Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

L-Aġenda Diġitali: Il-Kummissjoni tagħti dettalji dwar pjan ta’ azzjoni biex tixpruna l-prosperità u l-benesseri fl-Ewropa

Commission Européenne - IP/10/581   19/05/2010

Autres langues disponibles: FR EN DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/10/581

Brussell, id-19 ta’ Mejju 2010

L-Aġenda Diġitali: Il-Kummissjoni tagħti dettalji dwar pjan ta’ azzjoni biex tixpruna l-prosperità u l-benesseri fl-Ewropa

L-implimentazzjoni tal-Aġenda Diġitali ambizzjuża għall-Ewropa li l-Kummissjoni Ewropea żvelat illum għandha tikkontribwixxi b’mod sinifikanti għat-tkabbir ekonomiku tal-UE u għandha tifrex il-benefiċċji tal-era diġitali mal-oqsma kollha tas-soċjetà. Nofs it-tkabbir tal-produttività Ewropea matul dawn l-aħħar 15-il sena diġà kien xprunat mit-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ara d-dokument IP/10/571) u jidher li din ix-xerja se tkompli tikber b’rata mgħaġġla. L-Aġenda tagħti dettalji dwar seba’ oqsma ta’ prijorità għall-azzjoni: il-ħolqien ta’ Suq Uniku diġitali, interoperabbiltà akbar, l-ixprunar tal-fiduċja fl-internet u tas-sigurtà tiegħu, aċċess aktar veloċi għall-internet, aktar investiment fir-riċerka u l-iżvilupp, it-titjib tal-ħiliet fil-litteriżmu diġitali u tal-inklużjoni, u l-applikazzjoni tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni biex jiġu indirizzati l-isfidi li s-soċjetà qed tħabbat wiċċha magħhom bħalma huma t-tibdil fl-klima u l-popolazzjoni li qed tixjieħ. L-eżempji tal-benefiċċji jinkludu l-iffaċilitar tal-ħlasijiet u tal-fatturi elettroniċi, il-mobilizzazzjoni ta’ malajr tat-telemediċina u dwal li ma jaħlux wisq enerġija. L-Aġenda Diġitali tipprevedi li se jkun hemm madwar 100 azzjoni ta’ segwitu, li 31 minnhom se jkunu azzjonijiet leġiżlattivi. L-Aġenda Diġitali hija l-ewwel minn seba’ inizjattivi ewlenin skont l-istrategija "Ewropa 2020" għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv (ara d-dokument IP/10/225).

Il-Viċi-President tal-Kummissjoni għall-Aġenda Diġitali, Neelie Kroes, qalet, "Aħna għandna npoġġu l-interessi taċ-ċittadini u tan-negozji Ewropej fuq quddiem nett fir-rivoluzzjoni diġitali u b’hekk nieħdu l-massimu mit-Teknoloġiji tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni (l-ICTs) biex immexxu 'l quddiem il-ħolqien tal-impjiegi, is-sostenibbiltà u l-inklużjoni soċjali. L-istrateġija ambizzjuża mogħtija llum turi b’mod ċar fejn għandna niffukaw l-isforzi tagħna fis-snin li ġejjin. Sabiex nisfruttaw bis-sħiħ il-potenzjal tal-futur diġitali Ewropew, għandna bżonn l-impenn sħiħ tal-Istati Membri, tas-settur tal-ICT u ta’ partijiet interessati ekonomiċi oħra li l-parteċipazzjoni tagħhom hija essenzjali.”

Seba’ għanijiet

Suq Uniku ġdid biex nieħdu l-benefiċċji tal-era diġitali

Iċ-ċittadini għandhom ikunu jistgħu jgawdu s-servizzi kummerċjali u d-divertiment kulturali lil hinn mill-fruntieri. Imma s-swieq onlajn tal-UE xorta waħda għadhom maqsumin minn ostakli li jfixklu l-aċċess għas-servizzi tat-telekomunikazzjoni u għas-servizzi u l-kontenut diġitali fuq livell Ewropew. Illum fl-Amerka titniżżel mill-internet erba’ darbiet aktar mużika milli titniżżel fl-UE minħabba n-nuqqas ta’ offerti legali u s-swieq frammentati. Il-Kummissjoni beħsiebha tiftaħ l-aċċess għall-kontenut legali onlajn billi tissimplifika l-awtorizzazzjoni u l-ġestjoni tad-drittijiet tal-awtur u l-għoti tal-liċenzji relatati bejn il-fruntieri. Azzjonijiet oħra jinkludu l-iffaċilitar tal-ħlasijiet u tal-fatturi elettroniċi u l-issimplifikar tas-soluzzjoni tat-tilwim onlajn.

It-titjib fl-istabbiliment ta’ standards tal-ICTs u fl-interoperabbiltà tagħhom

Sabiex ikunu faċilitati l-ħolqien, l-aggregazzjoni u l-innovazzjoni min-naħa taċ-ċittadini, għandna bżonn ta’ prodotti u servizzi tal-ICT li jkunu miftuħin u interoperabbli.

It-tisħiħ tal-fiduċja u tas-sigurtà

L-Ewropej mhux se jilqgħu teknoloġija li ma jafdawx – hemm bżonn li jħossuhom kunfidenti u sikuri onlajn. Parti mis-soluzzjoni tinsab f’reazzjoni Ewropea iktar ikkoordinata għall-attakki ċibernetiċi kif ukoll fit-tisħiħ tar-regoli dwar il-protezzjoni tad-dejta personali. Jista’ jkun hemm ukoll azzjonijiet li potenzjalment jobbligaw lill-operaturi tas-siti tal-internet sabiex jinfurmaw lill-utenti tagħhom dwar il-ksur ta' sigurtà li jaffettwa d-dejta personali tagħhom.

Iż-żieda fl-aċċess taċ-ċittadini Ewropej għal internet veloċi u għal internet li huwa veloċi ħafna

Il-mira għall-2020 hija li jkun hemm veloċitajiet tal-internet ta’ 30 Mbps jew aktar għaċ-ċittadini Ewropej kollha, u li nofs id-djar Ewropej ikollhom abbonament għal konnessjonijiet ta’ 100 Mbps jew iktar. Illum, huma biss 1 % tal-Ewropej li għandhom konnessjoni tal-internet veloċi abbażi tal-fibra, meta mqabbel ma’ 12 % tal-Ġappuniżi u 15 % tas-Sud Koreani (ara t-tabella t’hawn taħt). L-internet veloċi ħafna huwa essenzjali biex l-ekonomija tissaħħaħ, biex jinħolqu l-impjiegi u l-prosperità, u biex jiġi żgurat li ċ-ċittadini jkollhom aċċess għall-kontenut u s-servizzi li jridu. Il-Kummissjoni sejra tesplora, fost l-oħrajn, kif tista’ tattira l-investiment fil-broadband permezz ta' mekkaniżi għat-tisħiħ tal-kreditu u se tagħti gwida dwar kif wieħed jista' jinkuraġġixxi l-investimenti fin-netwerks ibbażati fuq il-fibra.

L-ixprunar tar-riċerka l-iktar avvanzata u tal-innovazzjoni fl-ICTs

L-Ewropa trid tinvesti aktar fir-Riċerka u fl-Iżvilupp u tiżgura li l-aqwa ideat tagħna jaslu fis-suq. L-Aġenda qegħda timmira, fost l-oħrajn, li ġġib ukoll investimenti privati flimkien mal-finanzjament reġjonali Ewropew u li żżid il-finanzjament tal-UE fil-qasam tar-riċerka biex tiżgura li l-Ewropa żżomm mal-pass tal-kompetituri tagħha u li saħansitra taqbiżhom. L-investiment tal-UE fir-riċerka fil-qasam tal-ICT huwa anqas min-nofs il-livelli investiti mill-Istati Uniti (investiment ta' EUR 37 biljun meta mqabbel ma' EUR 88 biljun fl-2007).

L-għoti ta’ ħiliet diġitali liċ-ċittadini Ewropej kollha u ta' servizzi onlajn li ċ-ċittadini Ewropej kollha jkollhom aċċess għalihom

Aktar minn nofs iċ-ċittadini Ewropej (250 miljun ruħ) jużaw l-internet kuljum, imma 30 % oħrajn qatt ma użawh. Kulħadd, kemm jekk żgħir kif ukoll jekk kbir u irrispettivament mill-isfond soċjali tiegħu, huwa intitolat li jkollu l-għarfien u l-ħiliet li għandu bżonn biex jieħu sehem fl-era diġitali, peress li kemm is-servizzi kummerċjali, pubbliċi, soċjali u tas-saħħa kif ukoll it-tagħlim u l-ħajja politika qegħdin kulma jmur jispiċċaw jitwettqu onlajn.

L-użu sħiħ tal-potenzjal tal-ICTs għall-benefiċċju tas-soċjetà

Hemm bżonn li ninvestu fl-użu intelliġenti tat-teknoloġija u fl-isfruttar tal-informazzjoni biex insibu soluzzjonijiet biex innaqqsu l-konsum tal-enerġija, biex ngħinu liċ-ċittadini li qed jikbru fl-età, biex nagħtu s-setgħa lill-pazjenti u biex intejbu l-aċċess onlajn għall-persuni b'diżabbiltà. Għan minnhom jista’ jkun li, sal-2015, il-pazjenti jkun jista jkollhom aċċess għad-dokumenti mediċi tagħhom onlajn ikunu fejn ikunu fl-UE. L-Aġenda se tixpruna wkoll it-teknoloġiji tal-ICT li jgħinu biex tiġi ffrankata l-enerġija bħat-teknoloġija tas-"Solid State Lighting" (SSL) li tuża 70% anqas enerġija mis-sistemi standard tad-dawl.

It-twassil tal-Istrateġija Diġitali għall-Ewropa

L-akbar sfida hija li jiġu żgurati l-adozzjoni u l-implimentazzjoni ta’ malajr tal-miżuri meħtieġa biex jintlaħqu l-għanijiet imsemmija hawn fuq. Għadd kbir ta’ Kummissarji se jkunu qed jaħdmu flimkien mal-istituzzjonijiet tal-UE u mal-partijiet interessati sabiex l-Aġenda Diġitali titwettaq fir-realtà

Sfond

Fl-indirizz tal-internet li ġej, wieħed jista’ jsib pakkett għall-ġurnalisti dwar l-Aġenda Diġitali:

http://ec.europa.eu/information_society/newsroom/cf/itemdetail.cfm?item_id=5826

Wieħed jista’ jsib serje ta’ ritratti awdjoviżivi fl-indirizz tal-internet li ġej:

http://ec.europa.eu/avservices/video/video.cfm?sitelang=en&type=1

Ara wkoll id-dokumenti bin-numri MEMO/10/199 u MEMO/10/200.

Anness

Virtuous cycle of the digital economy

Figures and graphics available in PDF and WORD PROCESSED

Source: Eurostat Community Survey on ICT Usage by Households and by Individuals 2009

Figure 1: Fibre to the Home (FTTH) penetration in July 2009

Figures and graphics available in PDF and WORD PROCESSED

Source: Point Topic


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site