Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/10/596

Brussell, il-21 ta' Mejju 2010

Il-Jum Dinji tal-Bijodiversità: Eluf jingħaqdu man-natura permezz ta' kampanja tal-UE

Għada huwa l-Jum Dinji tal-Bijodiversità u minkejja l-isforzi madwar id-dinja, studji juru li l-bijodiversità – il-varjetà għanja ta' ħajja fuq din il-pjaneta – qiegħda tonqos b'rata allarmanti. Eluf ta' nies madwar l-Unjoni Ewropea u 'l hinn minnha huma impenjati b'kampanja innovattiva tal-UE biex tenfasizza dan il-messaġġ. Is-sit tal-internet tal-kampanja diġà kellu nofs miljun viżitatur, waqt li aktar minn 56,000 persuna wrew l-appoġġ tagħom għall-kampanja fuq il-Facebook. Il-Kummissjoni mmarkat il-Jum Dinji tal-Bijodiversità b'serje ta' avvenimenti f'sitt pajjiżi ewlenin: Spanja, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Bulgarija, ir-Rumanija, il-Polonja u l-Italja.

Il-Kummissarju għall-Ambjent Janez Potočnik qal: "Huwa tajjeb li nosservaw kif din il-kampanja qed tolqot l-immaġinazzjoni tal-poplu. Għandna bżonn inżommu dan il-momentum u nikkonvertu dan l-interess f'azzjoni u politiki reali, biex inħarsu il-varjetà għanja tal-ħajja fid-Dinja."

Il-Kampanja tolqot l-attenzjoni pubblika

Persuni ta' kull età qegħdin jingħaqdu man-natura permezz tas-sit interattiv tal-internet u l-midja soċjali tal-kampanja dwar il-bijodiversità. Fl-ewwel sitt ġimgħat tal-kampanja s-sit tal-internet, li huwa disponibbli bil-lingwi kollha tal-UE, irreġistra aktar minn 550,000 żjara ta' paġni, bl-għadd ikompli jikber kuljum. Madwar 56,000 persuna minn aktar minn 120 pajjiż iddikjaraw l-appoġġ tagħhom fuq il-paġni tal-bijodiversità tal-Facebook.

Imsejsa fuq is-slogan, 'Il-Bijodiversità – aħna lkoll parti minnha', il-kampanja timmira li tkabbar l-għarfien tal-problema tat-telf tal-bijodiversità, u li turi l-implikazzjonijiet ta' dan it-telf fil-ħajja ta' kuljum.

Din il-kampanja se jkollha dimensjoni edukattiva li turi l-benefiċċji li ġġib magħha l-bijodiversità, u li tiffoka b’mod partikulari fuq l-idea tas-servizzi tal-ekosistema u tal-perikli li jkun hemm jekk dawn jispiċċaw. It-tema li tirrepeti ruħha kontinwament hija l-idea tal-konnettività, u l-interdipendenza.

Id-dimensjoni l-aktar riċenti li żdiedet hija silta ta' vidjo qawwi li jgħaddi messaġġ b'saħħtu dwar il-ħtieġa urġenti għall-azzjoni. L-għan tal-vidjo huwa li jenfasizza kif it-telf ta' kwalunkwe ħolqa fil-katina tal-ħajja, tidher kemm tidher bħala insinifikanti, jista' jfixkel il-bilanċ sħiħ tan-natura.

Il-kampanja tiffoka b'mod speċjali fuq pajjiżi fejn l-azzjoni hija kkunsidrata tabilħaqq utli. Kien hemm tnedijiet b'suċċess fi Spanja, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Bulgarija, ir-Rumanija, il-Polonja u l-Italja b'azzjonijiet tar-relazzjonijiet pubbliċi u l-arti tat-triq. Se jkun hemm avvenimenti ta' attività tal-familja fis-sitt pajjiżi ewlenin kollha bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet tal-Jum Dinji tal-Bijodiversità.

Mill-għarfien għall-azzjoni

Il-kampanja barra milli tkattar l-għarfien, se tiffoka wkoll fuq li ġġiegħel liċ-ċittadini jgħarfu aktar ir-rwol tagħhom fit-tnaqqis u l-prevenzjoni tat-telf tal-bijodiversità. Għandha l-għan li ċċaqlaq il-poplu biex jibda jagħmel xi ħaġa – kemm waħdu kif ukoll fi proġetti – biex iħares u jieħu ħsieb in-natura.

Is-sit tal-internet diġà qed jimpenja l-pubbliku b'mod attiv biex jitgħallem kif aħna interkonnessi man-natura. Il-membri tal-pubbliku jistgħu wkoll jagħmlu ħbieb ma' organiżmi u speċijiet ħajjin, kif ukoll joħolqu imaġni bijodiversifikata tagħhom stess fuq il-Facebook.

Billi niskopru aktar dwar id-dinja naturali li ta' spiss ma nagħtux kasha, qed nittamaw illi nitgħallmu kif nieħdu ħsiebha aħjar.

Viżitatur ġdid għal Natura 2000

Il-Kummissjoni Ewropea, bl-appoġġ tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA), nediet għodda ġdida fl-IT sabiex tqarreb lill-pubbliku lejn Natura 2000, li huwa n-netwerk ewlieni tagħha taż-żoni protetti.

Natura 2000 huwa l-istrument ewlieni li jħares il-bijodiversità fl-Unjoni Ewropea. Huwa l-ikbar netwerk ekoloġiku ta' żoni protetti fid-dinja, u jinkludi iktar minn 25 sit li jkopru 17 % tat-territorju tal-art tal-UE. Natura 2000 ġie stabbilit sabiex jiżgura s-sopravivenza tal-ispeċijiet u l-ħabitats l-iktar prezzjużi tal-Ewropa, u jħares għadd ta' servizzi tal-ekosistema.

Il-viżitatur interattiv, permezz tat-teknoloġija tal-GIS (Sistema tal-Informazzjoni Ġeografika), jista' jillokalizza siti u informazzjoni marbuta mal-ispeċijiet u l-ħabitats ta' interess, permezz ta' mapep tat-toroq, ritratti, xbihat tas-satellitia u dokumenti li jagħtu sfond dwar ir-reġjuni inkwistjoni. L-għodda għandha tqajjem l-għarfien fost il-pubbliku inġenerali, u tipprovdi strument utli għal min jiżviluppa u għal min jippjana l-użu tal-art, għas-sidien tal-art, l-awtoritajiet tal-gvern, l-organizzazzjonijiet mhux governattivi, u r-riċerkaturi. Għal aktar tagħrif u biex tkun viżitatur, mur fuq is-sit http://ec.europa.eu/environment/nature/index_en.htm

Is-sit tal-internet tal-kampanja u l-vidjo: www.weareallinthistogether.eu


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website