Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni u l-Parlament jerġgħu jniedu l-ħidma għal reġistru u kodiċi tal-kondotta komuni għar-rappreżentanti tal-interessi

European Commission - IP/10/544   06/05/2010

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/10/544

Brussell, is-6 ta' Mejju 2010

Il-Kummissjoni u l-Parlament jerġgħu jniedu l-ħidma għal reġistru u kodiċi tal-kondotta komuni għar-rappreżentanti tal-interessi

Il-Kummissjoni Ewropea u l-Parlament Ewropew illum reġgħu nedew it-taħdidiet bil-għan li jitwaqqfu reġistru u kodiċi tal-kondotta komuni għar-rappreżentanti tal-interessi. Fuq inizjattiva tal-Viċi-President tal-Kummissjoni Maroš Šefčovič u s-Sinjura Diana Wallis, li kienet qed tmexxi d-delegazzjoni tal-Parlament li kienet tikkonsisti f'Carlo Casini, Jo Leinen u Isabelle Durant, il-grupp ta' livell għoli, imniedi matul il-leġiżlatura parlamentari preċedenti u l-Kummissjoni, issa se jerġgħu jibdew il-ħidma tagħhom bl-intenzjoni li jikkonkludu n-negozjati dwar ir-reġistru komuni mill-aktar fis possibbli, wara li jkunu rrappurtaw lura liż-żewġ istituzzjonijiet.

"Ninsabu kuntenti ħafna bil-progress li għamilna fir-rigward tar-reġistru tal-Kummissjoni sa minn meta dan twaqqaf fl-2008," ikkummenta l-Viċi-President Šefčovič. "Diġà nkitbu madwar 2,700 organizzazzjoni. Iżda issa rridu nimxu lejn l-istadju li jmiss b'reġistru konġunt mal-Parlament. Qed nistenna bil-ħerqa diskussjonijiet utli mas-Sinjura Wallis u l-grupp li hija tmexxi matul ix-xhur li ġejjin."

"Il-Parlament Ewropew huwa ħerqan għall-bidu mill-ġdid tan-negozjati mal-Kummissjoni u għat-twaqqif ta' reġistru komuni," qalet Diana Wallis, Viċi-President tal-Parlament Ewropew. "Huwa ċar li huwa fl-interess taċ-ċittadini Ewropej tagħna li naħdmu flimkien sabiex nagħmlu din is-sistema trasparenti kemm jista' jkun, u li nżommu kont tar-rappreżentanti tal-interessi li jippruvaw jinfluwenzaw id-deċiżjonijiet ta' politika tal-UE f'kull stadju tal-proċess.

Bil-ftuħ tar-reġistru tar-rappreżentanti tal-interessi f'Ġunju 2008, it-trasparenza u l-aċċess taċ-ċittadini għall-informazzjoni dwar l-organizzazzjonijiet involuti fl-attivitajiet ta' rappreżentazzjoni tal-interessi laħaq livell ogħla minn qatt qabel1. Issa huwa maħsub li dan il-proċess jimxi pass ieħor 'il quddiem permezz ta' inizjattiva konġunta mill-Parlament u l-Kummissjoni.

Il-grupp iltaqa' llum (is-6 ta' Mejju) u ħa kont tal-progress li kien sar qabel l-elezzjonijiet Ewropej is-sena l-oħra. Dan kien jinkludi stqarrija konġunta tat-22 ta' April 2009 (Ġabra ta' linji gwida għal reġistru u kodiċi ta' kondotta komuni) li ppreżentat lista ta' punti ta' qbil komuni. Sa minn dak iż-żmien, żvilupp importanti kienet l-analiżi2 ppubblikata mill-Kummissjoni Ewropea f'Ottubru li għadda. Il-ħidma issa se tikkonċentra fuq il-kwistjonijiet amministrattivi u tekniċi li jenħtieġ li jiġu solvuti, inkluż pereżempju l-mekkaniżmu tal-ilmenti u s-sanzjonijiet.

1 :

S'issa hemm aktar minn 2,700 organizzazzjoni rreġistrata.

2 :

L-Inizjattiva Ewropea għat-Trasparenza: ir-Reġistru tar-Rappreżentanti tal-Interessi, sena wara. COM(2009) 612 finali


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website