Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/10/577

Brussell, it-18 ta’ Mejju 2010

L-Ambjent: Skarsezza tal-ilma u nuqqas ta’ xita - tħassib serju għal ħafna żoni fl-Ewropa

Il-Kummissjoni Ewropea llum ippubblikat rapport dwar il-progress tal-Istati Membri fil-mod li bih qed jindirizzaw l-iskarsezza tal-ilma u n-nuqqas ta' xita. Minkejja li fl-2009 niżlet aktar xita fil-pajjiżi li jinsabu fin-Nofsinhar tal-Ewropa milli fis-snin ta’ qabel, għad hemm bżonn ta’ sforzi akbar biex jitwaqqaf u jitreġġa' lura l-isfruttar żejjed tar-riżorsi limitati tal-ilma tal-Ewropa. Politika effettiva dwar l-iffissar tal-prezzijiet tal-ilma, l-effikaċja fl-użu tal-ilma u miżuri biex ma jinħeliex ilma huma essenzjali biex jiġi żgurat li l-Ewropa jkollha biżżejjed ilma ta’ kwalità tajba biex tlaħħaq mal-ħtiġijiet tal-utenti u taffronta l-isfidi tat-tibdil fil-klima.

Il-Kummissarju tal-UE għall-Ambjent, Janez Potočnik, qal: "L-ilma huwa l-ħajja – għalhekk il-politika tal-ilma hija l-assigurazzjoni tal-ħajja tagħna. Dan ir-rapport jenfasizza l-importanza tal-integrazzjoni tal-politika tal-ilma f’għanijiet ta’ politika aktar wesgħin fuq il-livelli kollha, kemm fuq dawk tal-UE kif ukoll dawk nazzjonali. Fuq kollox, il-politiki tal-ilma tagħna jridu jkunu sostenibbli: ma nistgħux nibqgħu nisselfu l-ilma mill-futur."

L-iskarsezza tal-ilma – kwistjoni Ewropea

Il-bilanċ bejn id-domanda tal-ilma u l-kwantità tal-ilma disponibbli laħaq livell kritiku f’ħafna żoni tal-Ewropa. L-iskarsezza tal-ilma u n-nuqqas ta’ xita spiċċaw saru sfida serja, u huwa mistenni li s-sitwazzjoni tiggrava minħabba t-tibdil fil-klima.

Dan ir-rapport ġdid juri li xi Stati Membri bdew isofru minn skarsezza permanenti mal-pajjiż kollu. Il-problema mhijiex limitata għall-pajjiżi Mediterranji. Ir-Repubblika Ċeka irrapportat żoni fejn ħafna drabi jkun hemm skarsezza tal-ilma, filwaqt li Franza u l-Belġju rrappurtaw saffi fil-blat jew fil-ħamrija li qed ikunu sfruttati b’mod eċċessiv.

Il-Kummissjoni ilha diversi snin tħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex jadottaw alternattivi ta' politika bħall-ipprezzar tal-ilma, għodod imtejba għall-ġestjoni tal-ilma u miżuri ta' effiċjenza u għall-iffrankar tal-ilma.

Rapport magħmul mill-Kummissjoni fl-2009 wera li l-introduzzjoni tar-rekwiżi obbligatorji dwar l-apparat li juża l-ilma skont id-Direttiva dwar l-Ekodisinn estiża tista' toħloq iffrankar sinifikanti. Kieku kellhom jiġu inklużi l-prodotti domestiċi kollha li jużaw l-ilma jkun hemm tnaqqis ta' 19% fil-konsum totali tal-ilma - tnaqqis ta' 3.2% fl-astrazzjoni totali annwali tal-ilma tal-UE. It-tnaqqis fil-konsum tal-ilma fi prodotti relatati mal-enerġija bħal viti, doċċiet u banjijiet jista' wkoll jirriżulta fi tnaqqis potenzjali ta' 20% fil-ħtiġijiet ta' tisħin, filwaqt li tibdil fil-ħin meħud għad-doċċa, fil-frekwenza li jittieħdu l-banjijiet kif ukoll fl-użu tal-viti jista' jwassal għal iffrankar ta' bejn 20% u 30%

Ir-rapport tal-lum jikkonferma li ġestjoni tajba tal-ilma għandha tkun abbażi ta' ġerarkija tal-ilma, bil-prijorità tkun fuq il-ġestjoni tat-talba għall-ilma. Alternattivi għall-provvista għandhom ikunu kkunsidrati biss meta jkun eżawrit il-potenzjal għall-iffrankar tal-ilma.

Dan ir-rapport jesprimi wkoll it-tħassib tal-Kummissjoni dwar l-ittardjar fl-implimentazzjoni tad-Direttiva ta’ Qafas dwar l-Ilma fl-Istati Membri li qegħdin isofru l-aktar minħabba l-iskarsezza tal-ilma. Minkejja li d-data ta’ skadenza sabiex l-Istati Membri jippreżentaw il-pjanijiet tagħhom għall-ġestjoni tal-baċiri tax-xmajjar tal-Ewropa kienet f'Marzu, xi Stati Membri għadhom lanqas biss bdew il-konsultazzjonijiet.

Lejn mudell għas-salvagwardja tal-ilmijiet tal-UE

Il-Kummissjoni qed tniedi għadd ta’ attivitajiet ta’ preparazzjoni fid-dawl tal-analiżi ta’ politika tal-2012 dwar l-iskarsezza tal-ilma u n-nuqqas ta' xita. Fl-2010, l-attenzjoni se tkun fuq l-effiċjenza u b'mod partikolari l-potenzjal għall-iffrankar fl-użu tal-ilma fil-binjiet, tnaqqis ta' tnixxijiet tal-ilma u l-effiċjenza tal-ilma fl-agrikoltura.

Ir-riżultati ta’ dawn l-attivitajiet se jiddaħħlu fil-'Mudell għas-salvagwardja tal-ilmijiet tal-UE' flimkien ma' analiżi tal-implimentazzjoni tad-Direttiva ta' Qafas dwar l-Ilma u analiżi tal-vulnerabbiltà tar-riżorsi ambjentali bħall-ilma, il-biodiversità u l-ħamrija għall-impatti klimatiċi u pressjonijiet oħra li ġejjin mill-bniedem.

Ir-rapport sħiħ jinstab fi:

http://ec.europa.eu/environment/water/quantity/eu_action.htm#2009


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website