Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/10/589

Brussell, l-20 ta' Mejju 2010

L-UE tadotta miżuri ġodda biex ittejjeb il-kundizzjonijiet tad-djar għall-komunitajiet Roma

Il-Parlament Ewropew approva proposta mill-Kummissjoni Ewropea li tippermetti l-użu tal-fondi reġjonali Ewropej għat-titjib tal-kundizzjonijiet tad-djar għal komunitajiet marġinalizzati. Din il-miżura, li l-Istati Membri kienu diġà qablu dwarha, se tintlaqa’ partikolarment tajjeb mill-popolazzjoni tar-Roma, li hija stmata li tinkludi madwar 10-12 miljun persuna fl-Ewropa u li ħafna drabi jgħixu f’kundizzjonijiet fqar u segregati ħafna.

Johannes Hahn, il-Kummissarju għall-Politika Reġjonali, feraħ bid-deċiżjoni: “Il-komunità tar-Roma hija l-ikbar minorità fl-Ewropa u spiss tisfa vittma tal-marġinalizzazzjoni, il-faqar u l-esklużjoni soċjali. Jiena nifraħ bid-deċiżjoni tal-lum li, permezz tagħha, il-politika reġjonali se tgħin biex jinkiser iċ-ċirku vizzjuż li dawn il-komunitajiet donnhom imwaħħlin fih. Din għandha tkun parti minn strateġija sħiħa li tinkludi wkoll azzjonijiet fl-oqsma tal-edukazzjoni, is-saħħa, l-affarijiet soċjali u x-xogħol."

Il-leġiżlazzjoni dwar il-fondi strutturali qabel kienet restrittiva ħafna għall-interventi fuq id-djar u l-eliġibilità kienet limitata għat-tnax-il Stat Membru l-ġdid tal-UE (dan l-aħħar iddaħħlu eċċezzjonijiet għal miżuri tal-effiċjenza tal-enerġija u tal-enerġija rinnovabbli), u għar-rinnovazzjoni ta’ abitazzjonijiet kollettivi f’żoni urbani. Madankollu, il-popolazzjonijiet tar-Roma l-biċċa l-kbira jgħixu f’żoni rurali segregati u f’abitazzjonijiet ta’ familja waħda.

Il-miżuri li għadhom kif ġew adottati se jestendu l-użu tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) biex ikopri l-interventi fuq l-abitazzjonijiet favur il-komunitajiet marġinalizzati fl-Istati Membri kollha. L-emenda timmira espliċitament, iżda mhux esklussivament, il-popolazzjoni tar-Roma. L-emenda tkopri l-bdil ta’ djar eżistenti kif ukoll il-bini ta’ djar ġodda, fiż-żoni rurali u wkoll dawk urbani. Il-finanzjament tal-FEŻR mhux se japplika għal proprjetajiet privati iżda biss għal proġetti implimentati mill-awtoritajiet pubbliċi.

L-appoġġ fil-qasam tad-djar se jikkomplementa azzjonijiet usa’

Il-qasam tad-djar huwa meqjus bħala fattur kruċjali għat-titjib tal-integrazzjoni tar-Roma. Madankollu, għandu wkoll ikun parti minn "approċċ integrat” imfassal u implimentat mill-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali biex ikopri kwistjonijiet oħra bħall-edukazzjoni, l-iżvilupp tal-ħiliet, ix-xogħol u s-saħħa.

Il-Fondi Strutturali Ewropew diġà kkofinanzjaw għadd ta’ proġetti li kellhom il-komunitajiet tar-Roma fil-mira, pereżempju, fl-edukazzjoni bikrija tat-tfal, fix-xogħol, fil-mikrofinanzjament u fl-opportunitajiet indaqs (speċjalment fl-ugwaljanza bejn is-sessi). Pereżempju, bis-saħħa tal-investiment tal-UE (EUR 1.11 miljun), se jiġi implimentat proġett ġdid ta' riġenerazzjoni urbana f'waħda mill-ikbar żoni residenzjali tar-Roma fl-Ungerija, fil-belt ta' Nyiregyhaza. L-iskola segregata se tispiċċa u t-toroq, il-plejgrawnds u s-servizzi tal-kura tat-tfal se jiġġeddu.

Minbarra l-finanzjament disponibbli mill-programmi tal-politika reġjonali, il-Parlament Ewropew assenja EUR 5 miljuni lill-Kummissjoni Ewropea għal proġett pilota għall-inklużjoni tar-Roma bi tliet fergħat: l-edukazzjoni bikrija tat-tfal, il-mikrofinanzjament u żieda fl-għarfien. Il-proġett qed jiġi implimentat matul l-2010 u għandu fil-mira primarjament lill-komunitajiet tar-Roma fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant.

Nota għall-edituri

Il-Kummissjoni ressqet il-proposta tagħha f'Lulju 2009 u mbagħad din ġiet diskussa mill-Parlament Ewropew u l-Istati Membri fil-Kunsill.

Ir-riċerka sabet li fil-pajjiżi tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant, iktar minn 50 % tal-popolazzjoni tar-Roma tgħix f'żoni residenzjali parzjalment jew kompletament segregati - xejra ta' iżolament li f'dawn l-aħħar 15-il sena ġiet imsaħħa.

L-2010 ntgħażlet bħala s-Sena Ewropea għall-ġlieda tal-faqar u l-esklużjoni soċjali.

Għal iktar informazzjoni:

http://ec.europa.eu/roma


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website