Navigation path

Left navigation

Additional tools

Tbassir għar-rebbiegħa 2010-2011: bħalissa l-ekonomija tal-UE qed tirkupra b'mod gradwali

European Commission - IP/10/495   05/05/2010

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/10/495

Brussell, il-5 ta' Mejju 2010

Tbassir għar-rebbiegħa 2010-2011: bħalissa l-ekonomija tal-UE qed tirkupra b'mod gradwali

It-tbassir tal-Kummissjoni għar-rebbiegħa jikkonferma li bħalissa l-ekonomija tal-UE qed tirkupra. Wara li esperjenzat l-agħar reċessjoni fl-istorja tagħha, l-ekonomija tal-UE hija mistennija tikber b'1 % fl-2010 u b'1.75 % fl-2011. Dan jimplika reviżjoni 'l fuq ta' kwart ta' punt perċentwali għal din is-sena mit-tbassir tal-Kummissjoni għall-ħarifa, hekk kif il-pajjiżi tal-UE qed igawdu minn ambjent estern iktar b'saħħtu. Minkejja dan, domanda domestika dgħajfa qed tkompli żżomm l-ekonomija milli tirkupra iktar. Il-veloċità tal-irkupru hija mbassra li se tvarja fl-Istati Membri, u tirrifletti ċ-ċirkustanzi individwali tagħhom u l-politiki li jimplimentaw. Dan l-aħħar, il-kundizzjonijiet tas-suq tax-xogħol urew xi sinjali ta' stabbilizzazzjoni, u din is-sena, ir-rata tal-qgħad fl-UE hija mistennija tilħaq livell iktar baxx minn dak li kien tbassar qabel, iżda xorta se tibqa' qrib l-10 %. Il-miżuri fiskali temporanji fis-seħħ kienu element ewlieni li wassal biex l-ekonomija tal-UE tirkupra, imma huma żiedu wkoll l-iżbilanċ pubbliku, li huwa mistenni jogħla għal 7.25 % tal-PGD fl-2010 qabel ma jerġa' jinżel ftit fl-2011.

Il-Kummissarju tal-UE għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji, Olli Rehn, qal: "Il-perspettiva mtejba għat-tkabbir ekonomiku matul din is-sena hija aħbar tajba għall-Ewropa. Issa rridu niżguraw li t-tkabbir ma jixxekkilx mir-riskji marbutin mal-istabbiltà finanzjarja. It-tkabbir sostenibbli jitlob sforzi determinati ta' konsolidament fiskali u riformi li jtejbu l-produttività u l-impjiegi."

Fl-UE, ir-reċessjoni ekonomika spiċċat fit-tielet kwart tal-2009, l-iktar bl-għajnuna tal-miżuri eċċezzjonali tal-kriżi li tpoġġew fis-seħħ skont il-Pjan Ewropew ta' Rkupru Ekonomiku, imma wkoll minħabba xi fatturi temporanji oħra. Wara l-ewwel qabża 'l quddiem wara r-reċessjoni, l-irkupru qed ikun iktar gradwali milli kien fi żminijiet ta' titjib fil-passat. Din mhi ħaġa li tissorprendi ’l ħadd meta wieħed jikkunsidra n-natura straordinarja tat-tnaqqis ekonomiku reċenti. Il-qabżiet il quddiem f'ċikli li jiġu wara kriżi finanzjarja għandhom it-tendenza li jkunu inqas qawwija minn dawk f'ċirkustanzi oħra. Bħal pajjiżi żviluppati oħra, l-UE se tkompli titqabad mal-konsegwenzi tal-kriżi għal xi żmien.

L-irkupru gradwali ta' wara l-kriżi

Għalkemm inġenerali l-prospetti tat-tkabbir fuq perjodu qasir jibqgħu mrażżna, huwa mbassar xi ftit titjib meta mqabbel mat-tbassir għall-ħarifa. Dan ġej mill-qabża 'l quddiem iktar b'saħħitha li kien hemm fl-attività globali u fil-kummerċ fil-bidu ta' din is-sena u minn perspettiva esterna mtejba. Barra minn hekk, l-ekonomija tal-UE qed taffaċċja kurrenti kontriha minn diversi lati li huma mistennija jżommu lura d-domanda. Il-profil ta' dan l-irkupru aktarx li se jkun affettwat sa ċertu punt minn għadd ta' fatturi temporanji, kemm jekk ikunu relatati mat-temp, jekk ikunu ċikliċi jew jekk ikunu ġejjin mill-politika.

Bit-tnaqqis ta' dawn l-effetti, it-tkabbir tal-PGD huwa mistenni li jerġa' jissoda, iżda dan mhux se jseħħ qabel tmiem l-2010. Dan ġej mil-livell tal-użu tal-kapaċità li għadu baxx ħafna, mill-proċess ta' tnaqqis fil-livell tad-dejn u mill-istmerrija tar-riskju ogħla, li jżommu lura l-investiment, u mit-tkabbir imrażżan fil-konsum privat. It-tkabbir fil-konsum huwa mxekkel ukoll mit-tkabbir dgħajjef fil-pagi u fl-impjiegi, u mit-tiswija tas-suq tad-djar f'għadd ta' pajjiżi.

Is-suq tax-xogħol u l-finanzi pubbliċi jinsabu taħt pressjoni

Għalkemm l-impatt tal-kriżi ekonomika fuq is-suq tax-xogħol tal-UE huwa sostanzjali, jidher li, fil-fatt, huwa ftit inqas minn dak li kien mistenni fil-bidu. Dan huwa minħabba l-użu ta' miżuri għal żmien qasir u ż-żamma tal- ħaddiema f'xi Stati Membri, imma huwa wkoll ir-riżultat tar-riformi tal-passat. Is-sinjali ta' stabbilizzazzjoni diġà bdew jidhru u l-perspettiva issa hija kemxejn aħjar minn dik li kienet fit-tbassir għall-ħarifa. Minkejja dan, minħabba d-dewmien fiż-żmien bejn l-iżviluppi fl-ekonomija reali u s-suq tax-xogħol, l-impjiegi xorta għadhom mistennija jonqsu b'xi 1 % din is-sena u mistennija jibdew jiżdiedu biss matul l-2011. Fl-UE, ir-rata tal-qgħad hija mistennija li tistabbilizza f’rata ta’ madwar 10 %, jew nofs punt perċentwali inqas minn dak li kien mistenni fil-ħarifa li għaddiet, għalkemm is-sitwazzjoni tvarja ħafna fl-Istati Membri differenti.

Ir-reċessjoni kellha impatt kbir fuq il-finanzi pubbliċi. Minħabba t-tħaddim tal-istabilizzaturi awtomatiċi u l-miżuri ta' diskrezzjoni meħuda biex jappoġġaw l-ekonomija fi ħdan il-qafas tal-Pjan Ewropew ta' Rkupru Ekonomiku, id-defiċit tal-gvern ittripla mill-2008 ’l hawn. Huwa mistenni li din is-sena d-defiċit fl-UE jogħla (u jilħaq is-7.25 % tal-PGD) u li se jitjieb kemxejn fl-2011 (għal madwar 6.5 %). Dan ġej mill-iskadenza tal-miżuri temporanji ta' appoġġ u miż-żieda fl-attività. Il-proporzjon tad-dejn huwa mistenni li jibqa' jiżdied. Id-dejn pubbliku, li fil-medja huwa għoli u qed jiżdied, huwa l-iktar konsegwenza li ddum tal-kriżi; id-dejn se jħalli impatt fit-tul fuq l-ekonomija, li jdum ferm iktar miż-żmien li għalih qed isir it-tbassir bħalissa.

L-inflazzjoni hija mistennija li tibqa' mrażżna

L-inflazzjoni tal-prezzijiet tal-konsumaturi għoliet xi ftit mil-livelli baxxi ħafna rreġistrati s-sena l-oħra. Madankollu, probabbli l-fatt li l-ekonomija għaddejja b'ritmu baxx se jżomm il-pagi u l-inflazzjoni milli jiżdiedu, u se jagħmel tajjeb, parzjalment, għaż-żieda mistennija fil-prezzijiet tal-prodotti u għall-ewro iktar batut fiż-żona tal-ewro. L-inflazzjoni tal-indiċi armonizzat tal-prezzijiet tal-konsum (l-HICP) hija mbassra li jkollha medja ta' 1.75 % fl-UE kemm din is-sena kif ukoll is-sena d-dieħla (u ta' 1.5 % u 1.75 % rispettivamant fiż-żona tal-ewro).

L-inċertezza għadha għolja, ir-riskji b'mod ġenerali huma bbilanċjati

L-irkupru tal-UE qed ikompli jkun imdawwar minn inċertezza kbira, li tidher pereżempju fit-tensjonijiet reċenti li kien hemm fis-swieq tal-bonds maħruġin mill-gvernijiet nazzjonali. It-tbassir ukoll huwa soġġett għall-inċertezzi, b'riskji li, b'mod ġenerali, huma bbilanċjati. Hekk kif l-ekonomija qed toħroġ minn reċessjoni flimkien ma' kriżi finanzjarja, l-irkupru jiddependi b'mod kruċjali mis-solidità tas-swieq finanzjarji, li għad iridu jiġu stabbiliti mill-ġdid b'mod sod. It-twessigħ mill-ġdid tal-iżbilanċi globali jista' jħalli impatt ukoll fuq il-prospetti Ewropej tat-tkabbir.

Minkejja s-sinjali evidenti tal-istabbilizzazzjoni, is-sitwazzjoni tas-suq tax-xogħol hija mistennija tibqa' dgħajfa. L-iżviluppi f'dan il-punt se jkunu ta' importanza ewlenija għall-proċess tal-irkupru fl-UE u jistgħu jkunu sors potenzjali ta' riskji 'l fuq u 'l isfel, skont l-effettività tal-miżuri tal-politika wkoll. Mill-banda l-oħra, il-qabża ’l quddiem fis-swieq emerġenti u l-irkupru tal-kummerċ li jirriżulta minnha jista' jagħti spinta akbar lill-ekonomija tal-UE, lil hinn minn dik mistennija bħalissa. Iż-żieda reċenti fil-kunfidenza (speċjalment fil-manifattura) turi li fiż-żmien qasir se jkun hemm xi riskji 'l fuq. It-tlestija b'suċċess tal-appoġġ finanzjarju għall-Greċja hija mistennija li żżid il-kunfidenza tal-investituri u tal-konsumaturi. Ir-riskji li hemm għall-perspettiva tal-inflazzjoni ukoll jidhru li, b'mod ġenerali, huma bbilanċjati.

Ara t-tabelli ta' hawn taħt u d-dokument sħiħ tat-tbassir fis-sit tal-internet li ġej:

http://ec.europa.eu/economy_finance/eu/forecasts/2010_spring_forecast_en.htm

Figures and graphics available in PDF and WORD PROCESSED

Figures and graphics available in PDF and WORD PROCESSED

Figures and graphics available in PDF and WORD PROCESSED

Figures and graphics available in PDF and WORD PROCESSED


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website