Navigation path

Left navigation

Additional tools

L-Ambjent: L-istrateġija l-ġdida tal-Kummissjoni għandha l-għan li tiggwadanja ferm aktar mill-bijoskart

European Commission - IP/10/578   18/05/2010

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/10/578

Brussell, it-18 ta' Mejju 2010

L-Ambjent: L-istrateġija l-ġdida tal-Kummissjoni għandha l-għan li tiggwadanja ferm aktar mill-bijoskart

Il-Kummissjoni Ewropea, illum, fasslet miżuri biex ittejjeb il-ġestjoni tal-bijoskart fl-UE u tisfrutta l-benefiċċji ambjentali u ekonomiċi sinifikanti ta' din il-ġestjoni. L-iskart bijodegradabbli tal-ġonna, il-kċejjen u l-ikel jammonta għal 88 miljun tunnellata ta' skart muniċipali fis-sena u għandu impatti potenzjali kbar fuq l-ambjent. Iżda għandu wkoll potenzjal konsiderevoli bħala sors ta' enerġija rinnovabbli u ta' materjal riċiklat. Il-Komunikazzjoni tal-lum tippromwovi azzjoni li tillibera dan il-potenzjal billi tuża bl-aħjar mod possibbli l-leġiżlazzjoni eżistenti filwaqt li tagħti diskrezzjoni lill-Istati Membri biex jagħżlu l-alternattivi li huma adattati bl-aħjar mod għaċ-ċirkostanzi individwali tagħhom. Se jkunu meħtieġa wkoll inizjattivi ta' appoġġ fil-livell tal-UE.

Il-Kummissarju għall-Ambjent, Janez Potočnik, qal: "Diġà għandna korp ta' leġiżlazzjoni sinifikanti li jirregola l-bijoskart fl-UE. Iżda permezz ta' implimentazzjoni u inforzar aħjar, nistgħu nisiltu aktar benefiċċji mill-bijoskart. Dan ma jgħinx biss fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima: il-produzzjoni ta' kompost u bijogass ta' kwalità tajba tikkontribwixxi għal ħamrija b'saħħitha u rata anqas mgħaġġla ta' telf tal-bijodiversità."

Il-bijoskart – potenzjal li għadu ma ġiex sfruttat

Valutazzjoni tal-Kummissjoni identifikat benefiċċji ambjentali u ekonomiċi sinifikanti minn ġestjoni mtejba tal-bijoskart fl-UE.

Il-Komunikazzjoni tal-lum tistabbilixxi rakkomandazzjonijiet dwar it-triq li twassalna biex niksbu bis-sħiħ dawn il-benefiċċji. L-approċċi l-aktar promettenti jinkludu l-prevenzjoni tal-bijoskart u t-trattament bijoloġiku permezz tal-produzzjoni tal-kompost u l-bijogass.

It-theddida ambjentali ewlenija mill-bijoskart hija l-produzzjoni tal-metan, gass serra qawwi ħafna li saħansitra huwa 25 darba aktar qawwi mid-diossidu tal-karbonju. Li kieku t-trattament bijoloġiku tal-iskart jiżdied kemm jista' jkun, il-benefiċċju l-aktar viżibbli u sinifikanti jkun dak li jiġu evitati emissjonijiet ta' gassijiet serra – stmati għal madwar 10 miljun tunnellata ta' CO2 ekwivalenti fl-2020.

Madwar terz tal-mira tal-UE għall-2020 għall-enerġija rinnovabbli fit-trasport jista' jintlaħaq bl-użu tal-bijogass prodott mill-bijoskart, filwaqt li madwar 2 % tal-mira totali ta' enerġija rinnovabbli tal-UE jista' jintlaħaq li kieku l-bijoskart kollu kellu jitbiddel f'enerġija.

Il-kompost u l-prodott tad-diġestjoni anerobika li jkunu ta' kwalità tajba jistgħu jtejbu l-effiċjenza tar-riżorsi billi b'mod parzjali jissostitwixxu fertilizzanti minerali li mhumiex rinnovabbli kif ukoll billi jżommu l-kwalità tal-ħamrija tal-UE.

L-implimentazzjoni sħiħa tal-politiki eżistenti appoġġata minn ġestjoni mtejba tal-bijoskart għandha tipprovdi benefiċċji ambjentali u ekonomiċi stmati bejn €1.5 u €7 biljun, skont kemm tkun kbira l-ambizzjoni tal-politiki ta' riċiklaġġ u prevenzjoni.

Azzjonijiet prijoritarji

Skont l-analiżi tal-Kummissjoni mhemm l-ebda nuqqas fil-politiki fil-livell tal-UE li jista' jipprevjeni lill-Istati Membri milli jieħdu azzjoni xierqa. Il-progress miksub f'diversi Stati Membri juri li l-leġiżlazzjoni dwar l-iskart eżistenti hija bażi eċċellenti għal ġestjoni avvanzata tal-bijoskart. Għal dan il-għan jeħtieġ li l-għodod disponibbli jintużaw b'mod sħiħ u jiġu inforzati b'mod rigoruż kull fejn ikun meħtieġ fl-Istati Membri kollha.

Azzjonijiet prijoritarji jinkludu inforzar rigoruż tal-miri li jiddevjaw il-bijoskart mill-miżbliet, applikazzjoni xierqa tal-ġerarkija tal-iskart u dispożizzjonijiet oħra tad-Direttiva Qafas dwar l-Iskart biex l-introduzzjoni ta' sistemi ta' ġbir separat tkun kwistjoni ta' prijorità.

Inizjattivi ta' appoġġ fil-livell tal-UE – bħal pereżempju l-iżvilupp ta' standards għall-kompost – għandhom ikunu kruċjali biex iħaffu l-progress u jiżguraw sitwazzjoni ta' kundizzjonijiet ugwali fl-UE kollha. Dan se jinvolvi gwida u indikaturi speċifiċi għall-prevenzjoni tal-bijoskart u l-possibbiltà ta' miri vinkolanti fil-futur, kif ukoll standards għall-kompost u linji gwida dwar l-applikazzjoni ta' perspettiva dwar iċ-ċiklu tal-ħajja u valutazzjoni ta' dan fis-settur tal-iskart.

Il-ġestjoni tal-bijoskart fl-Istati Membri

L-Istati Membri għandhom politiki nazzjonali diverġenti ħafna għall-ġestjoni tal-bijoskart, li jvarjaw minn azzjoni limitata ħafna f'uħud mill-Istati Membri għal politiki ambizzjużi fi Stati Membri oħra.

Il-benefiċċji ambjentali u ekonomiċi ta' metodi ta' trattament differenti għall-bijoskart jiddependu mill-kundizzjonijiet lokali bħal pereżempju d-densità tal-popolazzjoni, il-klima u l-infrastruttura.

L-ikkompostjar u d-diġestjoni anerobika joffru l-alternattivi ambjentali u ekonomiċi l-aktar promettenti għall-bijoskart li ma jistax jiġi evitat. Madankollu, prekundizzjoni importanti hija input ta' kwalità tajba għal dawn il-proċessi. Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet dan jista' jinkiseb permezz ta' ġbir separat tal-bijoskart.

Sistemi effiċjenti ħafna bbażati fuq is-separazzjoni ta' flussi varji ta' bijoskart diġà jeżistu fl-Awstrija, fil-Ġermanja, fil-Lussemburgu, fl-Isvezja, fil-Belġju, fil-Pajjiżi l-Baxxi, f'Cataluña fi Spanja u f'ċerti reġjuni fl-Italja.

Il-Komunikazzjoni dwar il-bijoskart hija disponibbli fuq:

http://ec.europa.eu/environment/waste/compost/index.htm


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website