Navigation path

Left navigation

Additional tools

L-ispettru tar-radju: regoli armonizzati fl-UE sabiex jitrawmu servizzi tal-internet mingħajr wajers u b’veloċità għolja u sabiex tiġi evitata l-interferenza li tista’ tagħmel il-ħsara

European Commission - IP/10/540   06/05/2010

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/10/540

Brussell, is-6 ta’ Mejju 2010

L-ispettru tar-radju: regoli armonizzati fl-UE sabiex jitrawmu servizzi tal-internet mingħajr wajers u b’veloċità għolja u sabiex tiġi evitata l-interferenza li tista’ tagħmel il-ħsara

Il-Kummissjoni Ewropea adottat Deċiżjoni li tistabbilixxi regoli tekniċi armonizzati għall-Istati Membri dwar l-allokazzjoni tal-frekwenzi tar-radju fil-medda ta’ 800 MHz, li jagħtu kontribut għall-użu ta’ servizzi tal-internet mingħajr wajers u b’veloċità għolja billi tiġi evitata l-interferenza li tista’ tagħmel il-ħsara. Bħala parti mid-“dividend diġitali” li ġej mill-bidla mix-xandir analogu għal dak diġitali, f’diversi Stati Membri l-medda ta’ frekwenzi ta’ 800 MHz mhux qed tibqa’ tintuża għall-użu tagħha ta’ bħalissa. Jekk l-Istati Membri jiddeċiedu li jibdlu l-allokazzjoni tal-frekwenzi eżistenti (għax-xandir), huma jkollhom japplikaw minnufih ir-regoli tekniċi armonizzati stabbiliti fid-Deċiżjoni sabiex dawn il-frekwenzi jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-applikazzjonijiet tal-broadband mingħajr wajers. Minnha nnifisha, id-Deċiżjoni ta’ llum ma teħtieġx lill-Istati Membri jqiegħdu l-medda ta’ frekwenzi ta’ bejn is-790 u t-862 MHz għad-dispożizzjoni tas-servizzi elettroniċi tal-komunikazzjoni. Madanakollu, il-Kummissjoni qed tqis it-tali proposta fil-Programm li ġej ta’ politika dwar l-ispettru tar-radju, li se jqis il-konsultazzjoni li saret dan l-aħħar dwar dan is-suġġett, kif ukoll is-Samit dwar l-ispettru li sar fit-22 u t-23 ta’ Marzu u li kien organizzat mill-Kummissjoni u mill-Parlament Ewropew (ara d-dokument IP/10/232).

Il-Kummissarju tal-UE għall-Aġenda Diġitali, Neelie Kroes, qalet: “Din id-Deċiżjoni twitti t-triq għall-implimentazzjoni ta’ teknoloġiji innovattivi tal-broadband u twitti t-triq biex tintlaħaq id-domanda għas-servizzi bla wajers, li qiegħda tikber b’rata mgħaġġla. Inħeġġeġ lill-Istati Membri jieħdu l-passi meħtieġa biex jimplimentaw din id-Deċiżjoni, sabiex in-negozji u ċ-ċittadini Ewropej ikunu jistgħu jgawdu bis-sħiħ mill-benefiċċji tal-bidla għat-televiżjoni diġitali.”

Il-Kummissjoni hija favur l-użu tal-medda ta’ frekwenzi ta’ bejn is-790 u t-862 MHz għas-servizzi elettroniċi ta’ komunikazzjoni (medda li dal-ħin f’ħafna mill-Istati Membri tintuża għax-xandir), u trid li l-pajjiżi tal-UE jaġixxu malajr kemm jista’ jkun, minħabba li l-ġestjoni kkoordinata ta’ dan l-ispettru tista’ tagħti spinta lill-ekonomija tal-UE b’saħansitra EUR 44 biljun. Barra minn hekk, dan jista’ jgħin biex tintlaħaq il-mira tal-istrateġija tal-UE għall-2020 li, sa tmiem l-2013, kulħadd ikollu aċċess għall-broadband b’veloċità għolja (b’veloċitajiet li jiżdiedu gradwalment sa 30 Mbts u iktar fl-2020 – ara d-dokument IP/10/225).

Id-Deċiżjoni l-ġdida tal-Kummissjoni tgħid li l-Istati Membri kollha li jiddeċiedu li jqiegħdu l-medda ta’ frekwenzi tal-ispettru ta’ bejn is-790 u t-862 MHz (l-hekk imsejħa medda ta’ frekwenzi ta’ 800 MHz) għad-dispożizzjoni ta’ servizzi li mhumiex servizzi tax-xandir, għandhom japplikaw l-istess regoli tekniċi armonizzati meta jagħmlu dan. Dawn ir-regoli tekniċi se jiżguraw li t-tagħmir tal-komunikazzjoni bir-radju, bħas-settijiet tat-telefown tal-idejn u l-istazzjonijiet ta’ bażi li jużaw il-medda ta’ frekwenzi ta’ 800 MHz, ikun jista’ jintuża b’mod effiċjenti għan-netwerks tal-broadband bla wajers, bħalma hija t-teknoloġija mobbli tar-raba’ ġenerazzjoni (pereżempju l-“LTE” jew il-“Wimax”). It-teknoloġiji tal-“LTE” u tal-“Wimax” jippermettu li jiġi pproċessat u trażmess ammont ta’ tagħrif ikbar minn dak li jista’ jiġi pproċessat u trażmess illum, pereżempju għall-istreaming mingħajr waqfiet ta’ filmati ta’ kwalità għolja (fuq talba) għal fuq it-telefowns ċellulari jew it-telefowns intelliġenti (“smart phones”) u għal fuq apparat ieħor.

L-esperti tal-industrija tat-telekomunikazzjoni jqisu li l-infrastruttura użata għall-kopertura tal-broadband mobbli li tuża l-medda ta’ frekwenzi ta’ 800 MHz se tkun tiswa madwar 70 % inqas milli kieku jintużaw il-frekwenzi tar-radju li qed jintużaw bħalissa għat-teknoloġija mobbli tat-tielet ġenerazzjoni (l-UMTS). Minħabba li t-tali netwerks jeħtieġu inqas spejjeż biex jiddaħħlu fis-servizz, dawn l-investimenti se jattiraw iktar lill-operaturi. Dan għandu jwassal għal titjib fil-kopertura ġeografika tas-servizzi tal-broadband bla wajers. L-applikazzjoni tar-regoli tekniċi għall-allokazzjoni tal-frekwenzi previsti f’din id-Deċiżjoni se żżid b’mod sostanzjali l-benefiċċji ekonomiċi potenzjali tad-dividend diġitali billi tagħti spinta ġdida lis-servizzi tal-internet mingħajr wajers.

S’issa l-medda ta’ frekwenzi ta’ 800 MHz f’ħafna mill-Istati Membri ntużat għax-xandir televiżiv terrestri. Ir-regoli l-ġodda stabbiliti fid-Deċiżjoni jistipulaw il-kundizzjonijiet għall-allokazzjoni ta’ kważi kwart mill-frekwenzi li se jsiru disponibbli ladarba l-Istati Membri jagħmlu l-bidla mix-xandir analogu għal dak diġitali (bidla li għandha ssir sal-aħħar tal-2012 – ara d-dokument IP/09/266). Dal-ħin, il-Kummissjoni qed taħdem fuq Programm ta’ politika dwar l-ispettru tar-radju (ara d-dokument IP/10/232) li se jqis l-elementi l-oħra tad-dividend diġitali u li jista’ jkun fih ukoll data komuni sa meta l-Istati Membri kollha jridu jkunu qiegħdu għad-dispożizzjoni l-medda ta’ frekwenzi ta’ 800 MHz.

Il-kuntest

L-Istati Membri tal-UE għandhom ilestu l-bidla mix-xandir televiżiv terrestri b’mod analogu għal dak diġitali sa tmiem l-2012 (ara d-dokument IP/09/266). Din il-bidla se twassal biex ammont kbir mill-ispettru, magħruf bħala “d-dividend diġitali”, ma jibqax jintuża għall-użu tiegħu ta’ bħalissa.

Il-ġestjoni tal-ispettru tar-radju fl-Ewropa għadha f’idejn il-gvernijiet nazzjonali, iżda l-koordinazzjoni tal-ispettru fil-livell tal-UE hija meħtieġa dejjem iktar, minħabba li ħafna mill-applikazzjonijiet il-ġodda ta’ bla wajers huma servizzi tas-suq tal-massa, li jiddependu fuq l-ekonomiji fil-kobor u fuq il-benefiċċji tas-Suq Waħdieni biex ikunu vijabbli mil-lat kummerċjali (jiġifieri l-apparat u s-servizzi jridu jkunu jaħdmu fl-Istati Membri kollha tal-UE).

Stħarriġ li twettaq għall-Kummissjoni sab li, meta mqabbla mal-pjanijiet individwali nazzjonali, il-koordinazzjoni x-xierqa fil-livell tal-UE se żżid l-impatt ekonomiku potenzjali tad-dividend diġitali b’mod sostanzjali (b’bejn 17 u 44 biljun Ewro, skont liema xenarju jingħażel) u se jkollha impatt soċjali ġenerali pożittiv. Għal iktar dettalji ara s-sit tal-internet li ġej:

http://www.analysysmason.com/EC_digital_dividend_study.

Id-Deċiżjoni tal-lum tinsab fuq is-sit tal-internet li ġej:

http://ec.europa.eu/information_society/policy/ecomm/radio_spectrum/documents/legislation/index_en.htm#800mhz

Għal aktar dettalji, ara d-dokument MEMO/10/170.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website