard mill-25 ta' Mejju 2011, jagħmlu kull sforz biex jiżguraw li ċ-ċittadini jkollhom aċċess għal servizz li jħaddem hotline għar-rappurtar ta' każi ta' tfal neqsin. Il-linja diretta għandha tkun disponibbli fuq in-numru "116000." L-istess Direttiva teħtieġ ukoll li l-Istati Membri "jiżguraw li ċ-ċittadini jkunu infurmati adegwatament dwar l-eżistenza u l-użu ta' servizzi previsti taħt il-firxa ta' numri '116', b'mod partikolari permezz ta' inizjattivi speċifkament immirati għal persuni li jivvjaġġaw bejn l-Istati Membri."

Għal aktar tagħrif

Tfal Neqsin fl-Ewropa:

http://www.missingchildreneurope.eu/

Il-Kamra tal-Aħbarijiet tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni:

http://ec.europa.eu/justice_home/news/intro/news_intro_en.htm

Il-paġna fuq l-internet ta' Viviane Reding, Viċi President u Kummissarju għall-Ġustizzja, id-Drittijiet Fundamentali u ċ-Ċittadinanza :

http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/reding/index_en.htm

Il-paġna fuq l-internet ta' Neelie Kroes, Viċi-President u Kummissarju għall-Aġenda Diġitali:

http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/kroes/index_en.htm

ANNEX

Countries where 116 000 is operational

Member State

Operational since

Belgium

May 2009

Denmark

February 2009

Greece

October 2008

France

May 2009

Hungary

June 2008

Italy

May 2009

The Netherlands

September 2008

Poland

March 2009

Portugal

September 2007

Romania

May 2009

Slovakia

May 2009


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website