Navigation path

Left navigation

Additional tools

Iċ-Ċentri Ewropej tal-Konsumaturi jieħdu azzjoni flimkien biex jassistu lill-passiġġieri milquta mill-kriżi kkawżata mill-irmied vulkaniku fl-ajru ħalli jieħdu dak li għandhom jedd għalih

European Commission - IP/10/492   04/05/2010

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/10/492

Brussell, l-4 ta’ Mejju 2010

Iċ-Ċentri Ewropej tal-Konsumaturi jieħdu azzjoni flimkien biex jassistu lill-passiġġieri milquta mill-kriżi kkawżata mill-irmied vulkaniku fl-ajru ħalli jieħdu dak li għandhom jedd għalih

In-netwerk taċ-Ċentri Ewropej tal-Konsumaturi (ECC-Net), bl-appoġġ tal-Kummissjoni Ewropea u li joperaw fl-Istati Membri kollha (u anki fl-Islanda u n-Norveġja), illum ħareġ pakkett prattiku kif jistgħu jsiru l-ilmenti, li tfassal biex jgħin lill-konsumaturi milquta mit-tħarbit ta' dan l-aħħar fit-titjiriet ħalli jeżerċitaw jeddijiethom bħala konsumaturi kif jiggarantixxu l-liġijiet tal-UE. Il-pakkett jinkludi ittra standard ta' lment, dettalji ta’ min wieħed jista’ jikkuntattja fi ħdan il-linji kollha tal-ajru u pariri prattiċi oħra. Ta' kull sena l-ECC-Net jittratta madwar 60,000 każ ta’ konsumaturi li jirrikorru għandu għall-pariri jew l-għajnuna rigward problemi li jħabbtu wiċċhom magħhom meta jkunu qed jixtru jew jivvjaġġaw bejn pajjiż u ieħor fl-UE. Fl-2009, 'il fuq minn ilment f'ħamsa (22.5 %) li ttrattaw l-ECCs kellhom x'jaqsmu mat-trasport bl-ajru. Matul l-ewwel ġimgħa tal-kriżi tal-irmied vulkaniku, l-għadd ta’ każijiet li ttratta n-netwerk żdied b’7 darbiet. Sa mill-bidu nett, l-ECCs fi ħdan in-Netwerk kienu attivati bi sħiħ, u ħadmu mill-qrib flimkien biex jiżguraw li jkun hemm assistenza koordinata għall-konsumaturi tal-UE.

Fi kliem il-Kummissarju tal-UE għas-Saħħa u l-Politika tal-Konsumatur, John Dalli: “Id-drittjiet tal-konsumaturi tal-UE japplikaw anki f’ċirkustanzi mhux tas-soltu. Fil-fatt, it-taħditiet dwar l-għajnuna lill-kumpaniji li ntlaqtu ħażin mill-kriżi tal-irmied iridu jkunu marbuta mar-rispett min-naħa tagħhom tad-drittijiet tal-passiġġieri”. Huwa żied jgħid: “Illum eluf ta' konsumaturi milquta mit-tħarbit fit-titjiriet għadhom bir-raġun qed jisħqu li drittijiethom jiġu rispettati bil-fatti. Il-messaġġ li ngħaddilhom huwa: toqgħodux lura milli tirrikjedu dak li hu tagħkom. Jekk xi linja tal-ajru jew xi operatur turistiku jibqa’ jinjora drittijietek, il-post li jmiss tirrikorri għandu huwa ċ-Ċentru Ewropew tal-Konsumaturi qrib tiegħek”.

Iċ-Ċentri Ewropej tal-Konsumaturi: għajnjuna diretta għall-vittmi tal-kriżi tal-irmied

In-netwerk taċ-Ċentri Ewropej tal-Konsumaturi (ECC-Net) ilu jaħdem sa minn meta feġġet il-kriżi tal-irmied vulkaniku sabiex joffri għajnuna prattika lill-passiġġieri li ma setgħux jivvjaġġaw minħabba t-tħarbiet fit-titjiriet u li qed iħabbtu wiċċhom ma' diffikultajiet biex id-drittijiet tagħhom bħala konsumaturi jiġu rispettati. L-għadd ta’ konsumaturi li kkuntattjaw lill-ECC-Net għall-għajnuna jew il-pariri dwar id-drittijiet tal-passiġġieri tal-ajru żdied b’seba’ darbiet matul l-ewwel ġimgħa tal-kriżi fuq il-ġimgħa ta’ qabel.

Illum, il-Kummissjoni Ewropea u l-ECC-Net poġġew għad-dispożizzjoni tal-konsumaturi - bil-lingwi kollha tal-UE - pakkett prattiku tal-ilmenti biex jgħinhom jirrikjedu li jiġu rispettati drittijiethom b'mod effettiv. Il-pakkett jinkludi, pereżempju:

- Ittra standard ta’ lment, disponibbli bil-lingwi nazzjonali;

- Lista ta' indirizzi fejn jistgħu jintbagħtu l-ittri bl-ilmenti;

- Parir dwar l-użu ta’ soluzzjoni għat-tilwim mal-kumpaniji barra mill-qorti, u l-użu tal-proċedura tal-UE dwar talbiet żgħar, p.eż. talbiet għar-rimborżi dovuti

- Tweġibiet għal mistoqsijiet li spiss isiru.

X’inhuma d-drittijiet tal-konsumaturi milquta mill-kriżi?

Dan l-aħħar, il-Kummissjoni ppubblikat dokument komprensiv bil-mistoqsijiet u t-tweġibiet dwar il-kriżi tal-irmied vulkaniku li inkludiet sommarju tad-drittijiet applikabbli għall-passiġġieri tal-ajru, bl-inklużjoni wkoll tal-każ speċjali tal-pakketti ta’ vvjaġġar (ara: MEMO/10/143).

X’ilmenti marbuta mal-kriżi ttratta n-netwerk ?

Xi eżempji tal-eluf ta' każijiet trattati mill-ECCs nazzjonali jinkludu:

- ECC tal-Belġju: passiġġier b’pakkett ta' vakanza nqabad barra minn pajjiżu bi tliet itfal minħabba titjira kkanċellata. L-operatur turistiku naqas milli jsiblu rotta oħra u rrifjuta li jkoprilu l-iljieli żejda fil-lukanda. Minħabba f’hekk, bdew jispiċċawlu l-flus, u l-lukanda għedditu li tkeċċih jew tikkonfiskalu l-passaport.

- ECC tal-Irlanda: passiġġier Irlandiż b'kundizzjoni medika serja nqabad ir-Rumanija. Il-mediċina li kellu fuqu kienet waslet biex tispiċċa u ma kinetx disponibbli fil-post fejn kien, li skont konferma tat-tabib tiegħu setgħet kellha konsegwenzi mediċi gravi. Il-linja tal-ajru ċaħditu milli jingħata prijorità fuq it-titjira disponibbli li kien imiss, minħabba li skont hi diġà kellha wisq nies ibbukkjati fuqha.

X’inhuma l-kompiti ta' kuljum tal-ECC-Net?

Iċ-Ċentri Ewropej tal-Konsumaturi jispeċjalizzaw fl-għajnuna lill-konsumaturi tal-UE li jkollhom problemi meta jixtru oġġetti jew servizzi f'pajjiż ieħor tal-UE. In-netwerk ittratta mas-60,000 każ fl-2009. Is-servizzi ewlenin offruti mill-ECCs jinkludu:

- pariri fuq id-drittijiet u d-dmirjiet tal-konsumaturi fl-isfera nazzjonali u f'dik tal-UE;

- assistenza sabiex tintlaħaq soluzzjoni barra mill-qorti mal-kummerċjant;

- direzzjoni tal-konsumaturi lejn skemi ta' soluzzjonijiet bla involviment tal-qorti jew pariri dwar l-użu tal-proċedura tal-UE dwar talbiet zgħar, p.eż. biex jintalab rimborż.

L-ilmenti tal-konsumaturi fil-qasam tat-trasport bl-ajru:

Fl-2009, ilment minn tlieta (33 %) li ttrattaw l-ECCs kellhom x'jaqsmu mat-trasport. Fost dawn, mal-75 % kkonċernaw it-trasport bl-ajru. F'dan l-aħħar grupp ta' lmenti, kważi tmienja minn għaxar ilmenti (79.2 %) ikkonċernaw id-drittijiet tal-passiġġieri tal-ajru, filwaqt li l-ilmenti marbuta mal-bagalji (mitlufa jew misruqa) ammontaw għal aktar minn 20 %.

Fis-sajf tal-2010, l-ECC-Net se jiffinalizza proġett bi sħab li jirrevedi l-ilmenti marbuta mat-trasport bl-ajru ttrattati min-netwerk fl-2008.

Aktar dettalji:

Is-sit ċentrali tal-ECC-Net jinkludi links għas-siti nazzjonali u l-pakkett tal-ilmenti:

http://ec.europa.eu/consumers/ecc/index_en.htm

Studji ta' każijiet speċifiċi: Eżempji ta' lmenti solvuti mill-ECC-Net:

http://ec.europa.eu/consumers/ecc/success_stories_en.htm


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website