Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/10/566

Brussell, it-12 ta' Mejju 2010

Ħames snin ta' Politika Ewropea tal-Viċinat: aktar kummerċ, aktar għajnuna, aktar kuntatti bejn in-nies

Ir-rapporti annwali tal-Politika Ewropea tal-Viċinat għal darba oħra juru l-benefiċċji ċari li l-Unjoni Ewropea ġġib għall-ġirien tagħha. Għal ħames snin, l-Unjoni Ewropea pprovdiet aktar kummerċ, aktar għajnuna, aktar kuntatti bejn in-nies u kooperazzjoni ħafna aktar profonda bejn l-UE u l-ġirien tagħha dwar il-firxa kollha tar-riformi ekonomiċi, politiċi u settorjali tagħhom. Il-partenarjat tagħna żviluppa b'mod sinifikanti f'oqsma bħat-trasport, l-enerġija, l-ambjent u t-tibdil fil-klima, ir-riċerka, is-saħħa u l-edukazzjoni. Dan ġie appoġġjat minn żieda ta' 32% fil-Qafas Finanzjarju kurrenti, li se jaqbeż iż-EUR 2 biljun kull sena fl-2013.

"Il-Politika Ewropea tal-Viċinat hija storja ta' suċċess b'bosta eżempji ta' kisbiet konkreti," ikkummentat Catherine Ashton, il-Viċi-President tal-Kummissjoni u Rappreżentant Għoli tal-Unjoni Għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà. "Iżda hemm ħafna aktar li nistgħu u għandna nagħmlu sabiex il-parti tad-dinja li qegħdin fiha jkollha aktar sigurtà, stabbiltà u prosperità. F'dinja globalizzata, bħala pajjiżi Ewropej u Mediterranji, jenħtieġ li ngħinu lil xulxin niffaċċjaw il-kriżi ekonomika. Jenħtieġ li naħdmu flimkien sabiex nikkonfrontaw it-theddidiet u l-isfidi l-ġodda ta' żmienna, bħat-terroriżmu internazzjonali, it-traffikar tal-bnedmin u l-kriminalità organizzata transkonfinali. Jenħtieġ li nikkooperaw sabiex insolvu t-tilwim u l-kunflitti li għadhom qed iżommu lura partijiet mir-reġjun tagħna, u jiċħdu lil ħafna nies komuni l-benefiċċji tal-globalizzazzjoni. Irridu li l-ġirien tagħna jingħaqdu magħna fl-isforzi tagħna sabiex inġibu l-paċi u s-sigurtà f'partijiet oħra tad-dinja li huma anqas ixxurtjati minna. U, bħala Unjoni mibnija fuq valuri komuni, irridu li l-ġirien tagħna jibbenefikaw mill-istabbiltà u l-prosperità li jġibu magħhom soċjetà miftuħa u demokratika u l-istat tad-dritt. Din l-aġenda ambizzjuża hija prijorità ewlenija għalija hekk kif qed nimxu 'l quddiem bl-implimentazzjoni tat-Trattat ta' Lisbona u t-twaqqif tas-Servizz ta' Azzjoni Esterna. Il-ħbieb tagħna fil-viċinat Ewropew u Mediterranju tagħna se jkunu minn tal-ewwel li jibbenefikaw mill-politika barranija aktar attiva, aktar koerenti u aktar effettiva tal-Ewropa."

Štefan Füle, il-Kummissarju għat-Tkabbir u l-Politika Ewropea tal-Viċinat, żied: "It-tisħiħ ulterjuri tal-PEV mhuwa xejn anqas minn investiment fl-istabbiltà u l-prosperità tal-UE stess - u dan għandu jkun rifless f'dak li noffru lis-sħab tagħna. Il-PEV hija logħba li fiha jirbaħ kulħadd: aktar ma jkunu kbar l-ambizzjonijiet ta' riforma tas-sħab tagħna, akbar ikun ir-rispons tagħna. Ir-riformi ekonomiċi għamlu progress qawwi madwar il-viċinat tagħna, kemm lejn il-Lvant kif ukoll lejn in-Nofsinhar. Dak li huwa essenzjali għall-futur huwa li nsaħħu aktar il-ħidma tagħna dwar ir-riformi demokratiċi u politiċi, fejn il-progress kien reali iżda ġeneralment aktar bil-mod."

Kisbiet tal-Politika Ewropea tal-Viċinat 2004-2009

Sal-2004 ġew konklużi Ftehimiet bilaterali ta' Assoċjazzjoni mal-biċċa l-kbira tas-sħab tal-PEV tan-Nofsinhar, filwaqt li t-tisħiħ tar-relazzjonijiet mas-sħab l-aktar avvanzati jinsab għaddej bħalissa (pereżempju, l-istatus avvanzat - statut avancé – ilu jiġi implimentat mal-Marokk sa mill-2008). Fil-Lvant, f'konsistenza mal-objettivi tal-Partenarjat tal-Lvant, il-Ftehimiet ta' Partenarjat u Kooperazzjoni kurrenti qed jiġu sostitwiti bi Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni wiesgħa.

Il-PEV għandha l-għan ukoll li ttejjeb il-governanza. L-elezzjonijiet presidenzjali riċenti fl-Ukraina, it-tieni fażi tal-elezzjonijiet parlamentari fil-Moldova, kif ukoll titjib fil-kwalità tal-elezzjonijiet fil-Marokk jew il-Libanu juru xi progress fil-proċess demokratiku. Dwar il-libertà tal-assoċjazzjoni, il-piena tal-mewt, il-libertà tal-istampa, id-drittijiet tal-minoranzi, u kwistjonijiet oħra tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, kien hemm titjib f'diversi pajjiżi tal-PEV iżda l-progress ġeneralment ma kkorrispondiex mal-ambizzjonijiet espressi b'mod konġunt fil-PEV u fil-Pjanijiet ta' Azzjoni. Baqa' bosta xi jsir ukoll f'termini ta' riformi ġudizzjarji u tal-amministrazzjoni pubblika u l-ġlieda effettiva kontra l-korruzzjoni.

Fir-rigward tal-mobilità, aktar minn 2 miljun viża tal-UE ta' Schengen inħarġu fil-viċinat tagħna fl-2008. Saru ftehimiet ta' faċilitazzjoni tal-viżi u ta' riammissjoni mal-Ukraina u l-Moldova u ġew konklużi n-negozjati mal-Ġeorġja. Il-Partenarjati tal-Mobilità għall-promozzjoni tal-migrazzjoni legali ġew miftiehma mal-Moldova u l-Ġeorġja. Madankollu, hemm aktar xi jsir sabiex jintuża l-potenzjal sħiħ tal-PEV, inklużi programmi li jwasslu għal sistema ta' ħelsien mill-viżi għal żjajjar qosra mal-Ukraina u l-Moldova.

Il-kummerċ tal-UE mar-reġjun tal-PEV kiber matul l-2004-2008, bl-esportazzjonijiet tal-UE jiżdiedu bi 63% u l-importazzjonijiet b'91% (l-2009 ġab xi tnaqqis, minħabba l-kriżi ekonomika u finanzjarja globali). L-UE hija lesta li tinnegozja Żoni ta' Kummerċ Ħieles Profondi u Komprensivi mal-ġirien kollha tagħha hekk kif dawn ikunu lesti għalihom. Diġà ttieħdu passi oħra lejn integrazzjoni ekonomika akbar, inkluż l-innegozjar ta' numru ta' ftehimiet settorjali minn prodotti agrikoli u tas-sajd sa żona komuni tal-avjazzjoni.

Il-kooperazzjoni fil-qasam tal-enerġija ssaħħet permezz ta' Memoranda ta' Ftehim jew Dikjarazzjonijet mal-Ażerbajġan, il-Belarus, l-Ukraina, l-Eġittu, il-Ġordan u l-Marokk. Fl-2009, l-Ukraina u l-Moldova ġew ammessi, suġġett għal kundizzjonijiet, sabiex jaċċedu għat-Trattat tal-Komunità tal-Enerġija, u l-Ġeorġja saret osservatur.

L-UE pprovdiet kważi EUR 12-il biljun fl-2007-2013 għall-implimentazzjoni tal-politika tal-PEV. Minbarra dan, il-Faċilità tal-Investiment tal-Viċinat tal-UE, appoġġjata mill-baġit tal-UE u minn dawk tal-Istati Membri, tipprovdi appoġġ permezz ta' għotjiet għal-leveraging ta' self (aktar minn 2007-2009) għal investimenti konkreti fit-trasport, l-ambjent, l-enerġija, is-setturi privati u soċjali.

Il-kuntest

Il-Politika Ewropea tal-Viċinat għandha l-għan li żżid l-istabbiltà, il-prosperità u s-sigurtà komuni. Fuq il-bażi tal-Pjan ta' Azzjoni Konġunt, l-UE tappoġġja lill-pajjiżi sħab fl-implimentazzjoni tar-riformi tagħhom għat-titjib tal-istandards tagħhom tad-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem, għaż-żieda tal-aċċess tagħhom għas-suq uniku tal-UE, għat-titjib tal-ambjent u għat-tisħiħ tal-kooperazzjoni tagħhom mal-UE fuq kwistjonijiet bħat-tibdil fil-klima, l-enerġija, it-trasport u l-immigrazzjoni.

Illum, il-Kummissjoni ppubblikat il-"Pakkett tal-PEV" annwali tagħha, li jikkonsisti f'dawn li ġejjin: Komunikazzjoni li tħares lura lejn il-kisbiet ta' politika sa mit-tnedija tal-PEV fl-2004, 12-il rapport dwar il-progress miksub fl-2009 mit-12-il pajjiż li ffirmaw Pjanijiet ta' Azzjoni tal-PEV mal-UE, kif ukoll rapport ta' progress settorjali.

Id-dokumenti disponibbli jinkludu:

  • Il-Komunikazzjoni "Ħarsa lura lejn il-Politika Ewropea tal-Viċinat" (Brussell, it-12 ta' Mejju 2010),

  • Ir-rapporti individwali tal-pajjiżi għall-2009 għall-Armenja, l-Ażerbajġan, l-Eġittu, il-Ġeorġja, Iżrael, il-Ġordan, il-Libanu, il-Marokk, ir-Repubblika tal-Moldova, it-Territorju Palestinjan Okkupat, it-Tuneżija, u l-Ukraina.

  • Rapport settorjali: http://ec.europa.eu/world/enp/documents_en.htm

Għal iktar tagħrif dwar il-PEV: http://ec.europa.eu/world/enp/index_en.htm


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website