Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/10/572

Brussell, 17 ta' Mejju 2010

Il-ġlieda kontra l-esportazzjoni illegali tal-injam: l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Kongo jiffirmaw ftehim ta' partenarjat

Illum, l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Kongo ffirmaw il-Ftehim ta' Partenarjat Volontarju dwar il-Governanza tal-Infurzar tal-Liġi Forestali u l-Kummerċ. Il-ftehim jipprevedi li, sa minn Lulju tal-2011, il-prodotti tal-injam kollha li jidħlu fl-Unjoni Ewropea mir-Repubblika tal-Kongo se jkunu obbligati li jkollhom liċenzja li turi li fihom injam u prodotti tal-injam ta' oriġini legali. Il-konsumaturi Ewropej se jkunu assigurati li l-injam u l-prodotti tal-injam importati mir-Repubblika tal-Kongo huma ta' oriġini legali.

Il-Kummissjarju Ewropew għall-Iżvilupp Andris Piebalgs iddikjara: "Il-Ftehim huwa strument kruċjali mfassal sabiex jiġġieled kontra l-isfruttament illegali tal-foresti. Huwa se jgħin lis-settur tal-foresti tar-Repubblika tal-Kongo sabiex jiżviluppa b'mod sostenibbli u joħloq l-impjiegi. Fl-istess ħin, se jagħti lill-konsumaturi Ewropej garanzija li l-injam tropikali huwa ta' oriġini legali. Dan il-ftehim juri wkoll kif il-politika tal-iżvilupp tal-UE tista' taħdem f'koerenza mal-miri ambjentali tal-UE".

Il-Kummissarju għall-Ambjent Janez Potočnik, li ffirma l-Ftehim ta' Partenarjat Volontarju f'isem il-Kummissjoni Ewropea żied: "It-tnaqqis tad-deforestazzjoni u l-isfruttament illegali taż-żoni forestali huwa essenzjali għall-ħolqien ta' klima aħjar għall-investiment fit-tul f'ġestjoni sostenibbli tal-foresti. Nittama li aktar pajjiżi jsegwu l-eżempju tar-Repubblika tal-Kongo u jingħaqdu ma' din l-inizjattiva."

Il-Ministru Henri Djombo, responsabbli mill-foresti, l-iżvilupp sostenibbli u l-ambjent iffirma l-Ftehim għar-Repubblika tal-Kongo, li huwa l-ewwel wieħed fil-Baċin tal-Kongo u t-tieni minn serje ta' ftehimiet bilaterali li qed jiġu nnegozjati bejn l-UE u l-pajjiżi li jipproduċu l-injam (l-ewwel wieħed ġie ffirmat mal-Gana s-sena l-oħra). L-implimentazzjoni b'suċċess tal-Ftehim tirrikjedi ħidma u investiment f'numru ta' oqsma kruċjali. Sistema nazzjonali tat-traċċabilità tal-injam prevista fil-partenarjat hija diġà taħt żvilupp, appoġġjata mill-Unjoni Ewropea b'EUR 2 miljun u b'kofinanzjament nazzjonali ta' EUR 1.08 miljun.

Il-Ftehim se jidħol fis-seħħ ladarba jiġi ratifikat miż-żewġ naħat u – issa li daħal fis-seħħ it-Trattat ta' Liżbona – wara l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew. Dan il-ftehim huwa volontarju għall-pajjiżi esportaturi. Madankollu, ladarba jidħol fis-seħħ huwa jsir legalment vinkolanti fuq iż-żewġ partijiet, u jorbothom li jagħmlu kummerċ biss f'injam legali.

Il-kuntest

Ir-Repubblika tal-Kongo tesporta aktar minn EUR 250 miljun kull sena f'injam u prodotti tal-injam, li madwar nofshom jinxtraw mill-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea. Il-Portugall, Spanja, Franza, il-Ġermanja, il-Pajjiżi l-Baxxi u l-Belġju huma l-importaturi Ewropej prinċipali.

Ir-Repubblika tal-Kongo hija t-tieni pajjiż li ffirma l-Ftehim wara l-Gana fl-2009. Jinsabu għaddejjin negozjati ma' pajjiżi bħall-Kamerun, il-Malażja, l-Indoneżja, il-Liberja u r-Repubblika Ċentru-Afrikana.

Għal aktar tagħrif dwar l-inizjattiva tal-Governanza tal-Infurzar tal-Liġi Forestali u l-Kummerċ tista' żżur dan is-sit tal-internet: website.

Ara wkoll MEMO: MEMO/10/194


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website