Navigation path

Left navigation

Additional tools

L-UE u n-NATO jingħaqdu biex jagħmlu lin-nisa atturi tal-paċi u s-sigurtà

European Commission - IP/10/54   27/01/2010

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/10 /54

Brussell, 27 ta’ Jannar 2010

L-UE u n-NATO jingħaqdu biex jagħmlu lin-nisa atturi tal-paċi u s-sigurtà

Illum il-Viċi President Margot Wallström u s-Segretarju Ġenerali tan-NATO Anders Fogh Rasmussen ospitaw konferenza ta' livell għoli dwar in-nisa, il-paċi u s-sigurtà fil-bini tal-Kummissjoni Ewropea. Din il-konferenza rat il-parteċipazzjoni tal-Ewwel Viċi President Spanjol Maria Teresa Fernández de la Vega, l-eks Segretarju tal-Istat Amerikan Madeleine Albright, flimkien mar-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili, uffiċjali militari, min ifassal il-politika ta' livell għoli u n-nies preżenti. Il-parteċipanti kkonkludew li l-operazzjonijiet kollha mmexxija mill-UE u n-NATO jridu jkunu konformi mar-riżoluzzjonijiet tan-NU relatati man-nisa, il-paċi u s-sigurtà u jridu jkunu appoġġjati minn taħriġ, edukazzjoni, monitoraġġ u mekkaniżmi ta' valutazzjoni xierqa.

"Jien bil-qalb kollha nilqa' l-kooperazzjoni msaħħa man-NATO fil-qasam tan-nisa, il-paċi u s-sigurtà, u l-impenn konġunt tagħna biex nagħfsu fuq l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni internazzjonali eżistenti. Billi naħdmu flimkien biss - internazzjonalment, reġjonalment u mas-soċjetà ċivili - se nkunu nistgħu niġġieldu l-marġinalizzazzjoni tan-nisa li hija theddida reali għas-sigurtà globali," qalet Catherine Ashton, ir-Rappreżentant Għoli tal-UE u l-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea.

"Jiena rreali zzajt li s-sigurtà tan-nisa hija l-aqwa indikatur tas-sigurtà ta' nazzjon. Sakemm ma nsaħħux id-drittijiet u r-responsabilitajiet tan-nisa globalment, il-miri tal-politika barranija mhux se jkunu jistgħu jintlaħqu, u dawk li jintlaħqu se jispiċċaw ikunu insostenibbli. Id-dispożizzjonijiet tan-NU jipprovdulna qafas ġuridiku b'saħħtu biex tiġi indirizzata l-vjolenza bbażata fuq is-sessi. Issa hemm bżonn li l-kliem jinbidlu f'fatti," qalet Margot Wallström, Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea.

Kif ġie enfasizzat minn Maria Teresa Fernández de la Vega, l-Ewwel Viċi President tal-gvern Spanjol, "f'żoni ta' kunflitt ħafna battalji jiġu miġġielda mingħajr gannijiet. In-nisa spiss ikunu fuq quddiem ta' dawn l-isfidi biex jiżguraw kundizzjonijiet deċenti tal-għixien għall-familji u l-komunitajiet. Wieħed mill-għanijiet tal-Presidenza Spanjola huwa l-promozzjoni tar-rwol tan-nisa fl-iżvilupp sostenibbli u l-ħolqien tal-paċi."

Skont is-Segretarju Ġenerali tan-NATO Anders Fogh Rasmusse, "irridu nqawwu lin-nisa u nikkonfrontaw il-vittimizzazzjoni jekk se nittrattaw b'suċċess l-isfidi ta' sigurtà tas-seklu 21. Din mhuwiex kompitu biss tan-NATO, imma sfida li l-Alleanza, l-Unjoni Ewropea, u l-atturi tas-soċjetà ċivili jridu jindirizzaw flimkien. Jiena nqawwi qalbi bl-approċċ komuni li rajna llum."

Il-konferenza , organizzata flimkien mal-Aġenda ta' Sigurtà u Difiża, tfasslet bħala avveniment li jqajjem kuxjenza fid-dawl tal-10 anniversarju tar-Riżoluzzjoni 1325 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar in-nisa, il-paċi u s-sigurtà, u ġibdet qrib il-500 parteċipant.

Ġew skambjati l-fehmiet bejn in-nies fuq il-panel u l-parteċipanti l-oħra dwar kif tista' tintemm l-impunità, kif jistgħu jissaħħu n-nisa u kif tista' tiġi implimentata l-leġiżlazzjoni eżistenti. Il-membri tal-panel qablu li atturi internazzjonali bħan-NATO, l-UE u n-NU għandhom rwol importanti fl-integrazzjoni sħiħa tal-perspettivi tas-sessi fl-azzjonijiet tagħhom.

Fid-dawl tal-konferenza ministerjali ta' reviżjoni tan-NU dwar in-nisa, il-paċi u s-sigurtà f'Ottubru 2010, il-konferenza kkonkludiet li l-komunità internazzjonali trid taħdem iktar biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni sħiħa tar-Riżoluzzjoni tan-NU 1325, u l-leġiżlazzjoni sussegwenti. Dan jinvolvi ż-żieda tal-isforzi biex jitħarsu n-nisa f'żoni ta' kunflitt u biex jissaħħaħ ir-rwol tan-nisa f'operazzjonijiet taż-żamm tal-paċi u fi proċessi ta' ħolqien tal-paċi billi titjib ir-rappreżentanza tas-sessi f'postijiet ta' kapijiet, billi jissaħħaħ l-użu ta' konsulenti dwar is-sessi f'missjonijiet u operazzjonijiet u billi jiġu appoġġjati attivitajiet tas-soċjetà ċivili f'dawn l-oqsma.

Għal aktar tagħrif

Il-lista sħiħa tal-konklużjonijiet tal-konferenza tista' titniżżel minn

http://www.securitydefenceagenda.org/ .

Il-konferenza kollha ġiet strimjata fuq l-internet u tista' taraha f'

http://www.nato.int/cps/en/natolive/news_61039.htm .


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website