Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/10/534

Brussell, is-6 ta' Mejju 2010

Il-Kummissjoni Ewropea ssejjaħ biex tiżdied il-protezzjoni tal-minorenni mhux akkumpanjati li jidħlu fl-UE

Il-Kummissjoni Ewropea llum adottat Pjan ta' Azzjoni biex iżżid il-protezzjoni ta' minorenni mhux akkumpanjati li jidħlu fl-UE, li jiġbor fih standards komuni għall-kustodja u r-rappreżentazzjoni legali. L-għan tal-Pjan huwa li joħloq approċċ Ewropew komuni sabiex ikun żgurat li malajr kemm jista' jkun, preferibbilment fi żmien sitt xhur, l-awtoritajiet kompetenti jieħdu deċiżjoni dwar il-futur ta' kull minorenni mhux akkumpanjat. Bħala prijorità, l-Istati Membri għandhom jittraċċaw il-familji tal-minorenni mhux akkumpanjati u b'attenzjoni jissorveljawlhom l-integrazzjoni mill-ġdid fis-soċjetà oriġinali tagħhom. Jekk huwa fl-aħjar interess tat-tfal, l-Istati Membri għandhom isibu soluzzjonijiet alternattivi inkluż l-għoti ta' status ta' protezzjoni internazzjonali jew sistemazzjoni mill-ġdid fl-UE.

Mhux faċli li jkun hemm stampa ċara tal-għadd ta' minorenni mhux akkumpanjati li qed jaslu fl-Ewropa permezz tal-proċess ta' migrazzjoni, iżda l-applikazzjonijiet għall-ażil li ġew ippreżentati s-sena l-oħra minn tfal taħt it-18-il sena li ma kinux akkumpanjati minn adult jistgħu jagħtu idea ta' kemm hi wiesgħa l-problema. Dejta mill-Eurostat tindika li fl-2009, 10 960 minorenni mhux akkumpanjati għamlu applikazzjoni għall-ażil fi 22 Stat Membru (minbarra r-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, Franza, il-Polonja u r-Rumanija), li jirrappreżentaw żieda ta' 13% meta mqabbla mal-2008 meta kien hemm 9 695 applikazzjoni.

Ir-raġunijiet wara dawn il-wasliet ta' minorenni mhux akkumpanjati jvarjaw. Minorenni mhux akkumpanjati jaħarbu minn gwerer u kunflitti, faqar jew katastrofi naturali, diskriminazzjoni jew persekuzzjoni. Jintbagħtu mill-familji tagħhom bit-tama għal ħajja aħjar, sabiex ikunu jistgħu jmantnu lill-familji tagħhom f'pajjiżhom, jew f'tentattiv biex jingħaqdu ma' membri oħra tal-familja li jinsabu diġà fl-UE. Uħud huma vittmi tat-traffikar tal-bnedmin. Il-Pjan ta' Azzjoni jipproponi approċċ tal-UE bbażat fuq tliet linji ta' azzjoni: il-prevenzjoni ta' migrazzjoni mhux sigura u t-traffikar, l-akkoljenza u l-garanziji proċedurali fl-UE kif ukoll l-identifikazzjoni ta' soluzzjonijiet għal zmien twil.

"L-Ewropa teħtieġ tieħu azzjoni immedjata biex tħares il-minorenni mhux akkumpanjati, li huma l-iktar vittmi esposti u vulnerabbli tal-migrazzjoni", qalet Cecilia Malmström, il-Kummissarju tal-UE għall-Affarijiet Interni. "Dan il-Pjan ta' Azzjoni għandu l-għan li jistabbilixxi approċċ komuni u kkordinat biex jiffaċċja sfida li fis-snin li ġejjin se tikber. Hija ta' importanza kbira li l-Istati Membri jimpenjaw irwieħhom biex joffru standards għoljin ta' akkoljenza, protezzjoni u integrazzjoni għal minorenni mhux akkumpanjati. Il-prinċipju tal-aħjar interessi tat-tfal għandi jkun dejjem il-bażi ta' kwalunkwe azzjoni li tittieħed. Għandna niffukaw fuq l-intraċċar tal-familji tal-minorenni li qed jidħlu fit-territorju tal-UE waħdehom u jeħtieġ li nagħtu kundizzjonijiet ta' ritorn li jippermettulhom jerġgħu jingħaqdu mal-familji tagħhom".

Il-Pjan ta’ Azzjoni huwa mibni fuq dawn l-għaxar prinċipji:

1. It-tfal kollha għandhom jiġu ttrattati l-ewwel u qabel kollox bħala tfal. L-aħjar interessi tat-tfal għandhom ikunu l-kunsiderazzjoni primarja f'kull azzjoni li tikkonċerna minorenni mhux akkumpanjati.

2. It-tfal kollha għandhom jiġu ttrattati skont ir-regoli u l-prinċipji segwiti fl-Unjoni Ewropea u fl-Istati Membri tagħha, b'mod partikolari l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal u l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem.

3. Għandu jsir kull sforz possibbli biex jinħoloq ambjent li jippermetti lit-tfal jitrabbew fil-pajjiż ta' oriġini tagħhom bi prospetti tajbin għal żvilupp personali u livell deċenti ta' għajxien.

4. It-tfal għandhom ikunu protetti minn traffikanti u gruppi kriminali u forom oħra ta' vjolenza jew sfruttament.

5. Għandu jsir kull sforz biex jinstabu l-familji tat-tfal u biex it-tfal jerġgħu jingħaqdu mal-familji tagħhom sakemm dan ikun fl-aħjar interess tat-tfal.

6. Għandhom japplikaw miżuri ta' akkoljenza u garanziji proċedurali li huma speċifiċi għat-tfal mill-mument li t-tfal jinstabu fil-fruntiera esterna jew fit-territorju tal-Unjoni Ewropea sakemm tinstab soluzzjoni għal żmien twil. Il-kustodja u r-rappreżentazzjoni legali tat-tfal huma ta' importanza kruċjali.

7. Deċiżjoni dwar il-futur ta' kull tifel u tifla għandha tittieħed fl-iqsar żmien possibbli, preferibbilment fi żmien sitt xhur.

8. Il-minorenni mhux akkumpanjati għandhom dejjem jitqegħdu f'akkomodazzjoni xierqa u jiġu trattati b'manjiera li hija totalment kumpatibbli mal-aħjar interessi tagħhom. Meta eċċezzjonalment id-detenzjoni hija ġġustifikata, din trid tintuża biss bħala l-aħħar mezz, għall-iqsar żmien xieraq filwaqt li jitqiesu l-aħjar interessi tat-tfal bħala kunsiderazzjoni primarja.

9. Soluzzjonijiet għal żmien twil għandhom jiġu determinati skont evalwazzjoni individwali tal-aħjar interessi tat-tfal. Dawn għandhom jikkonsistu fir-ritorn u l-integrazzjoni mill-ġdid fil-pajjiż ta' oriġini, filwaqt li jingħata status ta' protezzjoni internazzjonali jew status legali ieħor li jippermetti lit-tfal jintegraw fi Stat Membru ta' residenza, jew fis-sistemazzjoni mill-ġdid fl-Unjoni Ewropea.

10. Il-partijiet kollha interessati – l-Istituzzjonijiet tal-UE, l-Istati Membri, il-pajjiżi ta' oriġini u ta' tranżitu, organizzazzjonijiet internazzjonali u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili – għandhom jingħaqdu u jsaħħu l-isforzi tagħhom biex jindirizzaw il-kwistjoni ta' tfal mhux akkumpanjati u jiżguraw li l-aħjar interess tat-tfal ikun protett.

Ċifri u statistiċi

In-Netwerk Ewropew dwar il-Migrazzjoni, (European Migration Network - EMN), ipproduċa Studju Komparattiv dwar il-Minorenni Mhux Akkumpanjati. L-EMN Synthesis Report, kif ukoll it-22 Rapport Nazzjonali li fuqhom hija bbażata s-sinteżi jinsabu fuq

http://emn.sarenet.es/Downloads/prepareShowFiles.do;?directoryID=115.

Il-Kamra tal-Aħbarijiet tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni

http://ec.europa.eu/justice_home/news/intro/news_intro_en.htm

Paġna ewlenija tas-sit elettroniku ta' Cecilia Malmström, il-Kummissarju għall-Affarijiet Interni:

http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/malmstrom/welcome/default_en.htm

Għal aktar tagħrif

MEMO/10/168

MEMO/10/169


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website