Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/10/59

Brussell, is-27 ta’ Jannar 2010

Il-Kummissjoni tipproponi esportazzjoni addizzjonali taz-zokkor barra mill-kwota fl-2009/2010 minħabba s-sitwazzjoni eċċezzjonali tas-suq. L-ebda tnaqqis finali fil-kwota għall-produtturi tal-UE.

Il-Ħamis, il-Kummissjoni Ewropea se tressaq quddiem il-Kumitat ta' Ġestjoni abbozz ta' Regolament li jippermetti l-esportazzjoni ta' 500 000 tunnellata addizzjonali ta' zokkor barra mill-kwota fis-sena tas-suq 2009/2010 (sal-31 ta' Lulju 2010). Din il-miżura temporanja, li tirrispetta kompletament l-obbligi internazzjonali tal-UE, saret possibbli permezz tal-kundizzjonijiet eċċezzjonali tas-suq kemm fil-livell tal-UE kif ukoll fil-livell dinji. Wisq probabbli s-sitwazzjoni attwali tas-suq għaz-zokkor mhix se terġa' sseħħ fil-ġejjieni.

Mariann Fischer Boel, il-Kummissarju Ewropew għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali, qalet: “Is-sitwazzjoni attwali fis-suq dinji hija eċċezzjonali. B'sitwazzjoni fejn il-produzzjoni hija inqas mill-konsum u l-ħażniet taz-zokkor dejjem qed jonqsu, il-prezzijiet taz-zokkor għolew għal livelli ogħla minn qatt qabel, għad-detriment tal-konsumaturi f'pajjiżi li huma iktar fqar. Din is-sitwazzjoni ħabtet ma' tmiem ir-ristrutturar tal-industrija taz-zokkor tal-UE. Il-prezz tas-suq tal-UE tnaqqas u l-produtturi l-inqas kompetittivi waqfu milli jipproduċu z-zokkor, u b'hekk tejbu l-kompetittività tas-settur taz-zokkor tal-UE, kemm fil-livell tal-produtturi tal-pitrava zokkrija kif ukoll tal-fabbriki. Is-sitwazzjoni tal-prezz fis-suq tal-UE u dinji, kif ukoll l-ispejjeż tal-produzzjoni għall-pitrava zokkrija u z-zokkor fl-UE huma tali li z-zokkor barra mill-kwota prodott fl-UE jista' jiġi esportat mingħajr ma jinkisru l-impenji sussidjarji tal-WTO tal-UE." .

Bħalissa, il-prezzijiet taz-zokkor tas-swieq dinjin jinsabu f'livelli rekord, ħafna ogħla mill-prezz tas-suq għaz-zokkor tal-kwota tal-UE. Il-kundizzjonijiet ħżiena tat-temp fl-Indja u fil-Brażil komplew jgħarrqu d-defiċit globali taz-zokkor u komplew inaqqsu l-ħażniet taz-zokkor, u dan wassal għal pressjoni ikbar fuq il-prezzijiet tas-suq dinji.

B'kuntrast ma' dan, ħsad tajjeb ħafna fl-UE fl-2009 wassal għall-produzzjoni ta' kwantitajiet ogħla milli kien mistenni ta' zokkor barra mill-kwota. Dan ippermetta wkoll li l-prezz għaz-zokkor tal-kwota jkompli jersaq lejn il-prezz ta' referenza iktar baxx applikabbli wara r-riforma taz-zokkor, minkejja x-xejra ta' prezzijiet taz-zokkor dejjem ogħla fis-suq dinji. Dan l-iżvilupp juri wkoll li r-riforma taz-zokkor tal-2005 tejbet il-kompetittività ġenerali tas-settur taz-zokkor tal-UE billi ħeġġet lill-produtturi li kellhom spejjeż għoljin iwaqqfu l-produzzjoni u lil dawk li jkabbru l-pitrava zokkrija f'reġjuni li mhumiex adattati għat-tkabbir tagħha jaqilbu għal prodotti tar-raba' li jħallu aktar qligħ.

Ir-ristrutturar b'suċċess ifisser li fl-UE mhu meħtieġ l-ebda tnaqqis finali fil-kwota

F'dan l-isfond, il-Kummissjoni ddeċidiet li mhuwiex meħtieġ li tapplika tnaqqis finali fil-kwota sabiex jintlaħaq bilanċ strutturali fis-suq taz-zokkor tal-UE wara tmiem il-perjodu ta' ristrutturar. Permezz ta' rinunzja volontarja permezz tal-Fond ta' Ristrutturar, il-kwoti tnaqqsu b'96.6 fil-mija tal-mira inizjali ta' 6 miljun tunnellata stabbilita fir-riforma. Bħala tali, ir-riforma tista' titqies li għamlet suċċess.

Fis-settur taz-zokkor tal-UE li huwa iktar kompetittiv u ristrutturat, il-prezz tas-suq tal-pitrava zokkrija barra mill-kwota u taz-zokkor barra mill-kwota, bħalissa t-tnejn huma ogħla mil-livelli tal-ispiża tal-produzzjoni, u b'hekk l-UE tista' tippermetti l-esportazzjoni ta' kwantità addizzjonali ta' 500 000 tunnellata ta' zokkor barra mill-kwota qabel tmiem Lulju 2010, filwaqt li tibqa' tirrispetta l-obbligi internazzjonali. Dan għandu jitqies bħala miżura eċċezzjonali għas-sena tas-suq 2009/2010 biss u s-servizzi tal-Kummissjoni se jkomplu jimmonitorjaw mill-qrib lill-UE u lis-suq dinji. Għall-2010/2011, il-limitu tal-esportazzjoni huwa mistenni li jerġa' jkun 650 000 tunnellata, kif stabbilit fir-Regolament.

Il-kwota tal-importazzjoni taz-zokkor għall-industrija tal-kimika

Fl-istess ħin, il-Kummissjoni qed tħejji Regolament li jippermetti l-importazzjoni bla dazju ta' 400 000 tunnellata zokkor mis-suq dinji sabiex possibbilment jintuża mill-industrija tal-kimika fl-2010/2011 biex ikun żgurat l-ippjanar tal-forniment tal-materja prima fuq tul ta' żmien għal dan is-settur, li huwa wkoll utent tradizzjonali taz-zokkor barra mill-kwota tal-UE .

Il-kwota tal-importazzjoni tas-CXL għar-raffinaturi taz-zokkor mhux raffinat

F l-aħħar nett, l-aċċess għaz-zokkor mhux raffinat li se jiġi raffinat skont il-kwota tal-importazzjoni tas-CXL se jiġi ffaċilitat bis-sospensjoni tar-rekwiżit li jiġu ppreżentati ċ-ċertifikati tal-esportazzjoni mill-Brażil, mill-Awstralja u minn Kuba għall-importazzjonijiet minn dawn il-pajjiżi fl-2009/2010. Ċertifikat tal-oriġini għandu jkun biżżejjed.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website